Werrej
Fittex fil-gwida

Il-kummissjoni ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea hija finalment responsabbli għat-tmexxija tal-Programm Erasmus+. Tamministra l-baġit u tistabbilixxi l-prijoritajiet, il-miri u l-kriterji għall-Programm fuq bażi kontinwa. Barra minn hekk, tiggwida u tissorvelja l-implimentazzjoni ġenerali, is-segwitu u l-evalwazzjoni tal-Programm fuq livell Ewropew. Il-Kummissjoni Ewropea terfa’ wkoll ir-responsabbiltà ġenerali għas-superviżjoni u l-koordinazzjoni tal-istrutturi inkarigati mill-implimentazzjoni tal-Programm fuq livell nazzjonali.

Fil-livell Ewropew, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura tal-Kummissjoni Ewropea (l-Aġenzija Eżekuttiva) hija responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Azzjonijiet ċentralizzati tal-Programm Erasmus+. L-Aġenzija Eżekuttiva hija inkarigata mill-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ ta’ dawn il-proġetti, mill-promozzjoni tal-Programm, l-analiżi tat-talbiet għal għotja, il-monitoraġġ tal-proġetti fuq il-post, sat-tixrid tal-proġett u r-riżultati tal-Programm. Hija responsabbli wkoll għat-tnedija ta’ sejħiet speċifiċi għall-proposti relatati ma’ xi Azzjonijiet tal-Programm li mhumiex koperti permezz ta’ din il-Gwida.

Il-Kummissjoni Ewropea, notevolment permezz tal-Aġenzija Eżekuttiva, hija wkoll responsabbli biex:

  • twettaq studji fl-oqsma appoġġjati mill-Programm;
  • twettaq attivitajiet ibbażati fuq ir-riċerka u l-evidenza permezz tan-netwerk Eurydice;
  • ittejjeb il-viżibbiltà u l-impatt sistemiku tal-Programm permezz tal-attivitajiet ta’ tixrid u sfruttament tar-riżultati tal-Programm;
  • tiżgura l-ġestjoni kuntrattwali u l-finanzjament ta’ korpi u netwerks appoġġjati mill-Programm Erasmus+;
  • tamministra s-sejħiet għall-offerti biex jiġu pprovduti servizzi fil-qafas tal-Programm.

L-aġenziji nazzjonali

L-implimentazzjoni tal-Programm Erasmus+ hija prinċipalment implimentata bħala Ġestjoni Indiretta, li jfisser li l-Kummissjoni Ewropea tafda l-kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit lill-Aġenziji Nazzjonali; ir-raġunament wara dan l-approċċ huwa li Erasmus+ jitressaq kemm jista’ jkun qrib il-benefiċjarji tiegħu u jadatta għad-diversità tas-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ. Għal dan l-għan, kull Pajjiż tal-Programm ħatar Aġenzija Nazzjonali waħda jew aktar (għad-dettalji ta’ kuntatt, jekk jogħġbok ikkonsulta l-Anness IV ta’ din il-Gwida). Dawn l-Aġenziji Nazzjonali jippromwovu u jimplimentaw il-Programm fuq livell nazzjonali u jaġixxu bħala l-kollegament bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali. Huwa l-kompitu tagħhom li:

  • jipprovdu informazzjoni xierqa dwar il-Programm Erasmus+;
  • jamministraw proċess ta’ għażla ġust u trasparenti għall-applikazzjonijiet tal-proġett li se jiġu ffinanzjati fil-pajjiż tagħhom;
  • jimmonitorjaw u jevalwaw l-implimentazzjoni tal-Programm f’pajjiżhom;
  • jipprovdu appoġġ lill-applikanti tal-proġett u lill-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett;
  • jikkollaboraw b’mod effettiv man-netwerk tal-Aġenziji Nazzjonali kollha u l-Kummissjoni Ewropea;
  • jiżguraw il-viżibbiltà tal-Programm;
  • jippromwovu d-disseminazzjoni u l-esplojtazzjoni tar-riżultati tal-Programm fil-livell lokali u nazzjonali.

Barra minn hekk, l-Aġenziji Nazzjonali għandhom rwol importanti bħala strutturi intermedjarji għall-iżvilupp kwalitattiv tal-Programm Erasmus+ billi:

  • iwettqu attivitajiet - barra l-kompiti tal-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett - li jappoġġjaw l-implimentazzjoni kwalitattiva tal-Programm u/jew iniedu żviluppi politiċi fl-oqsma appoġġjati mill-Programm;
  • jipprovdu approċċ ta’ appoġġ għall-persuni l-ġodda u l-gruppi fil-mira li huma żvantaġġjati sabiex ineħħu l-ostakli għall-parteċipazzjoni sħiħa fil-Programm;
  • ifittxu kooperazzjoni ma’ korpi esterni sabiex jiżdied l-impatt tal-Programm f’pajjiżhom.

L-approċċ ta’ appoġġ tal-Aġenziji Nazzjonali għandu l-għan li jiggwida lill-utenti tal-Programm fil-fażijiet kollha, mill-ewwel kuntatt mal-Programm sal-proċess ta’ applikazzjoni għat-twettiq tal-proġett u l-evalwazzjoni finali. Dan il-prinċipju ma jmurx kontra l-ġustizzja u t-trasparenza tal-proċeduri tal-għażla. Pjuttost huwa bbażat fuq l-idea li biex jiġu ggarantiti opportunitajiet indaqs għal kulħadd, huwa meħtieġ li tingħata aktar għajnuna lill xi gruppi fil-mira tal-Programm permezz ta’ sistemi ta’ għoti ta’ pariri, konsulenza, monitoraġġ u taħriġ imfassla skont il-bżonnijiet tagħhom.