Werrej
Fittex fil-gwida

L- Proġett ta’ mobilità għall-istudenti u l-persunal tal-ETV

Organizzazzjonijiet jistgħu japplikaw għall-proġetti għall-istudenti u l-persunal tal-ETV b'żewġ modi:

  • Kwalunkwe organizzazzjoni eleġibbli tista’ tapplika għal finanzjament għall-Proġetti ta’ mobilità għall-istudenti u l-persunal tal-ETV mingħajr il-Karta ta' Mobilità tal-ETV ta' Erasmus+
  • Organizzazzjoni b’rekord ta’ twettiq ippruvat li għandha Karta ta’ Mobilità tal-ETV ta’ Erasmus+ valida tista’ tuża proċedura rapida biex tapplika għal finanzjament għall-proġetti ta’ Mobilità għall-istudenti u l-persunal bil-Karta ta' Mobilità tal-ETV ta' Erasmus+.

Il-kriterji tal-eleġibilità u tal-għoti għal dawn iż-żewġ modalitajiet ta' applikazzjoni huma deskritti fit-taqsimiet rilevanti ta’ din l-Azzjoni.

ErasmusPro: appoġġ għal Mobilità fit-Tul tal-istudenti jew tal-gradwati reċenti tal-ETV

F’Diċembru 2016, il-Komunikazzjoni “Ninvestu fiż-żgħażagħ tal-Ewropa” nediet “ErasmusPro”, inizjattiva ta’ politika mmirata lejn iż-żieda tal-mobilità fit-tul f’pajjiż barrani, għall-istudenti tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, inklużi l-apprendisti u l-gradwati reċenti. ErasmusPro twieġeb għas-sejħiet kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll minn kumpaniji, u minn partijiet ikkonċernati tal-ETV oħrajn, biex tiżdied il-kwalità, il-ġibda, u l-impjegabilità tal-istudenti tal-ETV permezz ta’ kollokamenti fuq il-post tax-xogħol f’pajjiżi barranin.

Il-mobilità tal-ETV għandha valur ċar billi tgħin liż-żgħażagħ jiftħu moħħhom, iwessgħu l-ħiliet soċjali, professjonali u transversali tagħhom, jiżviluppaw ħajra għall-innovazzjoni u l-inizjattiva u sens ta’ ċittadinanza Ewropea. Hi mezz biex tittejjeb il-prestazzjoni ġenerali tal-organizzazzjonijiet (kemm il-fornituri u l-kumpaniji tal-ETV) involuti fi prattiki ta’ din ix-xorta, billi tiżviluppa strateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni sostnuti, filwaqt li tgħin ukoll in-negozji jsibu l-ħiliet adatti li jeħtieġu biex iżidu l-kompetittività tagħhom. Il-kollokamenti fuq il-post tax-xogħol fit-tul barra l-pajjiż għandhom valur miżjud ogħla għall-istudenti f’termini ta’ żvilupp ta’ ħiliet speċifiċi għal impieg u konoxxenza anki aħjar tal-lingwa, il-kultura u l-ambjent barranin, u b’hekk isaħħu l-impjegabilità tagħhom.

Proġett ta’ mobilità tal-ETV jista’ jinkludi attività waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

Il-mobilità tal-istudenti:

  • Mobilità f'fornituri u/jew kumpaniji tal-ETV barra l-pajjiż, minn ġimagħtejn għal anqas minn 3 xhur;
  • Mobilità fit-tul f'fornituri u/jew kumpaniji tal-ETV barra l-pajjiż (ErasmusPro), minn 3 sa 12-il xahar.

Dawn l-attivitajiet huma miftuħin għall-istudenti tal-ETV (inklużi l-apprendisti) fl-organizzazzjonijiet tat-taħriġ vokazzjonali (fornituri tal-ETV). Biex tissaħħaħ l-impjegabilità tal-istudenti tal-ETV u biex tkun faċilitata t-tranżizzjoni għas-suq tax-xogħol, gradwati reċenti (anqas minn 12-il xahar wara l­ gradwazzjoni), jistgħu jipparteċipaw ukoll f'dawn l-attivitajiet. L-attivitajiet jistgħu jieħdu forma ta' kollokamenti sħaħ fuq il-post tax-xogħol bl-istudenti ospitati f'kumpanija jew f'organizzazzjoni rilevanti oħra, jew f'fornitur tal-ETV (skola, istitut jew organizzazzjoni li tforni edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali) li joffru kombinazzjoni ta' tagħlim b'bażi skolastika u komponent ibbażat fuq ix-xogħol (kollokamenti fuq il-post tax-xogħol). Fil-każ ta' mobilitajiet fit-tul (ErasmusPro), filwaqt li l-korp ospitanti jista' jkun fornitur tal-ETV, l-attività għandu jkollha komponent ċar ta' tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol - ta' spiss f'forma ta' kollokament fuq il-post tax-xogħol f'kumpanija.

Kull attività ta' mobilità hi stabbilita fi ħdan qafas ta' kwalità miftiehem minn qabel mill-organizzazzjonijiet li jibagħtu u li jilqgħu sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' kwalità għall-attività, inkluż "Ftehim tat-Tagħlim".

L-eżiti tat-tagħlim huma rikonoxxuti u vvalidati formalment fuq livell istituzzjonali, il-kontenut tal-korsijiet hu adattat kif meħtieġ biex jiġi żgurat li l-perjodu ta' mobilità barra l-pajjiż ikun jaqbel mal-kors li fih ikun miktub l-apprendist/student tal-ETV.

Fil-qafas tal-attivitajiet ta' ErasmusPro, "Żjarat ta' Ppjanar Minn Qabel" (APV) qosra ta' persunal mill-organizzazzjonijiet li jibagħtu għal dawk li jilqgħu (fornituri u/jew kumpaniji tal-ETV) jistgħu jiġu ffinanzjati sabiex tkun faċilitata l-kooperazzjoni interistituzzjonali, jiġu ppreparati aħjar il-mobilitajiet u tiġi żgurata l-kwalità għolja tagħhom.

