Werrej
Fittex fil-gwida

Proġetti ta’ mobilità fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ

X’inhuma l-miri ta’ proġett ta’ mobilità?

L-edukazzjoni, it-taħriġ u l-attivitajiet fil-qasam taż-żgħażagħ għandhom rwol ewlieni biex il-persuni ta' kull età jiġu pprovduti bil-mezzi meħtieġa ħalli jieħdu sehem b'mod attiv fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà b'mod ġenerali. Il-proġetti li jaqgħu taħt din l-azzjoni jippromwovu l-attivitajiet ta' mobilità transnazzjonali billi jimmiraw lejn il-persuni li qed jirċievu tagħlim (studenti, persuni f'taħriġ, apprendisti, żgħażagħ), u membri tal-persunal (professuri, għalliema, ħarrieġa, dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, u persuni li jaħdmu f'organizzazzjonijiet attivi fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-oqsma li jikkonċernaw iż-żgħażagħ) u l-objettiv tagħhom hu li:

  • jappoġġjaw lill-istudenti fil-kisba ta' riżultati mit-tagħlim (għarfien, ħiliet u kompetenzi) bl-għan li jittejbu l-iżvilupp personali, l-involviment tagħhom bħala ċittadini rispettużi u attivi fis-soċjetà u l-impjegabilità tagħhom fis-suq tax-xogħol Ewropew u lil hinn;
  • jappoġġjaw l-iżvilupp professjonali tal-persuni li jaħdmu fl-oqsma tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ bl-għan li ssir innovazzjoni u tittejjeb il-kwalità tat-tagħlim, tat-taħriġ u tax-xogħol fost iż-żgħażagħ madwar l-Ewropa;
  • tittejjeb prinċipalment il-kompetenza tal-parteċipanti f'lingwi barranin;
  • jiżdied l-għarfien u l-fehim min-naħa tal-parteċipanti fuq kulturi u pajjiżi oħrajn, billi jingħataw l-opportunità li jibnu netwerks ta' kuntatti internazzjonali, jieħdu sehem b'mod attiv fis-soċjetà u jiżviluppaw sens ta' ċittadinanza u identità Ewropej;
  • jiżdiedu l-kapaċitajiet, l-attrattività u d-dimensjoni internazzjonali tal-organizzazzjonijet attivi fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fl-oqsma taż-żgħażagħ sabiex ikunu kapaċi joffru attivitajiet u programmi li jwieġbu aħjar għall-ħtiġijiet tal-individwi, kemm ġewwa kif ukoll lil hinn mill-Ewropa;
  • jissaħħu s-sinerġiji u t-tranżizzjonijiet bejn l-edukazzjoni formali, l-edukazzjoni mhux formali, it-taħriġ vokazzjonali, l-impjieg u l-intraprenditorija;
  • jiżguraw rikonoxximent ikbar tal-kompetenzi miksuba permezz tal-perjodi ta' tagħlim barra l- pajjiż.

Din l-Azzjoni tappoġġja wkoll l-attivitajiet ta' mobilità internazzjonali minn jew lejn Pajjiżi Sħab fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja u ż-żgħażagħ. Din l-azzjoni tikkontribwixxi wkoll għal kooperazzjoni bejn l-UE u Pajjiżi Sħab eleġibbli u tirrifletti l-objettivi ta' azzjoni esterna tal-UE, il-prijoritajiet u l-prinċipji tagħha:

  • ittejjeb l-attraenza tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa u jiġu appoġġjati l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja Ewropej meta jikkompetu fis-suq tal-edukazzjoni għolja mad-dinja kollha;
  • tappoġġja l-prijoritajiet identifikati fil-"Kunsens Ewropew il-Ġdid dwar l-Iżvilupp"1u fil-Komunikazzjoni "L-Edukazzjoni Għolja Ewropea fid-Dinja"2
  • tappoġġa l-internazzjonalizzazzjoni, l-attraenza, il-kwalità, l-ekwità tal-aċċess u l-modernizzazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja lil hinn mill-Ewropa bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp tal-Pajjiżi Sħab;
  • tippromwovi l-iżvilupp u l-objettivi u l-prinċipji tal-politika barranija inkluż is-sjieda nazzjonali, il-koeżjoni soċjali, l-ekwità, bilanċ ġeografiku xieraq u d-diversità. Sejra tingħata attenzjoni speċjali għall-inqas pajjiżi żviluppati kif ukoll għal studenti żvantaġġati minn sfondi soċjoekonomiċi foqra u għal studenti bi ħtiġijiet speċjali;

tippromwovi t-tagħlim mhux formali u l-kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ mal-Pajjiżi Sħab.

X’inhu proġett ta’ mobilità?

