Werrej
Fittex fil-gwida

Lawrji Master Konġunti tal-Erasmus Mundus

X’inhuma l-miri ta’ Lawrja Master Konġunta tal-Erasmus Mundus?

Il-Lawrji Master Konġunti tal-Erasmus Mundus (EMJMD) għandhom l-għan li:

  • irawmu t-titjib fil-kwalità, l-innovazzjoni, l-eċċellenza u l-internazzjonalizzazzjoni fl-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja (HEI);
  • iżidu l-kwalità u l-attraenza taż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA) u jappoġġjaw l-azzjoni esterna tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, billi joffru boroż ta' studju sħaħ għal lawrja lill-aqwa studenti tal-Master madwar id-dinja;
  • itejbu l-livell ta' kompetenzi u ħiliet tal-gradwati tal-Master, u b'mod partikulari r-rilevanza tal-Master Konġunt għas-suq tax-xogħol, permezz ta' involviment akbar tal-impjegaturi.

F’dan ir-rigward, l-EMJMDs huma mistennija li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tal-qafas strateġiku tal-2020 għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET 2020), inklużi l-parametri referenzjarji korrispondenti stabbiliti f’dawk il-politiki.

Il-Pajjiżi kollha tal-Programm Erasmus+ impenjati fil-Proċess ta' Bolonja għal standards u linji gwida komuni fl-assigurazzjoni tal-kwalità, kif ukoll struttura ta' lawrji u sistema tal-kreditu komuni. Dawn għandhom l-għan li jiżguraw fiduċja reċiproka fis-sistemi tal-edukazzjoni għolja, jiffaċilitaw il-mobilità internazzjonali tal-istudenti u l-gradwati, il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet f'pajjiżi diversi kif ukoll ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u l-perjodi ta' studju barra l-pajjiż. Fil-Komunikazzjoni "It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-edukazzjoni u l-kultura", il-Kummissjoni Ewropea ddeskriviet il-viżjoni tagħha għaż-żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025, għal "Ewropa li fiha t-tagħlim, l-istudju u r-riċerka ma jkunux imfixkla bil-fruntieri. L-assigurazzjoni tal-kwalità bejn il-fruntieri hija element ewlieni biex taħdem lejn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. B'mod partikolari, l-"Approċċ Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità ta' Programmi Konġunti"1, adottat fil-Konferenza Ministerjali ta' Bolonja f'Yerevan, fl-2015, ġie żviluppat biex jiffaċilita l-assigurazzjoni tal-kwalità esterna ta' dawn il-programmi: hu jiddefinixxi standards ibbażati fuq l-għodod miftiehma tal-EHEA, mingħajr ma jiġu applikati kriterji nazzjonali addizzjonali. Dan mistenni jiffaċilita approċċi integrati għall-assigurazzjoni tal-kwalità ta' programmi konġunti, li jirriflettu ġenwinament il-karattru konġunt tagħhom.

L-EMJMDs huma mistiedna jieħdu l-Approċċ Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità ta' Programmi Konġunti bħala bażi għall-assigurazzjoni tal-kwalità esterna tal-kors tagħhom, jekk permessi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

L-EMJMDs għandhom jikkontribwixxu biex tiżdied l-attrazzjoni tal-EHEA madwar id-dinja u juru l-eċċellenza u l-livell għoli ta' integrazzjoni tal-programmi ta' studju konġunti mwassla mill-HEIs Ewropej.

Din l-Azzjoni tappoġġja wkoll l-azzjonijiet esterni, l-objettivi u l-prijoritajiet tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni għolja fl-aspetti varji tagħhom.

X'inhi Lawrja Master Konġunta tal-Erasmus Mundus?

EMJMD hu programm ta' studju internazzjonali integrat ta' livell għoli ta' 60, 90 jew 120 kredit tal-ECTS, mogħti minn konsorzju internazzjonali ta' HEIs minn pajjiżi differenti u - fejn ikun rilevanti -sħab edukattivi u/jew mhux edukattivi oħra b'għarfien speċifiku u interess fl-oqsma professjonali/ta' studju koperti mill-programm konġunt. L-ispeċifiċità tagħhom tinsab fil-grad għoli ta' konġuntività/integrazzjoni2 u l-kontenut u l-metodoloġija akkademika eċċellenti li joffru. Ma hemm ebda limitu f'termini ta' dixxiplina. Il-lista ta' programmi konġunti ffinanzjati taħt il-programm Erasmus+ tista' tinstab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Eżekuttiva3

L-HEIs parteċipanti kollha li huma stabbiliti f'Pajjiż tal-Programm iridu jkunu istituzzjonijiet li joħorġu lawrji ta' Master. It-tlestija b'suċċess ta' programm ta' Master konġunt EMJMD għandha twassal għall-għoti ta' lawrja konġunta (jiġifieri diploma waħda maħruġa tal-anqas f'isem żewġ HEIs minn Pajjiżi tal-Programm differenti) jew lawrji multipli (jiġifieri tal-anqas żewġ diplomi maħruġa minn żewġ istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja minn Pajjiżi tal-Programm differenti). Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti, il-lawrji konġunti huma mħeġġin, minħabba li jirrappreżentaw integrazzjoni sħiħa tal-proċess tat-tagħlim. Minbarra l-HEIs li joħorġu lawrji minn Pajjiżi tal-Programm, jistgħu jkunu involuti HEIs oħrajn minn Pajjiżi Sħab fl-għoti ta' lawrji konġunti jew multipli.