Il-mobilità tal-persunal:

  • Assignment ta' tagħlim/taħriġ; din l-attività tippermetti lill-persunal tal-fornituri tal-ETV biex jgħallmu f'fornitur sieħeb tal-ETV barra l-pajjiż. Din tippermetti wkoll lill-persunal ta' kumpaniji jipprovdi taħriġ f'fornitur tal-ETV barra l-pajjiż.
  • Taħriġ tal-persunal: din l-attività ssostni l-iżvilupp professjonali tal-persunal tal-ETV fl-għamla ta' kollokament fuq il-post tax-xogħol jew perjodu ta' monitoraġġ/osservazzjoni tal-impjieg barra mill-pajjiż f'kumpanija jew kwalunkwe fornitur ieħor tal-ETV.

Erasmus+ jappoġġja l-mobilità tat-tagħlim tal-persunal li:

  • hi inkwadrata f'approċċ strateġiku tal-organizzazzjonijiet parteċipanti (immirata biex timmodernizza u tinternazzjonalizza l-missjoni tagħhom);
  • twieġeb għall-ħtiġijiet tal-iżvilupp tal-persunal identifikati b'mod ċar u hu akkumpanjati minn miżuri għall-għażla, it-tħejjija u s-segwitu;
  • tiżgura li l-eżiti tat-tagħlim tal-persunal parteċipanti huma rikonoxxuti sew u tiżgura li l-eżiti tat-tagħlim huma mxerrda u użati b'mod wiesa' fl-organizzazzjoni.

Dawn l-attivitajiet huma wkoll opportunità għall-persunal tal-ETV biex jikseb kompetenzi fl-indirizzar tal-bżonnijiet ta' studenti bi sfond żvantaġġat. Minħabba l-kuntest attwali li jikkonċerna l-migranti, ir-refuġjati u applikanti għall-ażil ta' età żgħira, se tingħata wkoll attenzjoni partikulari wkoll biex jiġu appoġġjati proġetti li jħarrġu l-persunal tal-ETV f'oqsma bħat-taħriġ lil tfal refuġjati, klassijiet interkulturali, it-tagħlim lil żgħażagħ fit-tieni lingwa, it-tolleranza fil-klassi tagħhom u d-diversità.

X’inhu r-rwol tal-organizzazzjonijiet parteċipanti f’dan il-proġett?

L-organizzazzjonijiet parteċipanti involuti fil-proġett ta’ mobilità jassumu r-rwoli u l-kompiti li ġejjin:

  • Organizzazzjoni applikanti: responsabbli mill-applikazzjoni għall-proġett ta’ mobilità, l-iffirmar u l-immaniġġjar tal-ftehim tal-għotja u r-rapportar. L-applikant jista’ jkun koordinatur ta’ konsorzju: li jmexxi konsorzju tal-mobilità nazzjonali ta’ organizzazzjonijiet sħab mill-istess pajjiż bl-għan li jintbgħatu studenti u persunal tal-ETV għall- attivitajiet barra l-pajjiż. Il-koordinatur tal-konsorzju tal-mobilità nazzjonali jista’ - iżda mhux bilfors - jaġixxi bħala organizzazzjoni li tibgħat wkoll.
  • Organizzazzjoni li tibgħat: responsabbli mill-għażla tal-istudenti/persunal tal-ETV u li tibgħathom barra l-pajjiż.
  • Organizzazzjoni li tilqa': responsabbli li tilqa' studenti/persunal tal-ETV barranin u toffrilhom programm ta’ attivitajiet, jew biex jibbenefikaw minn attività ta’ taħriġ ipprovduta mill-persunal tal-ETV.
  • Organizzazzjoni intermedjarja: din hi organizzazzjoni attiva fis-suq tax-xogħol jew fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ li mhix organizzazzjoni li tibgħat, iżda li l-kompetenzi esperti tagħha jippermettulha li tassisti l-fornituri tal-ETV li jibagħtu bi proċeduri amministrattivi, arranġamenti prattiċi, it-tqabbil tal-profili tal-apprendist/tal-istudent mal-ħtiġijiet tal-kumpaniji f’każ ta’ traineeships, u fil-preparazzjoni tal-parteċipanti. Jekk l-organizzazzjoni intermedjarja hi sieħba f’konsorzju nazzjonali ta’ mobilità, il-kontribuzzjoni tagħha għandu jkun deskritt b’mod ċar bħala parti tal-applikazzjoni tal-proġett. F’każ li l-organizzazzjoni intermedjarja ma tagħmilx parti mill-konsorzju nazzjonali ta’ mobilità, l-organizzazzjonijiet applikanti qed jingħataw il-parir b’mod enfatiku li jiddefinixxu formalment sett ta’ drittijiet u ta’ obbligi meta jikkooperaw ma’ organizzazzjonijiet intermedjarji ta’ din ix-xorta.

L-organizzazzjonijiet li jibagħtu u li jilqgħu, flimkien mal-istudenti/il-persunal, għandhom ikunu qablu fuq l-attivitajiet li se jitwettqu mill-istudenti - fi “Ftehim tat-Tagħlim” - jew minn membri tal-persunal - fi “Ftehim tal-Mobilità” - qabel ma jibda l-perjodu ta’ mobilità. Dawn il-ftehimiet jiddefinixxu l-eżiti tat-tagħlim fil-mira għall-perjodu ta’ tagħlim barra l-pajjiż, jispeċifikaw id-dispożizzjonijiet ta’ rikonoxximent formali u jelenkaw id-drittijiet u l-obbligi ta’ kull parti.

L-istudenti tal-ETV li jmorru fuq mobilità għal 19-il jum jew aktar huma eleġibbli biex jirċievu appoġġ lingwistiku. L-appoġġ lingwistiku online qiegħed jiġi implimentat gradwalment matul il-Programm. Dan hu magħmul disponibbli mill-Kummissjoni Ewropea għall-parteċipanti eleġibbli biex jivverifikaw il-kompetenzi tagħhom fil-lingwi barranin u biex joffri, meta jkun meħtieġ, l-aktar tagħlim tal-lingwi xieraq qabel u/jew waqt il-mobilità (għal aktar dettalji, ara l-Anness I ta’ din il-Gwida).

Il-proġett ta' mobilità għall-istudenti u l-persunal tal-ETV Mingħajr il-Karta ta' Mobilità tal-ETV ta' Erasmus+

X’inhuma l-kriterji użati biex jiġi vvalutat dan il-proġett?

