Werrej
Fittex fil-gwida

Liema korpi oħrajn huma involuti fl-implimentazzjoni tal-Programm?

Minbarra l-korpi msemmija hawn fuq, l-istrutturi li ġejjin jipprovdu kompetenza supplimentari għall-implimentazzjoni tal-Programm Erasmus+:

In-Netwerk Eurydice

In-netwerk Eurydice primarjament jiffoka fuq il-mod kif l-edukazzjoni fl-Ewropa hi strutturata u organizzata fil-livelli kollha u jimmira sabiex jikkontribwixxi għal fehim reċiproku aħjar tas-sistemi fl-Ewropa. Dan jipprovdi lil dawk responsabbli għas-sistemi u l-politiki tal-edukazzjoni fl-Ewropa b'analiżijiet komparattivi fuq livell Ewropew u informazzjoni speċifika nazzjonali fl-oqsma tal-edukazzjoni u ż-żgħażagħ, li se jgħinhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom.

In-netwerk Eurydice jipproduċi sors enormi ta' informazzjoni, inklużi deskrizzjonijiet dettaljati u ħarsiet ġenerali tas-sistemi tal-edukazzjoni nazzjonali (Sistemi u Politiki Nazzjonali tal-Edukazzjoni), rapporti tematiċi komparattivi ddedikati għas-suġġetti speċifiċi ta' interess Komunitarju (Rapporti Tematiċi), indikaturi u statistika (Serje ta' Dejta Ewlenija), u serje ta' fatti u figuri marbutin mal-edukazzjoni, bħall-istrutturi nazzjonali tal-edukazzjoni, il-kalendarji skolastiċi, il-paragun tal-pagi tal-għalliema u taż-żmien meħtieġ ta' tagħlim għall-pajjiżi u l-livelli ta' edukazzjoni (Fatti u Figuri).

Dan jikkonsisti f'unità ċentrali ta' koordinazzjoni li tinsab fl-Aġenzija Eżekuttiva u unitajiet nazzjonali bbażati fil-pajjiżi kollha tal-Programm Erasmus+ kif ukoll l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Montenegro.

Aktar informazzjoni hi disponibbli fuq is-sit tal-Aġenzija Eżekuttiva: https://eacea.ec.europa.eu/homepage

 

In-Netwerk Nazzjonali tal-Korrispondenti tal-Wiki taż-Żgħażagħ

B'konformità mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ u bl-objettiv li jitjieb l-għarfien dwar kwistjonijiet taż-żgħażagħ fl-Ewropa, qed jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju lill-Istrutturi Nazzjonali li jikkontribwixxu għall-Wiki taż-Żgħażagħ, għodda interattiva li tipprovdi informazzjoni dwar is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fl-Ewropa u dwar il-politiki nazzjonali taż-żgħażagħ b'mod koerenti, aġġornat u sfruttabbli.

L-appoġġ finanzjarju jingħata lill-korpi nnominati mill-awtoritajiet nazzjonali, li jinsabu f'Pajjiż tal-Programm, għall-azzjonijiet imwettqa minn dawn il-korpi għall-produzzjoni ta' informazzjoni speċifika għall-pajjiż, deskrizzjonijiet u indikaturi komparabbli tal-pajjiż li jikkontribwixxu għal fehim reċiproku aħjar tas-sistemi u l-politiki taż-żgħażagħ fl-Ewropa.

 

Is-Servizzi ta' Appoġġ tal-eTwinning

L-eTwinning hi komunità ta' għalliema minn skejjel preprimarji għal dawk postsekondarji, ospitata fuq pjattaforma sigura aċċessibbli biss għall-għalliema li ġew ivvettjati mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-parteċipanti jistgħu jinvolvu ruħhom f'ħafna attivitajiet: iwettqu proġetti ma' skejjel u klassijiet oħrajn; jiddiskutu mal-kollegi u jiżviluppaw netwerking professjonali; jinvolvu ruħhom f'varjetà ta' opportunitajiet professjonali ta' żvilupp (onlajn u wiċċ imb wiċċ); eċċ... l-eTwinning hi ffinanzjata taħt l-Azzjoni Ewlenija 2 tal-Programm Erasmus+. Sa mit-tnedija tagħha fl-2005, aktar minn 570,000 għalliem f'aktar minn 190,000 skola rreġistraw u twettqu kważi 75,000 proġett fil-pajjiżi tal-programm.

L-għalliema u l-iskejjel li jipparteċipaw fl-eTwinning jirċievu appoġġ mis-Servizzi ta’ Appoġġ Nazzjonali (NSS) tagħhom. Dawn huma organizzazzjonijiet maħtura mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Huma jassistu lill-iskejjel fil-proċess tar-reġistrazzjoni, it-tiftix ta’ sħab u attivitajiet tal-proġett, jippromwovu l-Azzjoni, jagħtu premjijiet u t-tikketti tal-kwalità u jorganizzaw attivitajiet ta’ żvilupp professjonali għall-għalliema.

Is-Servizzi ta’ Appoġġ Nazzjonali huma koordinati minn Servizz Ċentrali ta’ Appoġġ (CSS), li hu responsabbli wkoll għall-iżvilupp tal-pjattaforma tal-Internet tal-eTwinning u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ żvilupp professjonali tal-għalliema fil-livell Ewropew.