Il-proposti tal-EMJMD fl-istadju ta' applikazzjoni għandhom jippreżentaw programmi ta' studju konġunti żviluppati bis-sħiħ, li huma lesti biex jintużaw u jiġu reklamati madwar id-dinja minnufih wara li jintgħażlu. F'dan il-kuntest, il-proċess ta' għażla tal-EMJMD se jkun ferm selettiv bl-għan li jappoġġja biss l-aqwa proposti.

Min-naħa tagħhom, l-EMJMDs magħżula se jirċievu livelli għoljin ta' finanzjament għal erba' intakes ta' studenti biex ikunu jistgħu jżidu l-viżibbiltà tagħhom madwar id-dinja u jsaħħu l-prospetti ta' sostenibbiltà tagħhom.

It-taqsimiet ta' hawn taħt jiddeskrivu n-natura, l-għażla u l-kundizzjonijiet ta' finanzjament tal-EMJMDs magħżulin b'mod ġdid.

Liema Attivitajiet huma appoġġjati minn din l-Azzjoni?

Din l-Azzjoni se tappoġġja l-attivitajiet li ġejjin:

  • l-għoti ta’ programm tal-EMJMD li jikkorrispondi għal 60, 90 jew 120 kredit tal-ECTS, organizzat permezz ta’ konsorzju internazzjonali ta’ HEIs inkluż il-parteċipazzjoni ta’ studjużi mistiedna (lekċerers mistiedna) għall-finijiet ta’ tagħlim, taħriġ u/jew riċerka;
  • l-għoti ta’ boroż ta’ studju lil studenti eċċellenti madwar id-dinja għall-parteċipazzjoni tagħhom f’wieħed minn dawn il-programmi tal-EMJMD.

X’inhu r-rwol tal-organizzazzjonijiet parteċipanti f’Lawrja Master Konġunta tal-Erasmus Mundus?

Il-programmi tal-EMJMD huma pprovduti minn konsorzju internazzjonali ta' HEIs u - fejn ikun rilevanti - minn tipi oħra ta’ organizzazzjonijiet (intrapriżi, korpi pubbliċi, organizzazzjonijiet ta’ riċerka, eċċ.) li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-EMJMD.

Il-konsorzju tal-EMJMD hu magħmul minn:

  • Applikant/koordinatur: HEI stabbilita f'Pajjiż tal-Programm li tissottometti l-proposta għal proġett f'isem is-sħab kollha. Meta tingħata l-EMJMD, l-applikant/koordinatur se jsir il-benefiċjarju ewlieni tal-għotja tal-UE u se jiffirma ftehim ta' għotja għal ħafna benefiċjarji f'isem il-konsorzju tal-EMJMD. Ir-rwol ta' koordinazzjoni tiegħu jinkludi d-dmirijiet li ġejjin:
    • jirrappreżenta u jaġixxi f'isem il-grupp ta' organizzazzjonijiet parteċipanti vis-à-vis il- Kummissjoni Ewropea;
    • jerfa' r-responsabbiltà finanzjarja u legali għall-implimentazzjoni operattiva, amministratittiva u finanzjarja xierqa tal-proġett kollu;
    • jikkoordina l-EMJMD flimkien mas-sħab l-oħra kollha fil-proġett.
  • Sħab: HEIs li jagħtu l-lawrji rikonoxxuti bħala tali mill-awtoritajiet rilevanti tal-Pajjiż Sieħeb jew tal-Programm fejn ikunu stabbiliti u kwalunkwe organizzazzjoni privata jew pubblika li tikkontribwixxi b’mod attiv fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-EMJMD. Kull sieħeb għandu jiffirma mandat li permezz tiegħu l-firmatarju jagħti prokura lill-koordinatur biex jaġixxi f’ismu u akkont tiegħu matul l-implimentazzjoni tal-proġett.
  • Sħab assoċjati (fakultattivi): barra minn hekk, il-programm ta’ studju tal-EMJMD jista’ jibbenefika wkoll mill-involviment ta’ sħab assoċjati. Dawn l-organizzazzjonijiet jikkontribwixxu b’mod indirett għall-implimentazzjoni ta’ kompiti/attivitajiet speċifiċi u/jew jappoġġjaw it-tixrid u s-sostenibbiltà tal-EMJMD. Din il-kontribuzzjoni tista’ pereżempju tieħu l-forma ta’ trasferiment ta’ għarfien u ħiliet, il-forniment ta’ korsijiet kumplimentari jew l-għoti ta’ appoġġ għal possibbiltajiet għal sekondment jew kollokament. Għall-kwistjonijiet ta’ mmaniġġjar kuntrattwali, is- "sħab assoċjati" mhumiex ikkunsidrati bħala parti mill-konsorzju tal-EMJMD minħabba li għandhom rwol aktar limitat fl-implimentazzjoni tal-EMJMD, minħabba li wieħed jirrikorri għall-għarfien espert tagħhom fuq bażi ad-hoc.
  • Entitajiet affiljati (fakultattivi): organizzazzjonijiet li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi tal-proġett u l-attivitajiet. L-entitajiet affiljati għandhom ikunu identifikati fl-applikazzjoni tal-għotja u jissodisfaw ir-rekwiżiti kif deskritt fl-Anness III (Glossarju ta’ termini) ta’ din il-Gwida tal-Programm.