Hawn taħt se jiġu elenkati l-kriterji formali li proġett ta’ mobilità tal-ETV għandu jirrispetta biex ikun eleġibbli għal għotja ta' Erasmus+:

Kriterji tal-Eleġibilità Ġenerali

Attivitajiet eliġibbli

Proġett tal-mobilità tal-ETV għandu jkun jinkludi attività waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

  • Mobilità f'fornituri u/jew kumpaniji tal-ETV barra l-pajjiż, minn ġimagħtejn għal anqas minn 3 xhur;
  • Mobilità fit-tul f'fornituri u/jew kumpaniji tal-ETV barra l-pajjiż (ErasmusPro), minn 3 sa 12-il xahar.
  • Assignment ta' tagħlim/taħriġ barra l-pajjiż;
  • Taħriġ għall-persunal barra l-pajjiż.

Organizzazzjonijiet parteċipanti eleġibbli

Organizzazzjoni parteċipanti eliġibbli tista' tkun:

  • kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata attiva (jew is-sussidjarja/il-fergħa tagħha) fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (hawnhekk imsejħa fornitur tal-ETV); jew
  • kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata attiva fis-suq tax-xogħol (hawnhekk imsejħa kumpanija)

Pereżempju, dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jkunu:

  • skola/istitut/ċentru tal-edukazzjoni vokazzjonali;
  • intrapriża pubblika jew privata, żgħira, ta' daqs medju jew kbira (inklużi l-intrapriżi soċjali);
  • sieħeb soċjali jew rappreżentant ieħor tal-ħajja tax-xogħol, inklużi kmamar tal-kummerċ, assoċjazzjonijiet tas-snajja'/professjonali u trade unions;
  • korp pubbliku fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;
  • istitut tar-riċerka;
  • fondazzjoni;
  • skola/istitut/ċentru edukattiv (fi kwalunkwe livell, minn qabel l-iskola sal-edukazzjoni tas-sekondarja għolja, u inkluża l-edukazzjoni għall-adulti);
  • organizzazzjoni, assoċjazzjoni jew NGO mingħajr skop ta' qligħ;
  • korp li jipprovdi gwida dwar il-karrieri, konsulenza professjonali u servizzi ta' informazzjoni;
  • korp responsabbli għall-politiki fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

Kull organizzazzjoni għandha tkun stabbilita f'Pajjiż tal-Programm.

Min jista' japplika?

  • Fornitur tal-ETV (jew is-sussidjarja/il-fergħa tiegħu) li jibgħat studenti u persunal barra l-pajjiż;
  • Koordinatur ta' konsorzju tal-mobilità nazzjonali.

Individwi ma jistgħux japplikaw direttament għal għotja.

Numru ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti

Attività tal-mobilità hi transnazzjonali u tinvolvi minimu ta' żewġ organizzazzjonijiet parteċipanti (tal-anqas organizzazzjoni li tibgħat waħda u tal-anqas organizzazzjoni li tilqa' waħda) minn Pajjiżi tal-Programm differenti.

Fil-każ ta' proġetti ppreżentati minn konsorzju tal-mobilità nazzjonali, il-membri kollha tal-konsorzju għandhom ikunu mill-istess Pajjiż tal-Programm u jeħtieġ li jiġu identifikati meta ssir l-applikazzjoni għal għotja. Konsorzju jrid jinkludi tal-anqas 3 fornituri tal-ETV.

Tul ta' żmien tal-proġett

Minn sena sa sentejn. L-applikant għandu jagħżel it-tul ta' żmien fl-istadju tal-applikazzjoni, ibbażat fuq l-objettiv tal-proġett u fuq it-tipi ta' attivitajiet ippjanati.

Fejn tapplika?

Mal-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż li fih l-organizzazzjoni applikanti hi stabbilita.

Meta tapplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni għall-għotja tagħhom sal-5 ta' Frar f'12:00 (nofsinhar ħin ta' Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta' Ġunju u l-31 ta' Diċembru tal-istess sena.

Data tal-għeluq addizzjonali possibbli:

L-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jorganizzaw rawnd ieħor ta' applikazzjonijiet jekk il-fondi ma jintużawx, li għalih japplikaw ukoll ir-regoli stabbiliti f'din il-Gwida. L-Aġenziji Nazzjonali se jagħtu informazzjoni dwar din il-possibbiltà permezz tas-sit web tagħhom.

Jekk jiġi organizzat rawnd ieħor, l-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tal-għotja tagħhom sal-1 ta' Ottubru f'12:00 (nofsinhar ħin ta' Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Mejju tas-sena ta' wara.

Kif tapplika?

Jekk jogħġbok ara l-Parti C ta' din il-Gwida għad-dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.

Kriterji oħrajn

Fornitur tal-ETV (jew is-sussidjarja/il-fergħa tiegħu) jew konsorzju tal-mobilità nazzjonali jista' japplika darba biss għal kull rawnd ta' għażliet. Madankollu, il-fornitur tal-ETV jista' jkun parti minn jew jikkoordina diversi konsorzji tal-mobilità nazzjonali differenti li japplikaw fl-istess ħin

Kriterji tal-Eliġibilità Addizzjonali għall-mobilità tal-istudenti

Tul ta’ żmien tal-attività

  • Mobilità f'fornituri u/jew kumpaniji tal-ETV barra l-pajjiż, minn ġimagħtejn (jiġifieri għaxart ijiem tax-xogħol) għal anqas minn 3 xhur, eskluż iż-żmien tal-ivvjaġġar;
  • Mobilità fit-tul f'fornituri u/jew kumpaniji tal-ETV barra l-pajiiż (ErasmusPro), minn 3 sa 12-il xahar, eskluż iż-żmien tal-ivvjaġġar.

Post(ijiet) tal-attività

Il-parteċipanti jridu jwettqu l-attività ta' mobilità tagħhom barra l-pajjiż, f'Pajjiż tal-Programm ieħor.

Parteċipanti eleġibbli

Studenti tal-ETV (inklużi apprendisti) li l-istudji tagħhom tipikament jinkludu tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol residenti fil-pajjiż tal-organizzazzjoni li tibgħat. Persuni li jakkumpanjaw studenti tal-ETV barra mill-pajjiż.

