Werrej
Fittex fil-gwida

X’inhuma l-miri tal-attivitajiet Jean Monnet?

L-azzjonijiet Jean Monnet għandhom l-għan li:

  •  jippromwovu l-eċċellenza fit-tagħlim u r-riċerka fil-qasam tal-istudji tal-Unjoni Ewropea madwar id-dinja;
  • irawmu djalogu bejn id-dinja akkademika u s-soċjetà, inklużi dawk li jfasslu l-politika fil-livell lokali u tal-istat, uffiċjali pubbliċi, atturi tas-soċjetà ċivili, rappreżentanti tal-livelli differenti tal-edukazzjoni u tal-midja;
  • jiġġeneraw għarfien u ideat li jistgħu ssostnu t-tfassil tal-politika tal-UE u jsaħħu r-rwol tal-UE f'dinja globalizzata.

L-istudji tal-Unjoni Ewropea jinkludu l-istudju dwar l-Ewropa fit-totalità tagħha b'enfasi partikolari fuq il-proċess tal-integrazzjoni Ewropea kemm fl-aspett intern tiegħu kif ukoll f'dak estern. Huma jippromwovu ċittadinanza u valuri Ewropej attivi u jindirizzaw ir-rwol tal-UE f'dinja globalizzata, b'hekk itejbu s-sensibilizzazzjoni dwar l-Unjoni u jiffaċilitaw l-involviment futur u d-djalogu bejn il-popli. L-attivitajiet Jean Monnet jagħmlu mill-aħjar biex jiffunzjonaw bħala sprun tad-diplomazija pubblika f’pajjiżi tat-tielet dinja, jippromwovu l-valuri tal-UE u jtejbu l-viżibilità ta’ dak li tirrappreżenta l-Unjoni Ewropea u ta’ dak li għandha l-għan li tikseb.

Sensibilizzazzjoni attiva u xogħol edukattiv li jxerred l-għarfien dwar l-UE lis-soċjetà ġenerali (lil hinn mill-akkademja u l-udjenzi speċjalizzati) u li jġib l-UE aktar qrib il-pubbliku huwa wkoll imħeġġeg.

L-Attivitajiet Jean Monnet għandhom iġibu benefiċċji fit-tul lill-individwi u lill-istituzzjonijiet involuti. Huma jġibu wkoll benefiċċji għas-sistemi tal-politika li fihom huma integrati.

L-oqsma ewlenin tas-suġġett huma dawn li ġejjin:

  • Studji tal-UE u Komparattivi dwar ir-Reġjonaliżmu;
  • Studji tal-UE dwar il-Komunikazzjoni u l-Informazzjoni;
  • Studji Ekonomiċi tal-UE;
  • Studji Storiċi tal-UE;
  • Studji dwar id-Djalogu Interkulturali tal-UE;
  • Studji Interdixxiplinari tal-UE;
  • Studji dwar ir-Relazzjonijiet Internazzjonali u d-Diplomazija tal-UE;
  • Studji Legali tal-UE;
  • Studji Politiċi u Amministrattivi tal-UE.

Madankollu, anki oqsma ta’ studju differenti (bħas-soċjoloġija, il-filosofija, ir-reliġjon, il-ġeografija, il-letteratura, l-arti, ix-xjenzi, l-studji ambjentali, l-istudji globali, eċċ.) jistgħu jkunu assoċjati ma’ dan il-qasam ta’ studju meta jkunu jinkludu element ta’ tagħlim, riċerka jew riflessjoni fuq l-UE u b’mod ġenerali, jikkontribwixxu għall-Ewropeizzazzjoni tal-kurrikuli. L-istudji komparattivi sejrin jiġu kkunsidrati biss meta jkollhom x’jaqsmu mal-proċessi ta’ integrazzjoni differenti madwar id-dinja kollha.