L-HEIs mill-Pajjiżi tal-Programm għandhom ikunu f'pożizzjoni li jospitaw fiżikament studenti tal-EMJMD u jagħtu mill-anqas in-numru minimu ta' krediti tal-ECTS għall-perjodu ta' studju li jkunu qattgħu fl-istituzzjoni tagħhom.

L-organizzazzjonijiet sħab kollha mill-Pajjiżi tal-Programm jew mill-Pajjiżi Sħab għandhom jiġu identifikati meta japplikaw għal għotja.

Qabel ir-reġistrazzjoni tal-ewwel studenti tal-EMJMD, għandu jiġi żgurat l-impenn istituzzjonali meħtieġ min-naħa tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fil-konsorzju tal-EMJMD sabiex jiġu żgurati inkorporazzjoni u appoġġ istituzzjonali solidu. Il-Ftehim dwar il-Konsorzju tal-EMJMD (ara l-linji gwida u l-mudelli disponibbli fuq is-sit tal-Aġenzija Eżekuttiva) se jkun strument ewlieni għal dan il-għan u se jkollu jiġi ffirmat mill-istituzzjonijiet sħab kollha qabel it-tnedija tal-ewwel applikazzjoni għal borża ta' studju u proċedura tal-għażla. Dan il-Ftehim dwar il-Konsorzju tal-EMJMD se jkollu jkopri b'mod kemm jista' jkun preċiż l-aspetti akkademiċi, operattivi, amministrattivi u finanzjarji kollha relatati mal-implimentazzjoni tal-EMJMD u l-immaniġġjar tal-boroż ta' studju għal EMJMD.

X’inhuma l-kriterji użati biex tiġi vvalutata Lawrja Master Konġunta tal-Erasmus Mundus?

Hawn taħt hawn elenkati l-kriterji formali li EMJMD għandha tirrispetta sabiex tkun eliġibbli għal għotja Erasmus+:

Kriterji tal-Eliġibbiltà

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli

Organizzazzjoni parteċipanti tista' tkun kwalunkwe organizzazzjoni, bl-entitajiet affiljati tagħha (jekk jeżistu) pubblika jew privata, stabbilita f'Pajjiż tal-Programm jew f'Pajjiż Sieħeb li tikkontribwixxi direttament u b'mod attiv għall-għoti tal-EMJMD.

Pereżempju, organizzazzjoni bħal din tista' tkun:

  • istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja (HEI);
  • intrapriża pubblika jew privata, żgħira, ta' daqs medju jew kbira (inklużi l-intrapriżi soċjali);
  • korp pubbliku fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;
  • organizzazzjoni, assoċjazzjoni jew NGO mingħajr skop ta' qligħ;
  • istitut ta' riċerka.

L-HEIs stabbiliti f'Pajjiż tal-Programm għandu jkollhom Karta għal Edukazzjoni Għolja ta' Erasmus (ECHE) valida. L-ECHE mhix meħtieġa għall-HEIs parteċipanti f'Pajjiżi Sħab.

L-HEIs stabbiliti f'Pajjiż tal-Programm għandhom ikunu jistgħu juru li fl-istadju tal-applikazzjoni huma kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-QA (Quality Assurance – Assigurazzjoni tal-Kwalità) esterni tal-ġurisdizzjoni tagħhom (eż. akkreditazzjoni jew valutazzjoni) għall-programm konġunt. Dan jista' jirriżulta jew billi jkunu implimentaw b'suċċess l-Approċċ Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-Programmi Konġunti (jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti), jew ikunu bbażati fuq id-deċiżjonijiet ta' akkreditazzjoni individwali għal kull komponent nazzjonali li abbażi tagħhom l-EMJMD huwa kompost.

Min jista' japplika?

HEI stabbilita f'Pajjiż tal-Programm. L-HEI tapplika f'isem konsorzju tal-EMJMD. Fergħat ta' HEIs f'Pajjiżi Sħab stabbiliti f'Pajjiż tal-Programm jew fergħat ta' HEIs ta' Pajjiż tal-Programm stabbiliti f'Pajjiż Sieħeb mhumiex eliġibbli biex japplikaw.

Numru u profil tal-organizzazzjonijiet parteċipanti

EMJMD hi transnazzjonali u tinvolvi bħala sħab HEIs minn tal-anqas tliet Pajjiżi tal-Programm differenti.

Numru ta' parteċipanti

L-għotja tal-EMJMD se tiffinanzja massimu ta' 60 borża ta' studju tal-istudenti għall-erba' intakes. Barra minn hekk, il-konsorzji tal-EMJMD jistgħu japplikaw għal massimu ta' 28 borża ta' studju addizzjonali għall-erba' intakes għal reġjuni/pajjiżi tad-dinja fil-mira.

Post(ijiet)

Il-perjodu ta' studju tal-EMJMD għandu jsir f'tal-anqas tnejn mill-Pajjiżi tal-Programm rappreżentati fil-konsorzju (jiġifieri tal-inqas żewġ perjodi ta' mobilità għall-istudenti kollha, differenti mill-pajjiż tar-residenza tal-istudent).

