Werrej
Fittex fil-gwida

Ċentri ta’ Eċċellenza ta’ Jean Monnet

X’inhu Ċentru ta’ Eċċellenza ta’ Jean Monnet?

Ċentru ta’ Eċċellenza ta’ Jean Monnet hu punt fokali ta’ kompetenza u għarfien dwar is-suġġetti tal-Unjoni Ewropea.

Ċentru ta’ Eċċellenza ta’ Jean Monnet jiġbor l-għarfien espert u l-kompetenzi ta’ esperti ta’ livell għoli u għandu l-għan li jiżviluppa sinerġiji bejn id-diversi dixxiplini u riżorsi fl-istudji Ewropej, kif ukoll joħloq attivitajiet transnazzjonali konġunti u rabtiet strutturali ma’ istituzzjonijiet akkademiċi f’pajjiżi oħrajn. Hu jiżgura wkoll il-ftuħ għas-soċjetà ċivili.

Iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza ta’ Jean Monnet għandhom rwol ewlieni fl-ilħuq tal-istudenti minn fakultajiet li normalment ma jittrattawx il-kwistjonijiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll dawk li jfasslu l-politika, l-impjegati taċ-ċivil, is-soċjetà ċivili organizzata u l-pubbliku inġenerali.

Liema Attivitajiet huma appoġġjati minn din l-Azzjoni?

Ċentru ta’ Eċċellenza Jean Monnet għandu jiżviluppa pjan annwali strateġiku ta' tliet snin li jinkludi firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, bħal:

  • l-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tar-riżorsi umani u dokumentarji relatati mal-istudji tal-Unjoni Ewropea;
  • it-tmexxija ta' attivitajiet ta' riċerka f'suġġetti speċifiċi tal-Unjoni Ewropea;
  • il-pubblikazzjoni sistematika tar-riżultati tal-attivitajiet ta' riċerka;
  • l-iżvilupp ta' kontenut u għodod dwar suġġetti tal-UE biex jaġġorna u jikkumplementa l-korsijiet u l-kurrikuli attwali (funzjoni ta' tagħlim);
  • it-tisħiħ tad-dibattitu u l-iskambju ta' esperjenzi dwar l-UE, fejn possibbli fi sħubija mal-partijiet ikkonċernati lokali u/jew Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-UE fl-Istati Membri u d-Delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi (funzjoni ta' grupp ta' riflessjoni).

X'inhu r-rwol tal-organizzazzjonijiet parteċipanti f'Ċentru ta' Eċċellenza ta' Jean Monnet?

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jippjanaw li jistabbilixxu Ċentru ta' Eċċellenza ta' Jean Monnet huma mistennija li jirriflettu fuq l-iżvilupp strateġiku tiegħu. Għandhom jipprovdu gwida u viżjoni għall-aħjar esperti disponibbli fost il-persunal ta' tagħlim u riċerka biex jinħolqu sinerġiji li jippermettu xogħol kollaborattiv ta' livell għoli fuq suġġetti speċifiċi tal-UE. Għandhom jappoġġjaw u jippromwovu l-inizjattivi taċ-Ċentru u jassistu fl-iżvilupp tagħhom.

L-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja huma obbligati jżommu għaddejjin l-attivitajiet ta' Ċentru ta' Eċċellenza ta' Jean Monnet matul it-tul ta' żmien kollu tal-proġett, inkluża s-sostituzzjoni tal-koordinatur akkademiku jekk ikun hemm bżonn. Jekk l-istituzzjoni hi obbligata tissostitwixxi l-koordinatur akkademiku oriġinali, għandha tintbagħat talba bil-miktub għall-approvazzjoni lill-Aġenzija Eżekuttiva.

Ċentru ta' Eċċellenza jista' jinvolvi l-kooperazzjoni ta' diversi istituzzjonijiet/organizzazzjonijiet stabbiliti fl-istess belt jew reġjun. Fi kwalunkwe każ, għandu jkun istitut jew struttura indikata b'mod ċar li hi speċjalizzata fl-istudji tal-Unjoni Ewropea u għandha tiġi ospitata minn istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja.

