Werrej
Fittex fil-gwida

Azzjoni ewlenija 1: mobilità fit-tagħlim tal-individwi

Liema azzjonijiet huma appoġġati?

Din l-Azzjoni Ewlenija tappoġġja:

  • Proġetti ta’ mobilità fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ;
  • Lawrji Master Konġunti tal-Erasmus Mundus;
  • Self għal Master tal-Erasmus+.

L-Azzjonijiet appoġġjati minn din l-Azzjoni Ewlenija huma mistennija jġibu effetti pożittivi u dejjiema fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti involuti, kif ukoll fuq is-sistemi tal-politika fejn l-attivitajiet ikunu inkwadrati.

F'dak li jirrigwarda studenti, ħarrieġa, apprendisti u żgħażagħ, l-attivitajiet tal-mobilità appoġġjati minn din l-Azzjoni Ewlenija huma maħsuba biex jipproduċu r-riżultati li ġejjin:

  • titjib fil-prestazzjoni tat-tagħlim;
  • tisħiħ tal-impjegabbiltà u titjib fil-prospetti tal-karriera;
  • sens ikbar ta' inizjattiva u intraprenditorija;
  • awtonomizzazzjoni u awtostima aħjar;
  • titjib fil-kompetenzi f'lingwi barranin;
  • tisħiħ tal-kuxjenza interkulturali;
  • parteċipazzjoni fis-soċjetà iktar attiva;
  • iktar għarfien dwar il-proġett Ewropew u l-valuri tal-UE;
  • motivazzjoni ikbar għall-parteċipazzjoni f'taħriġ jew edukazzjoni (formali/mhux formali) fil-ġejjieni wara l-perjodu ta' mobilità barra l-pajjiż.

Fir-rigward tal-persunal, dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-professjonisti involuti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, l-attivitajiet ta' mobilità huma mistennija li jipproduċu r-riżultati li ġejjin:

  • kompetenzi mtejba, marbutin mal-profili professjonali tagħhom (tagħlim, taħriġ, ħidma maż-żgħażagħ, eċċ);
  • fehim aħjar tal-prattiki, il-politiki u s-sistemi fl-edukazzjoni, it-taħriġ jew ħidma fost iż-żgħażagħ fil-pajjiżi;
  • kapaċità ikbar biex jitniedu bidliet f'termini ta' modernizzazzjoni u ftuħ internazzjonali fi ħdan l-organizzazzjonijiet edukattivi tagħhom;
  • fehim akbar tal-interkonnessjonijiet bejn l-edukazzjoni formali u dik mhux formali, it-taħriġ vokazzjonali u s-suq tax-xogħol rispettivament;
  • kwalità aħjar tax-xogħol u l-attivitajiet tagħhom favur l-istudenti, il-persuni f'taħriġ, l-apprendisti, l-istudenti tfal, l-istudenti adulti, iż-żgħażagħ u l-voluntiera;
  • fehim u rispons aħjar tad-diversità soċjali, lingwistika u kulturali;
  • żieda fil-kapaċità biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' dawk żvantaġġjati;
  • żieda fl-appoġġ u l-promozzjoni ta' attivitajiet ta' mobilità għall-istudenti;
  • żieda fl-opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali u tal-karriera;
  • titjib fil-kompetenzi f'lingwi barranin;
  • żieda fil-motivazzjoni u s-sodisfazzjon fix-xogħol ta' kuljum tagħhom.

Attivitajiet appoġġjati minn din l-Azzjoni huma mistennija jipproduċu wkoll ir-riżultati li ġejjin fuq l-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw:

  • żieda fil-kapaċità biex jaħdmu fuq livell tal-UE/internazzjonali: ħiliet ta' ġestjoni u strateġiji ta' internazzjonalizzazzjoni mtejba; kooperazzjoni msaħħa ma' sħab minn pajjiżi oħrajn; allokazzjoni akbar ta' riżorsi finanzjarji (minbarra fondi tal-UE) biex jiġu organizzati proġetti tal-UE/internazzjonali; kwalità aħjar fit-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u s-segwitu ta' proġetti tal-UE/internazzjonali;
  • mod innovattiv u mtejjeb ta' operazzjoni lejn il-gruppi ta' mira tagħhom, billi jiġu pprovduti pereżempju: programmi iktar attraenti għal studenti, persuni f'taħriġ, apprendisti, żgħażagħ u voluntiera b'mod konformi mal-ħtiġijiet u l-aspettattivi tagħhom; kwalifiki mtejba tal-persunal ta' tagħlim u taħriġ; proċessi mtejba ta' rikonoxximent u validazzjoni ta' kompetenzi miksuba matul perjodi ta' tagħlim barra l-pajjiż; attivitajiet iktar effettivi għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali, metodi u prattiki mtejba tal-ħidma maż-żgħażagħ sabiex jiġu involuti b'mod attiv iż-żgħażagħ u/jew jiġu indirizzati gruppi żvantaġġjati, eċċ;
  • ambjent aktar modern, dinamiku, impenjat u professjonali ġewwa l-organizzazzjoni: lest li jintegra prattiki tajba u metodi ġodda fl-attivitajiet ta' kuljum; miftuħ għal sinerġiji ma' organizzazzjonijiet attivi f'oqsma soċjali, edukattivi u ta' impjiegi differenti; l-ippjanar b'mod strateġiku tal-iżvilupp professjonali tal-persunal tagħhom b'rabta mal-ħtiġijiet individwali u l-għanijiet organizzattivi; jekk rilevanti, kapaċi li jiġbdu lejhom studenti u persunal akkademiku eċċellenti minn madwar id-dinja.

Fuq perjodu twil, l-effett ikkombinat tal-bosta eluf ta’ proġetti appoġġjati minn din l-Azzjoni Ewlenija huwa mistenni jħalli impatt fuq is-sistemi tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ fil-pajjiżi parteċipanti, biex b’hekk jistimola r-riformi tal-politika u jattira riżorsi ġodda għall-opportunitajiet ta’ mobilità fl-Ewropa u lil hinn minnha.