Tul ta' żmien tal-proġett

Skont it-tul ta' żmien tal-EMJMD (minn sena sa sentejn akkademiċi) u jekk il-konsorzju jagħżel li jwettaq sena preparatorja, il-konsorzju se jirċievi ftehim ta' għotja għal tul ta' żmien minimu ta' 4 snin u massimu ta' 6 snin akkademiċi biex jiffinanzjaw 4 intakes ta' studenti konsekuttivi.

F'każijiet eċċezzjonali, it-tul ta' żmien tal-EMJMD jista' jiġi estiż sa massimu ta' 12-il xahar, fuq talba mill-applikant/koordinatur u bi qbil mal-Aġenzija Eżekuttiva. F'każ bħal dan, it-total tal-għotja mhux se jinbidel.

Tul ta' żmien tal-attività

Sena preparatorja fakultattiva: sena akkademika.

Implimentazzjoni tal-programm tal-EMJMD: 4 proċessi ta' intakes konsekuttivi ta' sena sa sentejn akkademiċi (60/90/120 kredit tal-ECTS).

Fejn tapplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, li tinsab fi Brussell.

Meta tapplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni għal għotja tagħhom sat-13 ta' Frar fil-17:00 (ħin ta' Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta' Awwissu u l-31 ta' Ottubru tal-istess sena.

Kif tapplika?

Jekk jogħġbok ara l-Parti C ta’ din il-Gwida għad-dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati wkoll skont il-kriterji ta’ esklużjoni u għażla. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

Kriterji ta’ Eliġibbiltà Addizzjonali għall-Boroż ta’ Studju għall-Istudenti

Parteċipanti eliġibbli

L-istudenti fil-livell ta' Master li jkunu kisbu l-ewwel lawrja ta' edukazzjoni għolja jew li juru livell ekwivalenti ta' tagħlim rikonoxxut skont il-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali fil-pajjiżi li jagħtu l-lawrji huma eliġibbli.

L-istudenti li qabel ikunu kisbu borża ta' studju tal-EMJMD jew borża ta' studju ta' Kors ta' Master Erasmus Mundus/Dottorat Konġunt mhumiex eliġibbli biex japplikaw għal borża ta' studju addizzjonali taħt l-azzjoni tal-EMJMD.

Id-detenturi ta' borża ta' studju tal-EMJMD ma jistgħux jibbenefikaw minn skema ta' boroż ta' studju oħra ffinanzjata mill-UE sabiex isegwu l-istess kors tal-EMJMD u dan għall-perjodu kollu tal-kors.

Minimu ta' 75% tal-boroż ta' studju tal-EMJMD4 se jiġu indikati għall- kandidati minn Pajjiżi Sħab.

L-istudenti se japplikaw għal borża ta' studju direttament mal-konsorzju tal-EMJMD tal-għażla tagħhom u jgħaddu minn proċess tal-għażla kompetittiv organizzat mill-HEIs tal-konsorzju. 

L-għażla, ir-reklutaġġ u l-monitoraġġ tal-istudenti individwali jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-konsorzju tal-EMJMD.

Tul ta' żmien tal-attività

Il-borża ta' studju għall-istudenti tingħata esklużivament għal reklutaġġ full-time f'wieħed mill-korsijiet ta' Master u se tkopri t-tul ta' żmien sħiħ tal-programm ta' studju tal-EMJMD.

Post(ijiet) Perjodi ta' studju (eż. tagħlim, riċerka, kollokament, preparazzjoni tat-teżi) lil hinn mill-minimu mitlub jistgħu jsiru f'organizzazzjonijiet parteċipanti oħra minn Pajjiżi tal-Programm jew tal-Imsieħba bil-kundizzjoni li l-attivitajiet ikkonċernati jiġu implimentati taħt is-superviżjoni diretta ta' waħda mill-HEIs sħab fil-konsorzju.

Eżiti tat-tagħlim

L-istudenti se jkollhom jiksbu l-kredits tal-ECTS kollha koperti mill-EMJMD (60, 90 jew 120). Barra minn hekk, għal kull wieħed mill-perjodi ta' studju mandatorji tagħhom f'tal-anqas żewġ Pajjiżi tal-Programm, se jkollhom jiksbu tal-anqas 20 kredit tal-ECTS (għal programmi ta' studju ta' 60 kredit tal-ECTS) jew 30 kredit tal-ECTS (għall-programmi ta' studju ta' 90 jew 120 kredit tal-ECTS).

Il-perjodi ta' mobilità ma jistgħux jiġu ssostitwiti b'mobilità virtwali (tagħlim mill-bogħod), dan jimplika li l-preżenza fiżika tal-istudenti hi meħtieġa waqt il-programm tal-Master kollu. Barra minn hekk, ma jistgħux iseħħu f'istituzzjoniijet barra mill-konsorzju tal-EMJMD (jiġifieri sħab u/jew sħab assoċjati).