L-organizzazzjonijet attivi fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ se jirċievu appoġġ mill-Programm Erasmus+ biex iwettqu proġetti li jippromwovu tipi differenti ta' mobilità. Proġett ta' mobilità se jikkonsisti fl-istadji li ġejjin:

  • It-tħejjija (inkluż l-arranġamenti prattiċi, l-għażla tal-parteċipanti, it-twaqqif ta' ftehimiet ma' sħab u parteċipanti, it-tħejjija lingwistika/interkulturali/relatata mat-tagħlim u l-kompiti speċifiċi tal-parteċipanti qabel it-tluq);
  • L-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta' mobilità;
  • Segwitu (inkluż l-evalwazzjoni tal-attivitajiet, il-validazzjoni u r-rikonoxximent formali - fejn applikabbli - tar-riżultati tat-tagħlim tal-parteċipanti waqt l-attività, kif ukoll it-tixrid u l-użu tar-riżultati tal-proġett).

Innovazzjoni importanti introdotta f'Erasmus+ meta mqabbla ma' ħafna azzjonijiet ta' mobilità appoġġjati taħt programmi Ewropej tal-imgħoddi hija li Erasmus+ isaħħaħ l-appoġġ offrut lill-parteċipanti f'attivitajiet ta' mobilità fit-titjib tal-kompetenzi tagħhom f'lingwi barranin qabel u waqt is-soġġorn tagħhom f'pajjiż barrani. Servizz ta' appoġġ lingwistiku online Ewropew ġie introdott gradwalment mill-Kummissjoni Ewropea mis-sena 2014. Is-servizz sejjer jipprovdi lill-parteċipanti f'attivitajiet ta' mobilità fit-tul l-opportunità li jivvalutaw l-għarfien tagħhom tal-lingwa li jkunu se jużaw biex jistudjaw jew jaħdmu kif ukoll li jsegwu kors ta' lingwa onlajn biex itejbu l-kompetenzi tagħhom. Parteċipanti b'livell ta' mill-inqas B2 fil-lingwa ewlenija tat-tagħlim jew ix-xogħol jistgħu jagħżlu li jsegwu kors OLS fil-lingwa tal-pajjiż riċeventi, jekk disponibbli (aktar dettalji dwar l-appoġġ għat-tagħlim tal-lingwa jistgħu jinstabu fl-Anness I).

Barra minn hekk, Erasmus+, aktar milli fil-programmi preċedenti, joffri spazju għall-iżvilupp ta' attivitajiet ta' mobilità li jinvolvu organizzazzjonijiet sħab bi sfondi differenti u attivi f'oqsma differenti jew setturi soċjo-ekonomiċi (eż traineeships ta' studenti universitarji jew studenti tal-ETV f'intrapriżi, NGOs, korpi pubbliċi; għalliema fi skejjel wara korsijiet ta' żvilupp professjonali f'kumpaniji jew f'ċentri ta' taħriġ; esperti tan-negozju jagħtu lekċers jew taħriġ f'istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla, eċċ.).

It-tielet element importanti ta’ innovazzjoni u kwalità tal-attivitajiet ta’ mobilità huwa li l-organizzazzjonijiet parteċipanti f’Erasmus+ ikollhom il-possibilità li jorganizzaw attivitajiet ta’ mobilità fi ħdan qafas strateġiku usa’ u fuq perjodu ta’ żmien medju. Permezz ta’ applikazzjoni waħda għal għotja, li tkopri perjodu li jasal sa sentejn, il-koordinatur ta’ proġett ta’ mobilità se jkun jista’ jorganizza bosta attivitajiet ta’ mobilità, li bihom bosta individwi jkunu jistgħu jivvjaġġjaw lejn pajjiżi differenti. Bħala konsegwenza ta’ dan, b’Erasmus+ l-organizzazzjonijiet applikanti se jkunu jistgħu jfasslu l-proġett tagħhom f’konformità mal-ħtiġijiet tal-parteċipanti, iżda anki skont il-pjanijiet interni tagħhom għall-internazzjonalizzazzjoni, il-bini ta’ kapaċità u l-modernizzazzjoni.

Skont il-profil tal-parteċipanti involuti, it-tipi ta’ proġetti ta’ mobilità li ġejjin jiġu appoġġjati mill-Azzjoni Ewlenija 1 tal-Programm Erasmus+:

fil-qasam tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ:

  • proġett ta' mobilità għall-istudenti u l-persunal tal-edukazzjoni għolja;
  • proġett ta' mobilità għall-istudenti u l-persunal tal-ETV;
  • proġett ta' mobilità għall-persunal tal-iskejjel;
  • proġett ta' mobilità għall-persunal tal-edukazzjoni għall-adulti.

fil-qasam taż-Żgħażagħ

  • proġett ta' mobilità għaż-żgħażagħ u dawk li jieħdu ħsieb iż-żgħażagħ.

Il-mobilità fit-tul tal-persunal, il-mobilità għal perjodi qosra u fit-tul ta’ studenti kif ukoll il-mobilità mħallta ta’ studenti adulti se jkunu appoġġjati mill-Azzjoni Ewlenija 2 Sħubijiet Strateġiċi.

It-taqsimiet ta’ hawn taħt jipprovdu l-informazzjoni dettaljata dwar il-kriterji u l-kundizzjonijiet li japplikaw għal kull tipoloġija ta’ proġett ta’ mobilità.