Gradwati reċenti ta' fornitur tal-ETV (inklużi dawk li kienu apprendisti) jistgħu jipparteċipaw fl-attività. Il-gradwati reċenti jridu jagħmlu l-kollokament tat-taħriġ tagħhom barra l-pajjż fi żmien 12-il xahar wara l-gradwazzjoni tagħhom. Għal dawk il-pajjiżi li fihom gradwati reċenti għandhom jinkitbu f'servizz militari jew ċivili obbligatorju wara l-gradwazzjoni, il-perjodu ta' eliġibbiltà għall-gradwati reċenti se jestendi bit-tul ta' dak is-servizz.

Kriterji oħrajn

Żjara ta' Ppjanar Minn Qabel (APV):

Għall-proġetti inklużi fl-attivitajiet ta' ErasmusPro, l-applikant jista' jitlob Żjarat ta' Ppjanar minn Qabel (APV) imwettqin minn persunal involut fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet ta' ErasmusPro u f'relazzjoni ta' ħidma mal-organizzazzjoni li tibgħat jew mal-membru tal-konsorzju (bħall-għalliema, it-trainers, l-uffiċjali tal-mobilità internazzjonali, eċċ.) .

Fil-qafas ta' APV għandhom jiġu rrispettati l-kriterji għall-eliġibbiltà li ġejjin:

  • tul ta' żmien: massimu ta' 3 ijiem xogħol, eskluż iż-żmien tal-ivvjaġġar.
  • kull APV hi limitata għal parteċipant wieħed;
  • APV waħda biss tista' tiġi mwettqa għal kull organizzazzjoni ospitanti

Kriterji tal-Eleġibilità Addizzjonali għall-mobilità tal-persunal

Tul ta’ żmien tal-attività

Minn jumejn sa xahrejn, eskluż iż-żmien tal-ivvjaġġjar.

Il-minimu ta' jumejn iridu jkunu konsekuttivi.

Post(ijiet) tal-attività

Il-parteċipanti jridu jwettqu l-attività ta' mobilità tagħhom barra l-pajjiż, f'Pajjiż tal-Programm ieħor.

Parteċipanti eleġibbli

Persunal li jkun responsabbli għall-ETV (bħal għalliema, trainers, uffiċjali ta' mobilità internazzjonali, persunal b'funzjonijiet amministrattivi jew ta' gwida, eċċ) f'relazzjoni ta' ħidma mal-organizzazzjoni(jiet) li tibgħat (jibagħtu), kif ukoll persunal ieħor involut fl-iżvilupp strateġiku tal-organizzazzjoni.

Fil-każ ta' assignment ta' tagħlim/taħriġ, l-Azzjoni hi miftuħa wkoll għall-persuni mill-kumpaniji, mis-settur pubbliku u/jew minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Barra minn hekk, għal assignment ta' għalliema/taħriġ, l-azzjoni hi miftuħa għal trainers minn kumpaniji f'Pajjiż tal-Programm ieħor li kienu mistiedna biex jgħallmu fl-fornituri applikanti tal-ETV u/jew fl-organizzazzjonijiet tal-konsorzju fejn rilevanti.

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

Kriterji tal-għoti

Il-proġetti se jiġu vvalutati skont il-kriterji li ġejjin:

Rilevanza tal-proġett

(massimu ta' 30 punt)

  • Ir-rilevanza tal-proposta għal dan li ġej:
    • l-objettivi tal-Azzjoni (ara t-taqsima "X'inhuma l-miri ta' proġett ta' mobilità"):
    • il-ħtiġijiet u l-objettivi tal-organizzazzjonijiet parteċipanti u tal-parteċipanti individwali, b'mod partikulari meta jitqies dak li hu speċifikat fil-Pjan ta' Żvilupp Ewropew.
  • Kemm il-proposta tintegra l-mobilità fit-tul (ErasmusPro).
  • Kemm il-proposta hi adattata għal dan li ġej:
    • il-produzzjoni ta' eżiti tat-tagħlim ta' kwalità għolja għall-parteċipanti;
    • it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-ambitu internazzjonali tal-organizzazzjonijiet parteċipanti. 
  • Il-limitu safejn il-proposta:
    • tilħaq il-gruppi fil-mira li għandhom anqas opportunitajiet1
    • tinvolvi organizzazzjonijiet li huma ġodda għall-Azzjoni;

Kwalità tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-proġett

(massimu ta' 40 punt)

  • Iċ-ċarezza, il-kompletezza u l-kwalità tal-fażijiet kollha tal-proposta tal-proġett (tħejjija, implimentazzjoni ta' attivitajiet ta' mobilità, u segwitu);
  • Iċ-ċarezza tal-ippjanar u tal-fattabilità tal-implimentazzjoni ta' mobilità fit-tul (ErasmusPro), jekk applikabbli.
  • Il-konsistenza bejn l-objettivi tal-proġett u l-attivitajiet proposti;
  • Il-Kwalità tal-Pjan Ewropew għall-Iżvilupp tal-organizzazzjoni applikanti;
  • Il-kwalità tal-arranġamenti prattiċi, l-immaniġġjar u l-modalitajiet ta' appoġġ;
  • Il-kwalità tal-preparazzjoni pprovduta lill-parteċipanti;
  • Il-kwalità tal-arranġamenti għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim tal-parteċipanti kif ukoll l-użu konsistenti ta' għodod ta' trasparenza u rikonoxximent Ewropej;
  • L-adegwatezza tal-miżuri għall-għażla u/jew l-involviment tal-parteċipanti fl-attivitajiet ta' mobilità;
  • Jekk applikabbli, il-kwalità tal-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, kif ukoll ma' partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn

Impatt u tixrid

(massimu ta' 30 punt)

  • Il-kwalità tal-miżuri għall-evalwazzjoni tal-eżiti tal-proġett;
  • L-impatt potenzjali tal-proġett:
    • fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti waqt u wara l-ħajja tal-proġett;
    • barra l-organizzazzjonijiet u l-individwi li jipparteċipaw direttament fil-proġett, fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew Ewropew.
  • L-adegwatezza u l-kwalità tal-miżuri mmirati lejn it-tixrid tal-eżiti tal-proġett fi ħdan u barra l-organizzazzjonijiet parteċipanti.
  • Kemm il-proġett jippromwovi l-mobilità fit-tul (ErasmusPro) bl-iżvilupp sostenibbli ta' kooperazzoni transfruntiera u ta' strutturi ta' rikonoxximent, jekk applikabbli.