Kriterji addizzjonali tal-eliġibilità għal Persunal/studenti/lekċerers mistednin

Parteċipanti eliġibbli
  1. Persunal tal-organizzazzjonijiet parteċipanti;
  2. Studjużi mistednin (/lekċerers mistiedna) minn Pajjiżi tal-Programm u Pajjiżi Sħab. Mill-inqas 4 studjużi mistiedna/lekċerers mistiedna għal kull intake, għandhom ikunu mpenjati fl-attivitajiet tal-EMJMD għal total ta' mill-inqas 8 ġimgħat

L-istudjużi/lekċerers mistiedna għandhom jiġu magħżula skont il-kriterji speċifiċi tal-għażla tal-konsorzju għall-istudjużi u jġibu magħhom valur miżjud konkret għat-twassil tal-EMJMD.

Kriterji tal-għoti

Il-proġetti se jiġu vvalutati skont il-kriterji li ġejjin:

Rilevanza tal-proġett

(massimu 40 punt)

  • L-elementi tal-proposta ta' "konġuntività'Vintegrazzjoni, tfassil u struttura huma mfassla u effettivi biex jintlaħqu l-miri u l-objettivi tal-EMJMD;
  • Il-proposta tiddeskrivi kif l-EMJMD hi integrata fil-katalgi tal-lawrji tas-sieħeb u tiddefinixxi l-lawrja(i) li hemm il-ħsieb li tingħata, speċjalment l-għoti ta' lawrja akkademika konġunta tal-EMJMD, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tippermetti;
  • L-EMJMD proposta tirrispondi għall-ħtiġijiet fil-qasam akkademiku identifikati b'mod ċar;
  • Il-proposta tiddefinixxi kif l-EMJMD timmira li żżid l-attrazzjoni taż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja, u biex titrawwem l-eċċellenza, l-innovazzjoni u l-kompetittività f'termini tal-oqsma akkademiċi/suġġetti mmirati;
  • Il-konsorzju tal-EMJMD propost hu rilevanti ħafna fir-rigward tal-internazzjonalizzazzjoni fl-edukazzjoni għolja u kien maħsub biex jimmassimizza l-benefiċċji tal-mobilità tal-istudenti u l-persunal.

Kwalità tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-proġett

(massimu 20 punt)

  • Il-proposta tiddefinixxi l-programm akkademiku u l-eżiti tat-tagħlim u dettalji kif l-eċċellenza fil-kontenut akkademiku eċċellenti se tiġi żgurata;
  • Il-proposta tiddeskrivi s-sett ta' metodi ta' evalwazzjoni interna u esterna tal-EMJMD, kif se jiddaħħlu fis-seħħ u jintużaw biex jissorveljaw, jaġġornaw u jtejbu l-kwalità tal-kors;
  • Il-proposta tiddefinixxi kif inhi organizzata l-mobilità tal-istudenti u kif din hi strumentali għall-objettivi tal-kors, u tippreżenta abbozz ta' strateġija/ippjanar għall-involviment effettiv tal-istudjużi/lekċerers mistiedna;
  • Il-proposta tispjega fid-dettall l-informazzjoni kollha rilevanti pprovduta lill-istudenti/ il-persunal akkademiku qabel l-iskrizzjoni għall-kors, u s-servizzi offruti f'termini ta' appoġġ għall-akkomodazzjoni, it-taħriġ fil-lingwa, il-formalitajiet amministrattivi (eż. appoġġ għal viża), u l-assigurazzjoni;
  • Il-proposta tiddeskrivi biċ-ċar ir-regoli tal-kors, u d-drittijiet u l-obbligi tal-istudenti fir-rigward tal-aspetti akkademiċi, amministrattivi u finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-EMJMD;
  • Il-proposta tiddeskrivi l-attivitajiet/il-faċilitajiet previsti biex tiġi żgurata l-integrazzjoni/in-netwerking effettiv tal-istudenti tal-EMJMD fi ħdan l-ambjent soċjokulturali u professjonali tagħhom
  • Il-proposta tiddeskrivi b'mod ċar l-interazzjoni bejn l-EMJMD u l-atturi mhux edukattivi fl-implimentazzjoni tal-kors.

Kwalità tat-tim tal-proġett u tal-arranġamenti ta’ koperazzjoni

(massimu 20 punt)

  • Il-proposta turi biċ-ċar kif l-oqsma ta' għarfien espert tas-sħab/persunal involut u kemm huma komplementari u ta' valur miżjud għall-implimentazzjoni tal-EMJMD. Fejn applikabbli, il-proposta tiddeskrivi kif ftehimiet ta' kooperazzjoni eżistenti ġew imtejba sabiex jissodisfaw l-objettivi tal-EMJMD;
  • Il-proposta tiddeskrivi l-impenn istituzzjonali ta' kull sieħeb, tispeċifika r-rwol u l-kompiti tagħhom fl-implimentazzjoni tal-EMJMD, u tiddeskrivi l-mekkaniżmi ta' ħidma tal-korpi governattivi u l-għodod ta' mmaniġġjar fis-seħħ;
  • Il-proposta tiddeskrivi, inter alia, il-kriterji konġunti, il-prinċipji u r-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-istudenti, ir-rekwiżiti ta' għażla u ta' ammissjoni, l-eżami tal-istudenti u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni;
  • Il-proposta tispjega kif ġew ikkalkolati l-ispejjeż għall-parteċipazzjoni tal-istudenti, u tipprovdi deskrizzjoni dwar kif ir-riżorsi finanzjarji inkluż il-finanzjament komplementari se jiġu mobilizzati, allokati u mmaniġġjati fi ħdan is-sħubija