X'inhuma l-kriterji użati biex jiġi vvalutat Ċentru ta' Eċċellenza ta' Jean Monnet?

Hawn taħt hawn elenkati l-kriterji formali li Ċentru ta' Eċċellenza ta' Jean Monnet irid jissodisfa sabiex ikun eliġibbli għal għotja ta' Erasmus+:

Kriterji tal-Eliġibbiltà

Min jista' japplika?

Istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja (HEI) stabbilita fi kwalunkwe pajjiż tad-dinja. L-HEIs stabbiliti f'Pajjiżi tal-Programm għandu jkollhom Karta għall-Edukazzjoni Għolja ta' Erasmus (ECHE). L-ECHE mhix meħtieġa għall-HEIs parteċipanti f'Pajjiżi Sħab.

Individwi ma jistgħux japplikaw direttament għal għotja.

Tul ta' żmien tal-proġett

Tliet snin.

Fejn tapplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, li tinsab fi Brussell.

Meta tapplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni għal għotja tagħhom sal-20 ta' Frar fil-17:00 (ħin ta' Brussell) għal proġetti li jibdew fl-1 ta' Settembru tal-istess sena.

Kif tapplika?

Jekk jogħġbok ara l-Parti Ċ ta' din il-Gwida għad-dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.

Kriterji oħrajn

Ċentru ta' Eċċellenza ta' Jean Monnet wieħed biss jista' jiġi appoġġjat fi kwalunkwe istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja.

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji ta' esklużjoni u għażla. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti Ċ ta' din il-Gwida.

Kriterji tal-għoti

Il-proġetti se jiġu vvalutati skont il-kriterji li ġejjin:

Rilevanza tal-proġett (Massimu ta’ 25 punt)

Kemm il-proposta hija konsistenti mal-għan tal-istudji tal-Unjoni Ewropea:

  • tinkludi l-istudju tal-Unjoni Ewropea kollu kemm hu, b’enfasi partikolari fuq il-proċess ta’ integrazzjoni tal-UE kemm fl-aspetti interni kif ukoll f’dawk esterni;
  • torbot l-acquis (acquis communautaire) u politiki eżistenti tal-UE;
  • tipprowovi ċ-ċittadinanza u l-valuri attivi tal-UE;
  • ittejjeb is-sensibilizzazzjoni tal-UE u tiffaċilita l-involviment fil-ġejjieni u d-djalogu bejn in-nies;

Ir-rilevanza tal-proposta għal wieħed jew aktar mill-objettivi tal-attivitajiet Jean Monnet li ġejjin:

  • il promozzjoni tal-eċċellenza fit-tagħlim u r-riċerka dwar l-istudji tal-UE
  • il-promozzjoni tal-ħolqien ta’ tagħlim ġdid/attivitajiet ġodda fl-istudji tal-UE ;
  • il-ġenerazzjoni ta’ għarfien li jista’ jappoġġja t-tfassil tal-politika tal-UE u jsaħħaħ l-irwol tal-UE f’dinja globalizzata;
  • it-twassil ta’ benefiċċji għas-sistemi tal-politika li hi mfassla fihom;
  • it-trawwim ta’ djalogu bejn id-dinja akkademika u s-soċjetà;
  • l-involviment tal-atturi tas-soċjetà ċivili, dawk li jfasslu l-politika, ħaddiema taċ-ċivil, rappreżentanti tal-edukazzjoni u tal-media f’livelli differenti;
  • il-firxa ta’ għarfien dwar l-UE lis-soċjetà ġenerali, lil hinn minn udjenzi akkademiċi u speċjalizzati;
  • it-tqarrib tal-UE lejn il-pubbliku;

Kemm il-proposta tilħaq il-gruppi prijoritarji fil-mira :