Sabiex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti għandhom jiksbu tal-anqas 60 punt. Barra minn hekk, għandhom jiksbu tal-anqas nofs il-punti massimi f’kull waħda mill-kategoriji tal-kriterji għall-għotjiet imsemmija hawn fuq (jiġifieri tal-anqas 15-il punt għall-kategoriji “rilevanza tal-proġett” u “impatt u tixrid”; 20 punt għall-kategorija “kwalità tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-proġett”).

L-għoti tal-għotja

L-ammont massimu tal-għotja għall-proġetti magħżulin jiddependi fuq numru ta' elementi:

  • in-numru u t-tul ta' żmien tal-perjodi ta' mobilità li tkun saret applikazzjoni għalihom;
  • kemm il-proposta tintegra l-mobilità fit-tul minn 3 għal 12-il xahar (ErasmusPro);
  • il-prestazzjoni mgħoddija tal-applikant f'termini ta' numru ta' perjodi ta' mobilità, kwalità tajba fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet u tal-immaniġġjar finanzjarju sod, f'każ li l-applikant ikun irċieva għotja simili fis-snin ta' qabel;
  • il-baġit nazzjonali totali allokat għall-Azzjoni tal-mobilità.

X’għandek tkun taf aktar dwar din l-Azzjoni?

Spejjeż eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għoli

L-applikanti għal proġetti ta' mobilità se jitħallew jitolbu appoġġ finanzjarju għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar għoli tal-parteċipanti skont l-intestatura tal-baġit "spejjeż eċċezzjonali" (sa massimu ta' 80% tal-ispejjeż totali eliġibbli: ara "X'inhuma ir-regoli tal-finanzjament?"), inklużi każijiet fejn il-parteċipanti jagħżlu mezzi tat-trasport aktar nodfa, b’emissjonijiet tal-karbonju aktar baxxi (eż. tren), li jirriżultaw fi spejjeż tal-ivvjaġġar għoljin. Dan ikun permess sakemm l-applikanti jkunu jistgħu jiġġustifikaw li r-regoli tal-finanzjament standard (ibbażati fuq il-kostijiet unitarji għal kull faxxa ta' distanza tal-ivvjaġġar) ma jkoprux tal-anqas 70% tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti. Jekk jingħataw, l-ispejjeż eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għoli jissostitwixxu l-għotja tal-ivvjaġġar standard.

Informazzjoni oħra

Tista' ssib aktar kriterji obbligatorji u informazzjoni siewja addizzjonali rigward din l-Azzjoni fl-Anness I ta' din il-Gwida. L-organizzazzjonijiet interessati huma mistiedna jaqraw b'attenzjoni t-taqsimiet rilevanti ta' dan l-Anness qabel japplikaw għal għajnuna finanzjarja.

Proġett ta' mobilità għall-istudenti u l-persunal tal-ETV bil-Karta ta' Mobilità tal-ETV ta' Erasmus+

X'inhuma l-kriterji użati biex jiġi vvalutat dan il-proġett?

Hawn taħt se jiġu elenkati l-kriterji formali li l-proġett ta' mobilità tal-ETV b'Karta ta' Mobilità tal-ETV ta' Erasmus+ għandu jirrispetta biex ikun eliġibbli għal għotja ta'Erasmus+:

Kriterji tal-Eliġibilità Ġenerali

Min jista' japplika?

Organizzazzjonijiet individwali jew konsorzji, stabbiliti f'Pajjiż tal-Programm, li għandhom Karta tal-Mobilità tal-ETV ta' Erasmus+2.

Attivitajiet eleġibbli

Proġett tal-mobilità tal-ETV għandu jkun jinkludi attività waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

  • Mobilità f'fornituri u f'kumpaniji tal-ETV barra l-pajjiż, minn ġimagħtejn għal anqas minn 3 xhur;
  • Mobilità fit-tul f'fornituri u f'kumpaniji tal-ETV barra l-pajjiż, minn 3 sa 12-il xahar (ErasmusPro).
  • Assignment ta' tagħlim/taħriġ barra l-pajjiż;
  • Taħriġ għall-persunal barra l-pajjiż.

Numru ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti

Attività tal-mobilità hi transnazzjonali u tinvolvi minimu ta' żewġ organizzazzjonijiet parteċipanti (tal-anqas organizzazzjoni li tibgħat waħda u tal-anqas organizzazzjoni li tilqa' waħda) minn Pajjiżi tal-Programm differenti.

Fil-każ ta' proġetti minn konsorzji nazzjonali ta' mobilità li jkollhom Karta ta' Mobilità tal-ETV ta' Erasmus+, l-organizzazzjonijiet li jibagħtu u li jilqgħu għandhom ikunu minn Pajjiżi tal-Programm differenti.

Tul ta' żmien tal-proġett

Minn sena sa sentejn. L-applikant għandu jagħżel it-tul ta' żmien fil-fażi tal-applikazzjoni.

Fejn tapplika?

Mal-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż li fih l-organizzazzjoni applikanti hi stabbilita.

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni għall-għotja tagħhom sal-5 ta' Frar f'12:00 (nofsinhar tal-ħin ta' Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta' Ġunju u l-31 ta' Diċembru tal-istess sena.

Meta tapplika?

Data tal-għeluq addizzjonali possibbli:

L-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jorganizzaw rawnd ieħor ta' applikazzjonijiet jekk il-fondi ma jintużawx, li għalih japplikaw ukoll ir-regoli stabbiliti f'din il-Gwida. L-Aġenziji Nazzjonali se jagħtu informazzjoni dwar din il-possibbiltà permezz tas-sit web tagħhom.

Jekk jiġi organizzat rawnd ieħor, l-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tal-għotja tagħhom sal-1 ta' Ottubru f'12:00 (nofsinhar ħin ta' Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Mejju tas-sena ta' wara.

Kif tapplika?

Jekk jogħġbok ara l-Parti C ta' din il-Gwida għad-dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.