Impatt u tixrid (massimu ta' 20 punt)

  • Il-proposta toffri strateġija ta' żvilupp/sostenibilità konvinċenti fuq terminu medju u twil u tagħmel previżjonijiet realistiċi lil hinn mill-perjodu ta' finanzjament tal-UE, u l-modi kif jiġu mmobilizzati sorsi ta' finanzjament oħra għall-boroż ta' studju u studenti li jiffinanzjaw lilhom infushom;
  • il-proposta tispjega kif l-EMJMD se tiġġenera impatt fil-livell istituzzjonali (fakultà/università), u kif se ssaħħaħ l-istrateġija ta' internazzjonalizzazzjoni tas-sħab tal-konsorzju lejn partijiet ikkonċernati rilevanti fil-livell nazzjonali/Ewropew/internazzjonali.
  • Il-proposta tiddeskrivi kif l-EMJMD proposta tinkuraġġixxi l-intraprenditorija u sens ta' inizjattiva, tiddeskrivi kif impjegaturi se jkunu involuti fl-implimentazzjoni tal-kors sabiex jittejbu l-kompetenzi u l-ħiliet tal-istudenti u b'hekk tittejjeb l-impjegabilità tal-gradwati;
  • Il-proposta tiddeskrivi t-tipi u l-metodi tal-mekkaniżmi ta' promozzjoni/tixrid, il-gruppi fil-mira tagħha, u l-kompiti konkreti tas-sħab fl-istrateġija ta' sensibilizzazzjoni dwar il-EMJMD. Hi tispjega kif tippjana li tattira studenti eċċellenti minn madwar id-dinja;
  • Jekk ikun rilevanti, il-proposta tiddeskrivi kif il-materjali, id-dokumenti u l-media prodotti se jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas u jiġu promossi permezz ta' liċenzji miftuħa, u li ma jkunx fihom limitazzjonijiet sproporzjonati.

Biex jiġu kkunsidrati għal finanzjament, il-proposti għandhom jiksbu tal-anqas 70 punt minn total ta' 100. Barra minn hekk, għandhom iġibu tal-anqas 75% tal-punti massimi allokati taħt il-kriterju tal-għotja "rilevanza tal-proġett" (jiġifieri minimu ta' 30 punt minn 40). Fil-każ ta' ex aequo, għandha tingħata prijorità lill-proġetti bl-ogħla punteġġ taħt il-kriterju "Rilevanza tal-proġett".

Boroż ta' studju addizzjonali għal studenti minn reġjuni tad-dinja fil-mira

L-applikanti jistgħu japplikaw għall-boroż ta' studju addizzjonali għal reġjuni ta' Pajjiżi Sħab tad-dinja permezz tal-istrumenti ta' finanzjament estern tal-UE li ġejjin:

  • Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA)5
  • Strumenti tal-Kooperazzjoni għall-iżvilupp (DCI)6
  • Strument Ewropew ta' Viċinat (ENI)7
  • Strument ta' Sħubija (PI)8
  • Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ)

L-EMJMDs proposti għall-finanzjament jistgħu jirċievu sa 28 borża ta' studju tal-studenti addizzjonali għat-tul kollu tal-kors tal-Master (erba' intakes). Dawn il-boroż addizzjonali huma offruti biex jirrispondu għall-prijoritajiet tal-politika esterna tal-UE fir-rigward tal-edukazzjoni għolja u jqisu l-livelli differenti ta' żvilupp ekonomiku u soċjali fil-Pajjiżi Sħab rilevanti. Huma ffinanzjati abbażi tad-disa' pakketti finanzjarji reġjonali ta' hawn taħt:

  • Il-Balkani tal-Punent (Reġiun l)9
  • Il-Pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (Reġjun 2);
  • Il-Pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran (Reġjun 3);
  • L-Asja (Reġjun 6) b'allokazzjoni ta' boroż ta' studju speċifiċi għall-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati10;
  • L-Asja Ċentrali (Reġjun 7) b'allokazzjoni ta' boroż ta' studju speċifiċi għall-Pajjiżi b'Introjtu Baxx jew Medju Baxx11;
  • L-Amerika Latina (Reġjun 8) b'allokazzjoni ta' boroż ta' studju speċifiċi għall-Pajjiżi b'Introjtu Medju Baxx12 u allokazzjoni massima għall-Brażil/il-Messiku;
  • L-Afrika t'Isfel (Reġjun 10);
  • Il-Pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (Reġjun 11); u
  • Il-Pajjiżi tal-Kooperazzjoni tal-Golf (Reġjun 12).

Il-boroż ta' studju se jiġu allokati lill-EMJMD magħżul għal finanzjament skont il-klassifikazzjoni tagħhom mill-kbir saż-żgħir, u jitqies il-baġit disponibbli. Mill-proposta li tkun ġiet ikklassifikata l-ewwel, in-numru totali ta' boroż ta' studju addizzjonali se jiġi allokat prorata tal-pakketti baġitarji reġjonali u fil-limitu tal-fondi disponibbli.

Kriterju addizzjonali tal-għoti

Il-proposti li jgħaddu l-livell minimu taħt il-kriterju tal-għoti "Rilevanza tal-proġett" u u jiksbu tal-anqas total ta' 70 punt (limitu globali għall-finanzjament) se jiġu vvalutati biex jirċievu boroż ta' studju addizzjonali għal reġjuni mmirati skont il-kriterju addizzjonali li ġej.