  • istituzzjonijiet jew akkademiċi li għadhom ma rċevewx il-finanzjament ta’ Jean Monnet ;
  • studenti/udjenzi li ma jiġux f’kuntatt ma’ studji Ewropej awtomatikament (f’oqsma lil hinn mil-liġi, l-ekonomija u x-xjenza politika)
  • Għal pajjjiżi tat-tielet dinja, il-potenzjal tal-proġett biex itejjeb id-diplomazija pubblika tal-UE.
Il-kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (Massimu ta’ 25 punt)
  • Iċ-ċarezża, il-kompletezza u l-kwalità tal-proposta u tal-programm ta' ħidma, inkluż fażijiet xierqa tal-ippjanar tat-tħejjija, l-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni, is-segwitu u t-tixrid;
  • Il-koerenza bejn l-objettivi u l-attivitajiet tal-proġett;
  • Il-kwalità, in-novità, u l-fattibbiltà tal-proġett innifsu u l-vijabilità tal-metodoloġija proposta;
Il-kwalità tat-tim tal-proġett (Massimu ta’ 25 punt)
  • Il-pertinenza u l-kumplimentarità tal-profil u l-għarfien espert tal-persunal ewlieni involut fl-attivitajiet proposti fil-proġett (kemm fid-dominji akkademiċi kif ukoll mhux akkademiċi, jekk xierqa).
Impatt u tixrid (Massimu ta’ 25 punt)

L-impatt mistenni tal-proġett billi jkollu effetti fit-tul:

  • fuq l-istituzzjoni li tospita l-Azzjoni ta' Jean Monnet;
  • fuq studenti u persuni li jitgħallmu li jibbenefikaw mill-Azzjoni ta' Jean Monnet;
  • fuq organizzazzjonijiet u individwi oħrajn involuti fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew Ewropew

L-adegwatezza u l-kwalità tal-miżuri li għandhom l-għan li jxerrdu r-riżultati tal-attivitajiet fi ħdan u barra l-istituzzjoni li tospita l-Azzjoni Jean Monnet

  • ixerrdu l-kelma;
  • iqajmu kuxjenza dwar il-proġetti u r-riżultati, itejbu l-viżibilità tal-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet;
  •  jilħqu gruppi barra l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja;
  • jiġu trasferiti u tradotti f’politiki ġodda u prattiċi mtejba.

Kemm it-tixrid tal-għodod previsti se jilħaq l-udjenza fil-mira permezz ta’:

  • esponiment fil-media (inklużi fil-media soċjali, pubblikazzjonijiet eċċ);
  • avvenimenti;
  • korsijiet tat-taħriġ;
  • L-użu ta’ teknoloġiji ġodda (għodod tal-multimedia) inklużi riżorsi tal-edukazzjoni miftuħa (OER)

Sabiex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti għandhom jiksbu tal-anqas 60 punt. Barra minn hekk, għandhom jiksbu tal-anqas 13-il punt f'kull waħda mill-kategoriji ta' kriterji tal-għoti msemmija hawn fuq.

X'għandek tkun taf aktar dwar Ċentru ta' Eċċellenza Jean Monnet?

Tixrid u Impatt

Iċ-Ċentri ta' Eċċellenza ta' Jean Monnet huma mitluba jxerrdu u jisfruttaw ir-riżultati tal-attivitajiet organizzati ta' tagħlim u riċerka lil hinn mill-partijiet ikkonċernati involuti direttament. Dan se jżid l-impatt b'mod konsiderevoli u jikkontribwixxi għal bidla sistemika.

Biex jiżdied l-impatt tagħhom, dawn għandhom jinkludu fl-attivitajiet ta' tixrid tagħhom il-ħolqien ta' riżorsi edukattivi miftuħa (OER) u mezzi biex joffruhom u jinvolvu attivitajiet ta' edukazzjoni miftuħa biex iżommu mal-progress teknoloġiku. Dan se jrawwem modi aktar flessibbli u kreattivi ta' tagħlim u lħiq ta' numru dejjem akbar ta' studenti, professjonisti, dawk li jfasslu l-politika u gruppi interessati oħra.