Kriterji oħrajn

Fornitur jew konsorzju tal-mobilità nazzjonali tal-ETV jista' japplika darba biss għal kull rawnd ta' għażliet. Madankollu, il-fornitur tal-ETV jista' jkun parti minn jew jikkoordina diversi konsorzji tal-mobilità nazzjonali differenti li japplikaw fl-istess ħin.

Kriterji tal-Eliġibilità Addizzjonali għall-mobilità tal-istudenti

Tul ta’ żmien tal-attività

  • Mobilità f'fornituri u/jew kumpaniji tal-ETV barra l-pajjiż, minn ġimagħtejn (jiġifieri għaxart ijiem tax-xogħol) għal anqas minn 3 xhur, eskluż iż-żmien tal-ivvjaġġar;
  • Mobilità fit-tul f'fornituri u/jew kumpaniji tal-ETV barra l-pajjiż (ErasmusPro), minn 3 sa 12-il xahar, eskluż iż-żmien tal-ivvjaġġar.

Post(ijiet) tal-attività

Il-parteċipanti jridu jwettqu l-attività ta' mobilità tagħhom barra l-pajjiż, f'Pajjiż tal-Programm ieħor.

Parteċipanti eleġibbli

Studenti tal-ETV (inklużi apprendisti) li l-istudji tagħhom tipikament jinkludu tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol residenti fil-pajjiż tal-organizzazzjoni li tibgħat. Persuni li jakkumpanjaw studenti tal-ETV barra l-pajjiż.

Gradwati reċenti ta' fornitur tal-ETV (inklużi dawk li kienu apprendisti) jistgħu jipparteċipaw fl-attività. Il-gradwati reċenti jridu jagħmlu l-kollokament tat-taħriġ tagħhom barra l-pajjiż fi żmien 12-il xahar wara l-gradwazzjoni tagħhom. Għal dawk il-pajjiżi li fihom gradwati reċenti għandhom jinkitbu f'servizz militari jew ċivili obbligatorju wara l-gradwazzjoni, il-perjodu ta' eliġibbiltà għall-gradwati reċenti se jestendi bit-tul ta' dak is-servizz.

Kriterji oħrajn

Żjara ta' Ppjanar Minn Qabel (APV):

Għall-proġetti inklużi fl-attivitajiet ta' ErasmusPro, l-applikant jista' jitlob Żjarat ta' Ppjanar minn Qabel (APV) imwettqin minn persunal involut fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet ta' ErasmusPro u f'relazzjoni ta' ħidma mal-organizzazzjoni li tibgħat jew mal-membru tal-konsorzju (bħall-għalliema, it-trainers, l-uffiċjali tal-mobilità internazzjonali, eċċ.) .

Fil-qafas ta' APV għandhom jiġu rrispettati l-kriterji għall-eliġibbiltà li ġejjin:

  • tul ta' żmien: massimu ta' 3 ijiem xogħol, eskluż iż-żmien tal-ivvjaġġar;
  • kull APV hi limitata għal parteċipant wieħed;
  • APV waħda biss tista' tiġi mwettqa għal kull organizzazzjoni ospitanti

Kriterji tal-Eliġibbiltà Addizzjonali għall-mobilità tal-persunal

Tul ta’ żmien tal-attività

  • Minn jumejn sa xahrejn, eskluż iż-żmien tal-ivvjaġġjar.
  • Il-minimu ta' jumejn iridu jkunu konsekuttivi.

Post(ijiet) tal-attività

Il-parteċipanti jridu jwettqu l-attività ta' mobilità tagħhom barra l-pajjiż, f'Pajjiż tal-Programm ieħor.

Parteċipanti eleġibbli

Persunal li jkun responsabbli għall-ETV (bħal għalliema, trainers, uffiċjali ta' mobilità internazzjonali, persunal b'funzjonijiet amministrattivi jew ta' gwida, eċċ) f'relazzjoni ta' ħidma mal-organizzazzjoni(jiet) li tibgħat (jibagħtu), kif ukoll persunal ieħor involut fi żvilupp strateġiku tal-organizzazzjoni.

Fil-każ ta' assignment ta' tagħlim/taħriġ, l-Azzjoni hi miftuħa wkoll għall-persuni mill-kumpaniji, mis-settur pubbliku u/jew minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Barra minn hekk, għal assignment ta' għalliema/taħriġ, l-azzjoni hi miftuħa għal trainers minn kumpaniji f'Pajjiż tal-Programm ieħor li kienu mistiedna biex jgħallmu fl-fornituri applikanti tal-ETV u/jew fl-organizzazzjonijiet tal-konsorzju fejn rilevanti.

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

Kriterji tal-għoti għall-applikazzjoni minn Detenturi ta’ Karta ta’ Mobilità tal-ETV.

Ma teżisti ebda valutazzjoni kwalitattiva (il-kwalità ġiet ivvalutata fil-fażi tal-applikazzjoni għall-Karta ta’ Mobilità tal-ETV innifisha) u għaldaqstant ma jeżistu ebda kriterji tal-għoti.

Kwalunkwe applikazzjoni għal għotja eleġibbli (wara li tkun għaddiet mill-verifika tal-eleġibilità) tingħata finanzjament.

L-ammont massimu tal-għotja jiddependi fuq numru ta' elementi:

  • in-numru ta' perjodi ta' mobilità u x-xhur/ġranet li saret applikazzjoni għalihom;
  • kemm il-proposta tintegra l-mobilità fit-tul minn 3 għal 12-il xahar (ErasmusPro);
  • il-prestazzjoni tal-imgħoddi tal-applikant f'termini ta' numru ta' perjodi ta' mobilità, kwalità tajba fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet u tal-immaniġġjar finanzjarju sod, f'każ li l-applikant ikun irċieva għotja simili fis-snin ta' qabel;
  • il-baġit nazzjonali totali allokat għall-Azzjoni tal-mobilità.

X’tip ta’ akkreditazzjoni jeħtieġu l-applikanti għal dan il-proġett ta’ mobilità?