Rilevanza tal-proġett fir-reġjuni fil-mira (Iva/Le)

  • Il-proposta tiddeskrivi l-metodi użati sabiex jiġu attirati studenti b'talent kbir mir-reġjuni fil-mira
  • Il-proposta tħeġġeġ il-kooperazzjoni mal-HEIs u/jew organizzazzjoni parteċipanti eleġibbli oħra minn Pajjiżi Sħab fir-reġjuni fil-mira. Il-valur miżjud ta' kooperazzjoni ta' din ix-xorta għall-EMJMD hu spjegat b'mod ċar.

X’għandek tkun taf aktar dwar din l-Azzjoni?

Il-valur miżjud ta’ kooperazzjoni bħal din għall-EMJMD hu spjegat b’mod ċar. L-Anness jinkludi:

  • il-kundizzjonijiet relatati mat-tfassil tal-Lawrja tal-Master Konġunta tal-Erasmus Mundus;
  • il-kundizzjonijiet relatati mal-istudenti tal-Master
  • il-kundizzjonijiet relatati mas-sorveljanza u l-assigurazzjoni tal-kwalità;
  • il-proċedura tal-għażla tal-konsorzji tal-EMJMD.

L-organizzazzjonijiet interessati huma mistiedna jaqraw b’attenzjoni t-taqsimiet rilevanti ta’ dan l-Anness qabel japplikaw għal għajnuna finanzjarja.

Katalgu tal-Lawrji Master Konġunti tal-Erasmus Mundus

Sabiex jikkontribwixxu għall-promozzjoni, il-viżibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-boroż ta' studju ta' Erasmus+ li se jiġu offruti lill-aqwa studenti tal-Master minn madwar id-dinja permezz tal-EMJMDs li jkunu għaddejjin, l-EMJMDs se jiġu inklużi f'katalgu online ospitat fuq is-sit web tal-Aġenzija Eżekuttiva.

Il-katalgu tal-EMJMD se jagħti pubbliċità lill-programmi tal-Master konġunti li joffru boroż ta' studju ta' Erasmus+ għas-sena akkademika li jmiss. Il-katalgu se jippermetti lill-istudenti potenzjali jagħżlu l-EMJMDs tal-għażla tagħhom u li japplikaw għal borża ta' studju ta' Erasmus+ direttament mal-konsorzji kkonċernati.

X'inhuma r-regoli dwar il-finanzjament?

L-EMJMDs magħżulin se jkunu appoġġjati permezz ta' ftehim tal-għotja li tkopri sena preparatorja waħda (jekk l-applikant ikun għażel li japplika għas-sena ta' tħejjija) u erba' intakes ta' studenti konsekuttivi.

L-għotja tal-EMJMD hi kkalkolata skont il-prinċipji ta' finanzjament li ġejjin:

  • għotja għat-tariffi tal-immaniġġjar tal-konsorzju u l-mobilità tal-persunal akkademiku;
  • numru varjabbli ta' boroż ta' studju għal studenti ta' massimu ta' EUR 25 000 kull sena;
  • numru varjabbli ta' boroż ta' studju addizzjonali għal studenti ta' massimu ta' EUR 25 000 kull sena għal reġjuni tad-dinja fil-mira.

Fid-dettall, il-baġit tal-EMJMD għandu jiġi abbozzat skont ir-regoli dwar il-finanzjament li ġejjin (f'euro):

A) Immaniġġjar tal-Lawrja Master Konġunta tal-Erasmus Mundus:

Il-kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-konsorzju u l-ispejjeż 13 għall-istudjużi u l-lekċerers mistiedna

EUR 20 000 għas-sena preparatorja fakultattiva.

EUR 50 000 għal kull intake tal-EMJMD.

B) Boroż ta' studju għall-istudenti tal-Lawrji Master Konġunti tal-Erasmus Mundus:

Il-boroż ta' studju għall-istudenti tal-EMJMD se jinkludu l-ispejjeż ta' parteċipazzjoni tal-istudenti (inklużi t-tariffi għat-tagħlim, koperatura ta' assigurazzjoni sħiħa u kwalunkwe spiża obbligatorja oħra relatata mal-parteċipazzjoni tal-istudenti fil-kors), kontribuzzjoni għall-ivvjaġġar tal-istudenti u l-ispiża ta' rilokazzjoni u konċessjoni għas-sussistenza għat-tul ta' żmien sħiħ tal-programm ta' studju tal-EMJMD. Id-dettalji dwar l-ammonti ta' boroż ta' studju għall-istudenti tal-EMJMD huma mogħtija fit-tabella ta' hawn taħt:

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni

  • sa EUR 9 000 kull sena għal kull detentur ta' borża ta' studju minn Pajjiż Sieħeb14
  • sa EUR 4 500 kull sena għal kull detentur ta' borża ta' studju minn Pajjiż tal-Programm
  • Kwalunkwe ammont li jaqbeż dawn il-kontribuzzjonijiet massimi għandu jkun kopert mill-organizzazzjonijiet parteċipanti u ma jistax jiġi ddebitat lid-detentur ta' borża ta' studju.