Iċ-Ċentri ta' Eċċellenza ta' Jean Monnet se jintalbu jaġġornaw it-taqsima rispettiva tagħhom tal-għodda onlajn speċifika ta' Erasmus+ fejn se tiġi ospitata l-informazzjoni kollha dwar l-Attivitajiet Jean Monnet. Huma se jkunu mħeġġa b'mod qawwi sabiex jużaw il-pjattaformi u l-għodod eżistenti rilevanti (jiġifieri d-direttorju ta' Jean Monnet, il-komunità virtwali ta' Jean Monnet). Dawn il-funzjonijiet, li huma parti mill-għodda ġenerali tal-IT għal Erasmus+, se jiżguraw li l-pubbliku ġenerali jkun informat dwar l-istituzzjonijiet u l-korsijiet ta' Jean Monnet tagħhom. Id-detenturi tal-għotjiet se jintalbu jaġġornaw b'mod regolari l-għodda bir-riżultati tal-ħidma tagħhom.

Iċ-Ċentri ta' Eċċellenza huma mħeġġa biex:

  • jipparteċipaw f'avvenimenti ta' tixrid u ta' informazzjoni fil-livell Ewropew u nazzjonali;
  • jorganizzaw avvenimenti (lekċers, seminars, sessjonijiet ta' ħidma, eċċ.) ma' dawk li jfasslu l-politika fil-livell lokali (eż. is-sindki u l-kunsillieri), reġjonali u nazzjonali kif ukoll mas-soċjetà ċivili organizzata u l-iskejjel;
  • ixerrdu r-riżultati tal-attivitajiet permezz tal-organizzazzjoni ta' seminars jew lekċers immirati u adattati għall-pubbliku ġenerali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;
  • jibnu kuntatti ma' Ċentri ta' Eċċellenza, Katedri ta' Jean Monnet, koordinaturi tal-Moduli, eċċ;
  • japplikaw riżorsi edukattivi miftuħa (OER), jippubblikaw is-sommarji, il-kontenut u l-iskeda tal-attivitajiet tagħhom kif ukoll l-eżiti mistennija.

X'inhuma r-regoli dwar il-finanzjament?

Jekk jintgħażel il-proġett, se japplikaw ir-regoli dwar il-finanzjament li ġejjin għall-għotja:

Spejjeż eliġibbli

Mekkaniżmu ta’ finanzjament

Ammont

Regola tal-allokazzjoni

Spejjeż tal-attività

L-ispejjeż diretti eliġibbli

  • Spejjeż tal-persunal
  • Spejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza
  • Spejjeż tas-sottokuntrattar (massimu ta' 30% tal-ispejjeż diretti eliġibbli)
  • Spejjeż tat-tagħmir (massimu ta' 10% tal-ispejjeż diretti eliġibbli)
  • Spejjeż tat-tagħlim
  • Spejjeż oħra (inklużi spejjeż għal kwalunkwe verifika finanzjarja/ċertifikat tal-awditjar obbligatorji).

L-ispejjeż indiretti eliġibbli

Ammont b'rata fissa, li ma jaqbiżx is-7% tal-ispejjeż diretti eliġibbli tal-proġett, hu eliġibbli taħt l-ispejjeż indiretti, u jirrappreżenta l-ispejjeż amministrattivi ġenerali tal-benefiċjarju li mhumiex diġà koperti bl-ispejjeż diretti eliġibbli (eż. kontijiet tad-dawl jew tal-Internet, spejjeż tal-post, eċċ) iżda li jistgħu jitqiesu bħala debitabbli lill-proġett.

Spejjeż reali

80% tal-ispejjeż totali eliġibbli

(sakemm ma tintalabx % anqas tal-għotja mill-applikant)

Massimu ta’ €100 000

Kundizzjonali: spejjeż li jintefqu b'konnessjoni mal-attività u huma meħtieġai għall-implimentazzjoni tagħha.