Il-Karta ta’ Mobilità tal-ETV ta' Erasmus+

Il-Karta ta’ Mobilità tal-ETV ta' Erasmus+ timmira li ttejjeb l-istrateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni Ewropej fil-qasam tal-ETV u tagħmilhom aktar sostenibbli, biex b'hekk jittejbu l-kwalità u l-kwantità tal-mobilità tal-ETV transnazzjonali. Is-sejħiet għall-għoti tal-Karta ta’ Mobilità tal-ETV jiġu ppubblikati annwalment fuq is-siti tal-Aġenziji Nazzjonali.

Il-ksib ta’ Karta ta’ Mobilità tal-ETV tagħti lid-detenturi ta’ Karta ta’ Mobilità tal-ETV il-possibbiltà li japplikaw b'mod simplifikat taħt l-Azzjoni Ewlenija 1 ta' mobilità Erasmus+ għall-istudenti u l-persunal tal-ETV.

X'għandek tkun taf aktar dwar din l-Azzjoni?

Spejjeż eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għoli

L-applikanti għal proġetti ta' mobilità se jitħallew jitolbu appoġġ finanzjarju għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar għoli tal-parteċipanti skont l-intestatura tal-baġit "spejjeż eċċezzjonali" (sa massimu ta' 80% tal-ispejjeż totali eliġibbli: ara "X'inhuma ir-regoli tal-finanzjament?"), inklużi każijiet fejn il-parteċipanti jagħżlu mezzi tat-trasport aktar nodfa, b’emissjonijiet tal-karbonju aktar baxxi (eż. tren), li jirriżultaw fi spejjeż tal-ivvjaġġar għoljin. Dan ikun permess sakemm l-applikanti jkunu jistgħu jiġġustifikaw li r-regoli tal-finanzjament standard (ibbażati fuq il-kostijiet unitarji għal kull faxxa ta' distanza tal-ivvjaġġar) ma jkoprux tal-anqas 70% tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti. Jekk jingħataw, l-ispejjeż eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għoli jissostitwixxu l-għotja tal-ivvjaġġar standard.

Informazzjoni Oħra

Tista' ssib aktar kriterji obbligatorji u informazzjoni siewja addizzjonali rigward din l-Azzjoni fl-Anness I ta' din il-Gwida. L-organizzazzjonijiet interessati huma mistiedna jaqraw b'attenzjoni t-taqsimiet rilevanti ta' dan l-Anness qabel japplikaw għal għajnuna finanzjarja.

X'inhuma r-regoli dwar il-finanzjament?

Il-baġit tal-proġett ta’ mobilità jrid jiġi abbozzat skont ir-regoli dwar il-finanzjament li ġejjin (f’euro):

A) Regoli dwar il-finanzjament li japplikaw għall-attivitajiet ta’ mobilità kollha

Spejjeż eliġibbli

Mekkaniżmu ta’ finanzjament

Ammont

Regola ta’ allokazzjoni

Ivvjaġġar

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti, inklużi l-persuni li jakkumpanjaw, mill-post ta' oriġini tagħhom sal-post tal-attività u lura.

Fil-qafas tal-attivitajiet ta' ErasmusPro, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar għal Żjara ta' Ppjanar Minn Qabel, jekk applikabbli.

Kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 10 u 99KM: EUR 20 għal kull parteċipant

Abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar għal kull parteċipant. Id-distanzi tal-ivvjaġġar iridu jiġu kkalkulati billi jintuża l-kalkulatur tad-distanza sostnut mill-Kummissjoni Ewropea3. L-applikant għandu jindika d-distanza ta’ vjaġġ bla ritorn biex jikkalkula l-ammont tal-għotja tal-UE li tkun se tappoġġja l-vjaġġ ’l hemm u lura 4.

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 100 u 499 KM: EUR 180 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 500 u 1999 KM: EUR 275 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 2000 u 2999 KM: EUR 360 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 3000 u 3999 KM: EUR 530 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar bejn 4000 u 7999 KM: EUR 820 għal kull parteċipant

Għad-distanzi tal-ivvjaġġar ta' 8000 KM jew aktar: EUR 1 500 għal kull parteċipant

Appoġġ Organizzazzjonali

Spejjeż marbutin direttament mal-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobilità (bl-esklużjoni tas-sussistenza għall-parteċipanti), inklużi t-tħejjija (pedaġoġika, interkulturali, lingwistika), il-monitoraġġ u l-appoġġ tal-parteċipanti waqt il-mobilità, il-validazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim, attivitajiet ta’ tixrid.

Kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

sal-100 parteċipant: EUR 350 għal kull parteċipant

+

lil hinn mill-100 parteċipant: EUR 200 għal kull parteċipant addizzjonali

Abbażi tan-numru ta’ parteċipanti

Appoġġ għall- bżonnijiet speċjali

Spejjeż addizzjonali marbutin direttament ma' parteċipanti b'diżabilità u ma' persuni li jkunu qed jakkumpanjaw (inklużi spejjeż relatati mal-ivvjaġġar u sussistenza, jekk iġġustifikat u diment li ma tintalabx għotja għal dawn il-parteċipanti permezz tal-kategoriji tal-baġit marbuta mal-"ivvjaġġar" u l-"appoġġ individwali").

Spejjeż reali

Sa 100 % tal-ispejjeż eleġibbli

Kundizzjonali: it-talba għal appoġġ finanzjarju biex ikopri l-appoġġ għall-bżonnijiet speċjali għandha tkun motivata fil-formola tal-applikazzjoni.

Spejjeż eċċezzjonali

Spejjeż addizzjonali bħala appoġġ għall-parteċipazzjoni ta' studenti b'anqas opportunitajiet (eskluż l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u appoġġ individwali għall-parteċipanti u l-persuni li jakkumpanjaw). Spejjeż għall-għoti ta' garanzija finanzjarja, jekk tintalab mill-Aġenzija Nazzjonali.

Spejjeż kbar tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti inkluż l-użu ta’ mezzi tat-trasport aktar nodfa, b’emissjonijiet tal-karbonju aktar baxxi (għad-dettalji, ara t-taqsima "x'għandek tkun taf aktar dwar din l-azzjoni").

Spejjeż reali

Spejjeż għal garanzija finanzjarja: 75% tal-ispejjeż eleġibbli

Spejjeż oħrajn: 100 % tal-ispejjeż eleġibbli

Spejjeż kbar tal-ivvjaġġar: massimu sa 80% tal-ispejjeż eleġibbli

Kundizzjonali: it-talba għal appoġġ finanzjarju biex ikopri l-ispejjeż eċċezzjonali għandha tkun motivata fil-formola tal-applikazzjoni.