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tar-rilokazzjoni

  • EUR 1 000 kull sena għal kull detentur ta' borża ta' studju residenti f'Pajjiż tal-Programm għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar
  • EUR 2 000 kull sena għall-ispejjeż tal-ivvjaġġjar + EUR 1 000 għall-ispejjeż ta' rilokazzjoni għad-detentur ta' borża ta' studju residenti f'Pajjiż Sieħeb anqas minn 4 000 KM 'il bogħod mill-HEI li tikkoordina l-EMJMD.
  • EUR 3 000 kull sena għall-ispejjeż tal-ivvjaġġjar + EUR 1 000 għall-ispejjeż ta' rilokazzjoni għad-detentur ta' borża ta' studju residenti f'Pajjiż Sieħeb 4 000 KM 'il bogħod jew aktar mill-HEI li tikkoordina l-EMJMD.

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta' sussistenza

EUR 1 000 fix-xahar għat-tul ta' żmien kollu tal-programm ta' studju tal-EMJMD (massimu ta' 24 xahar). Mhux se tingħata kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta' sussistenza lid-detenturi ta' borża ta' studju għall-perjodi tal-EMJMD (studju/kollokament/preparazzjoni għat-teżi) mgħoddijin fil-pajjiż ta' residenza tagħhom, u lanqas lid-detenturi ta' boroż ta' studju minn Pajjiż Sieħeb għall-perjodi tal-EMJMD li jaqbżu trimestru wieħed (jiġifieri tliet xhur jew l-ekwivalenti ta' 15-il kredit tal-ECTS) mgħoddijin fi kwalunwke Pajjiż Sieħeb.

Għoti tal-għotja

L-ammont attwali tal-boroż ta' studju individwali, rispettivament l-ammont massimu tal-għotja għall-proġetti magħżula jiddependi fuq numru ta' elementi:

a) it-tul tal-EMJMD (60, 90 jew 120 tal-kredit ECTS);

b) l-ispejjeż ta' parteċipazzjoni tal-EMJMD definiti mill-konsorzji

c) l-implimentazzjoni tas-sena preparatorja fakultattiva;

d) in-numru ta' boroż ta' studju ta' pajjiż tal-Programm/Sieħeb;

Abbażi ta' dawn il-parametri, l-għotja tal-EMJMD għas-sena preparatorja u erba' intakes ta' studenti jammontaw għal massimu ta' EUR 4532 miljun15.

  • 1. Adottat mill-Ministri tal-Edukazzjoni Ewropej matul il-Konferenza Ministerjali ta' Yerevan fl-14-15 ta' Mejju 2015.
  • 2. L-EMJMDs huma mistennija jkunu waqqfu kurrikulu akkademiku mfassal b'mod konġunt u integrat bis-sħiħ bi proċeduri ta' implimentazzjoni komuni, eż. regoli konġunti dwar l-applikazzjoni, l-għażla, l-ammissjoni u l-eżaminar ta' studenti, kif ukoll b'mekkaniżmi kondiviżi ta' assigurazzjoni tal-kwalità.
  • 3. https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/emjmd-catalogue_en
  • 4. Dan jirreferi għan-numru ġenerali ta' boroż ta' studju ffinanzjati, inklużi dawk disponibbli għal wieħed jew aktar mir-reġjuni/pajjiżi tad-dinja li għandhom prijorità.
  • 5. IR-REGOLAMENT (UE) Nru 231/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għal Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II): https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32014R0231&from=EN
  • 6. IR-REGOLAMENT (UE) Nru 233/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020:http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2014:077:0044:0076:MT:PDF
  • 7. IR-REGOLAMENT (UE) Nru 232/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat:
    http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2014:077:0027:0043:MT:PDF
  • 8. IR-REGOLAMENT (UE) Nru 234/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għal kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi:http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2014:077:0077:0084:MT:PDF
  • 9. IR-REGOLAMENT (UE) Nru 231/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għal Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II):https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32014R0231
  • 10. l-Afganistan, il-Bangladesh, il-Bhutan, il-Kambodja, il-Laos, il-Mjanmar, in-Nepal
  • 11. Kyrgyzstan, Tajikistan, Uzbekistan
  • 12. Il-Bolivja, El Salvador, il-Gwatemala, il-Honduras, in-Nikaragwa
  • 13. L-ispejjeż magħmulin minn sħab assoċjati jistgħu jiġu rimborżati mill-konsorzju tal-EMJMD mill-"kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-konsorzju" tal-UE biss (somma f'daqqa).
  • 14. L-istudenti li mhumiex residenti u ma wettqux l-attività ewlenija tagħhom (studji, taħriġ jew xogħol) għal aktar minn total ta' 12-il xahar fuq dawn l-aħħar ħames snin f'Pajjiż tal-Programm. Il-perjodu ta' referenza ta' ħames snin għal din ir-regola ta' 12-il xahar hu kkalkolat b'lura mid-data tal-għeluq għas-sottomissjoni definita mill-konsorzji ta' applikazzjoni għal borża ta' studju għall-istudenti tal-EMJMD.
  • 15. L-ammont massimu teoretiku hu miksub bl-applikazzjoni tar-rati massimi għall-boroż ta' studju u billi wieħed jassumi li proġett kien se jingħata n-numru massimu ta' boroż ta' studju (eż. 60 + 28).