Fir-rigward tal-objettivi ġenerali tal-Programm Erasmus+, Jean Monnet għandu l-għan li:

  • jippromwovi l-eċċellenza fit-tagħlim u r-riċerka fl-istudji tal-UE;
  • jippromwovi l-innovazzjoni fit-tagħlim u r-riċerka (eż. studji transsettorjali u/jew multidixxiplinari, edukazzjoni miftuħa, netwerking ma’ istituzzjonijiet oħrajn);
  • jgħammar l-istudenti u l-professjonisti żgħażagħ b'għarfien tas-suġġetti tal-Unjoni Ewropea rilevanti għall-ħajjiet akkademiċi u professjonali tagħhom u jsaħħaħ il-ħiliet ċiviċi tagħhom;
  • jissimplifika u jiddiversifika s-suġġetti relatati mal-UE fil-kurrikuli kollha proposti mill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja lill-istudenti tagħhom;
  • jipprowovi s-sensibilizzazzjoni tal-HEIs għas-soċjetà permezz ta' diskussjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-UE;
  • itejjeb il-kwalità tat-taħriġ professjonali fuq is-suġġetti tal-UE meta jkun xieraq;
  • jinkoraġġixxi l-involviment tal-akkademiċi żgħażagħ fit-tagħlim u r-riċerka fis-suġġetti Ewropej.
  • jinkoraġġixxi d-djalogu bejn id-dinja akkademika u dawk li jfasslu l-politika, b'mod partikolari bil-għan li jsaħħaħ il-governanza tal-politiki tal-UE;
  • jippromwovi s-sensibilizzazzjoni lill-għalliema u l-istudenti ta' livelli oħra ta' edukazzjoni, bħall-edukazzjoni primarja u sekondarja;
  • ixerred ir-riżultati tal-attivitajiet iffinanzjati billi jorganizzaw avvenimenti lill-udjenzi ta' ċittadini u nies mhux speċjalizzati, lit-tfal tal-iskejjel, lil dawk li jfasslu l-politika, lill-awtoritajiet lokali (eż. sindki u kunsilliera) u partijiet interessati oħra fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, f'lingwa u format li huwa xieraq għal kull udjenza.

Jean Monnet huwa mistenni li jġib miegħu effetti pożittivi u dejjiema għall-parteċipanti involuti, lill-organizzazzjonijiet ta’ promozzjoni, kif ukoll lis-sistemi politiċi li huma inkwadrati fihom.

Fir-rigward tal-parteċipanti involuti b’mod dirett jew indirett fl-Azzjonijiet, Jean Monnet għandu l-għan li jipproduċi r-riżultati li ġejjin:

  • isaħħaħ l-impjegabbiltà u jtejjeb il-prospetti ta’ karriera għal gradwati żgħażagħ, billi jinkludi jew isaħħaħ dimensjoni Ewropea fl-istudji tagħhom;
  • iżid l-interess fil-fehim u l-parteċipazzjoni fl-Unjoni Ewropea, li jwasslu għal ċittadinanza aktar attiva;
  • jappoġġja r-riċerkaturi żgħażagħ (jiġifieri li jkunu kisbu Dottorat f’dawn l-aħħar ħames snin) u l-professuri li jridu jwettqu riċerka u tagħlim fuq suġġetti tal-UE;
  • iżid l-opportunitajiet għall-persunal akkademiku f’termini ta’ żvilupp professjonali u tal-karriera.

L-attivitajiet appoġġjati minn Jean Monnet huma mistennija jipproduċu wkoll ir-riżultati li ġejjin fuq l-organizzazzjonijiet parteċipanti:

  • iżidu l-kapaċità ta’ tagħlim u riċerka fi kwistjonijiet tal-UE: itejbu jew jinnovaw il-kurrikuli; iżidu l-kapaċita biex jattiraw studenti eċċellenti; kooperazzjoni msaħħa ma’ sħab minn pajjiżi oħrajn; iżidu l-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji għat-tagħlim u r-riċerka dwar suġġetti tal-UE fi ħdan l-istituzzjoni;
  • ambjent aktar modern, dinamiku, impenjat u professjonali ġewwa l-organizzazzjoni: li jippromwovi l-iżvilupp professjonali tar-riċerkaturi żgħażagħ u l-professuri; li lest li jintegra prassi tajba u suġġetti tal-UE ġodda fi programmi u inizjattivi didattiċi; miftuħ għal sinerġiji ma’ organizzazzjonijiet oħra.

F’perjodu ta’ żmien twil Jean Monnet huwa mistenni li jħeġġeġ il-promozzjoni u d-diversifikazzjoni tal-istudji tal-UE madwar id-dinja kif ukoll li jsaħħaħ u jestendi l-parteċipazzjoni tal-persunal minn aktar fakultajiet u dipartimenti fit-tagħlim u r-riċerka tal-Unjoni Ewropea.