B) Finanzjament addizzjonali li japplika għall-mobilità tal-istudenti tal-ETV

Spejjeż eleġibbli

Mekkaniżmu ta’ finanzjament

Ammont

Regola ta’ allokazzjoni

Appoġġ individwali

Spejjeż marbutin direttament mas-sussistenza tal-parteċipanti, inkluż persuni li jakkumpanjaw5, matul l-attività.

Kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

sal-14-il jum tal-attività: A2.1 għal kull jum għal kull parteċipant

+

bejn il-15 jum ta' attività u sa 12-il xahar: 70% ta' A2.1 kull jum għal kull parteċipant

Abbażi tat-tul ta' żmien tas-soġġorn għal kull parteċipant (jekk ikun hemm bżonn, inklużi wkoll jum ta' vvjaġġar wieħed qabel l-attività u jum ta' vvjaġġar ieħor wara l-attività).

Fil-qafas tal-attivitajiet ta' ErasmusPro, l-ispejjeż konnessi mas-sussistenza tal-persunal parteċipant fi Żjara ta' Pjanar Minn Qabel, jekk applikabbli.

A2.2 għal kull jum għal kull parteċipant

Abbażi tat-tul ta' żmien tas-soġġorn għal kull parteċipant (jekk ikun hemm bżonn, inklużi wkoll jum ta' vvjaġġar wieħed qabel l-attività u jum ta' vvjaġġar ieħor wara l-attività).

Appoġġ lingwistiku

Spejjeż marbutin mal-appoġġ offrut lill-parteċipanti - qabel it-tluq jew matul l-attività - sabiex itejbu l-għarfien tal-lingwa li se jużaw sabiex jistudjaw jew jirċievu taħriġ waqt l-attività tagħhom.

Kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

Għall-attivitajiet li jdumu bejn 19-il jum u 12-il xahar biss:

EUR 150 għal kull parteċipant li jeħtieġ appoġġ lingwistiku

Kundizzjonali: l-applikanti jridu jitolbu l-appoġġ fil-lingwa tal-istruzzjoni tal-attività, abbażi tal-ħtiġijiet tal-parteċipanti għal-lingwi mhux offruti mill-Appoġġ Lingwistiku Online ta' Erasmus+.

C) Finanzjament addizzjonali li japplika għall-mobilità tal-persunal tal-ETV

Spejjeż eliġibbli

Mekkaniżmu ta’ finanzjament

Ammont

Regola ta’ allokazzjoni

Appoġġ individwali

Spejjeż marbutin direttament mas-sussistenza tal-parteċipanti, inkluż persuni li jakkumpanjaw

Kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

sal-14-il jum tal-attività: A2.2 għal kull jum għal kull parteċipant

+

bejn il-15 u s-60 jum tal-attività: 70% ta' A2.2 kull jum għal kull parteċipant

Abbażi tat-tul ta' żmien tas-soġġorn għal kull parteċipant (jekk ikun hemm bżonn, inklużi wkoll jum ta' vvjaġġar wieħed qabel l-attività u jum ta' vvjaġġar ieħor wara l-attività).

Tabella 1 – Appoġġ individwali (ammonti f’euro kull jum)

L-ammonti jiddependu fuq il-pajjiż fejn isseħħ l-attività. Kull Aġenzija Nazzjonali tiddefinixxi – abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti – l-ammonti applikabbli għall-proġetti sottomessi f’pajjiżha. Dawn l-ammonti jiġu stabbiliti fil-firxiet minimi u massimi pprovduti fit-tabella ta’ hawn taħt. L-ammonti preċiżi jiġu ppubblikati fuq is-sit web ta’ kull Aġenzija Nazzjonali.

Pajjiż li jilqa'

Mobilità tal-istudenti

Mobilità tal-persunal

Min-Mass (kull jum)

Min-Mass (kull jum)

A2.1

A2.2

Grupp 1:

In-Norveġja, id-Danimarka, il-Lussemburgu, ir-Renju Unit, l-Iżlanda, l-Iżvezja, l-Irlanda, il-Finlandja, il-Liechtenstein

30-120

80-180

Grupp 2:

In-Netherlands, l-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, Ċipru, il-Greċja, Malta, il-Portugall

26-104

70-160

Grupp 3:

Is-Slovenja, l-Estonja, il-Latvja, il-Kroazja, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, it-Turkija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja

22-88

60-140

  • 1. Għal definizzjoni aktar dettaljata ta' persuni b'anqas opportunitajiet ara Parti A ta' din il-Gwida - taqsima "Ekwità u inklużjoni"
  • 2. Għal aktar informazzjoni dwar il-Karta, ara t-taqsima "Karta tal-Mobilità tal-ETV ta' Erasmus+" u l-Anness I ta' din il-Gwida.
  • 3. https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/distance-calculator_mt
  • 4. Pereżempju, jekk persuna minn Madrid (Spanja) se tieħu sehem f'attività li se ssir f'Ruma (l-Italja), l-applikant a) se jikkalkula d-distanza minn Madrid sa Ruma (1365,28 KM); b) se jagħżel il-faxxa applikabbli tad-distanza tal-vjaġġ (jiġifieri bejn 500 u 1999 KM) u c) jikkalkula l-għotja mill-UE li se tikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-vjaġġ tal-parteċipant minn Madrid sa Ruma u r-ritorn (EUR 275).
  • 5. Fil-każ ta' persuni li jakkumpanjaw, japplikaw ir-rati għall-persunal tal-ETV. Ara l-intestatura tal-baġit "Appoġġ individwali" fit-taqsima C) Finanzjament addizzjonali li japplika għall-mobilità tal-persunal tal-ETV. F'każijiet eċċezzjonali, meta l-persuna li takkumpanja tkun teħtieġ li tibqa' barra l-pajjiż għal aktar minn 60 jum, l-ispejjeż żejda tas-sussistenza li jinqalgħu wara s-60 jum se jkunu sostnuti mill-intestatura baġitarja "Appoġġ għall-bżonnijiet speċjali "