Il-lista tas-servizzi kollha u aktar informazzjoni huma disponibbli fuq: https://www.etwinning.net/en/pub/contact.htm

 

Is-School Education Gateway(SEG)

Is-School Education Gateway hi l-pjattaforma onlajn Ewropea għall-edukazzjoni fl-iskejjel, attwalment disponibbli fi 23 lingwa tal-UE, maħsuba biex tipprovdi dak kollu li l-għalliema jeħtieġu f'termini ta' informazzjoni, tagħlim u żvilupp professjonali, appoġġ mill-kollegi u netwerking, proġetti kollaborattivi u opportunitajiet ta' mobilità, intuwizzjonijiet dwar il-politiki eċċ. Minbarra l-komunità tal-għalliema, il-bażi tal-utenti fil-mira tal-SEG tinkludi l-partijiet kollha li jipparteċipaw fl-attivitajiet taħt il-Programm Erasmus+ bħal: skejjel u atturi u organizzazzjonijiet edukattivi oħrajn; dawk li jfasslu l-politika u awtoritajiet nazzjonali; NGOs; intrapriżi; eċċ. Peress li hu sit elettroniku pubbliku, jista' jiġi aċċessat minn kwalunkwe persuna fuq l-Internet (jiġifieri anki minn pajjiżi barra l-UE). Din il-firxa wiesgħa hi mistennija li ttejjeb ir-rabtiet bejn il-politika u l-prattika fl-edukazzjoni fl-iskejjel Ewropej, kif ukoll tgħin fil-promozzjoni ta' politika bbażata fuq ir-realtà ta' dak li qed jiġri fl-iskejjel u dak li hu meħtieġ mis-suq tax-xogħol.

L-SEG toffri firxa wiesgħa ta' kontenut, bħall-prattiki tajbin mill-proġetti Ewropej; kontribuzzjonijiet fi blogg ta' kull xahar u intervisti b'filmat ta' esperti Ewropej tal-edukazzjoni fl-iskejjel; korsijiet onlajn għall-għalliema biex jgħinu jindirizzaw l-isfidi topiċi fil-klassijiet; riżorsi bħall-materjal ta' tagħlim, tutorials u l-Għodod Ewropej għall-Iskejjel; informazzjoni dwar il-politiki tal-edukazzjoni fl-iskejjel; aħbarijiet u avvenimenti topiċi; eċċ. Hu joffri għodod speċjali li jappoġġjaw l-għalliema u l-persunal tal-iskola biex jinstabu opportunitajiet ta' taħriġ u ta' mobilità għall-iżvilupp professjonali (korsijiet fuq il-post, monitoraġġ tal-impjiegi, inkarigi ta' tagħlim, eċċ), li jistgħu jiġu ffinanzjati taħt l-Azzjoni Ewlenija 1 ta' Erasmus+:

  • Għodda ta' Erasmus+ "Katalgu tal-Kors" (għall-opportunitajiet ta' taħriġ wiċċ imb wiċċ);
  • Għodda ta' Erasmus+ "Opportunitajiet ta' Mobilità" (għall-mobilità tal-għalliema taħt l-Azzjoni Ewlenija 1);

Aktar informazzjoni: http://schooleducationgateway.eu

 

L-EPALE

Il-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa - magħrufa bħala EPALE - hi inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea ffinanzjata mill-programm Erasmus+. Hi miftuħa għall-għalliema, trainers u voluntieri kif ukoll għal dawk li jfasslu l-politika, riċerkaturi, media u akkademiċi involuti fit-tagħlim tal-adulti.

Is-sit joffri netwerks interattivi li jippermettu lill-utenti sabiex jillinkjaw ma' oħrajn minn madwar l-Ewropa kollha, jinvolvu ruħhom f'diskussjonijiet u jiskambjaw prattika tajba. Fost ħafna għodod u kontenut, EPALE toffri strumenti ta' interess speċifiku għall-benefiċjarji (potenzjali) ta' Erasmus+. Xi eżempji jinkludu:

  • Kalendarju tal-korsijiet u l-avvenimenti, li jista' jintuża
  • biex jinstabu opportunitajiet ta' mobilità għall-benefiċjarji ta' proġetti taħt l-Azzjoni Ewlenija 1 (KA1)
  • għall-promozzjoni tal-korsijiet u l-avvenimenti organizzati mill-proġetti taħt l-Azzjoni Ewlenija 2 (KA2)
  • Għodda tat-tiftix tas-sħab, utli biex jinstabu sħab biex jitħejja proġett iffinanzjat mill-UE jew biex tinstab jew tiġi offruta opportunità ta' monitoraġġ tal-impjiegi.
  • Komunitajiet ta' prattika joffru faċilità addizzjonali biex ikun hemm kollaborazzjoni ma' persuni u organizzazzjonijiet b'interess simili
  • Spazji kollaborattivi, fejn is-sħab tal-proġett jistgħu jaħdmu f'ambjent sikur biex jiżviluppaw il-proġett tagħhom
  • Ċentru tar-riżorsi, fejn il-benefiċjarji tal-proġett jistgħu jagħmlu referenza għall-artikli, ir-rapporti, il-manwali, u kwalunkwe materjal ieħor prodott mill-proġett tagħhom jew l-organizzazzjoni tagħhom, u b'hekk joffri opportunità ta' tixrid ta' informazzjoni addizzjonali
  • Blogg, fejn il-parteċipanti fil-proġetti jistgħu jaqsmu l-esperjenza tagħhom jew itellgħu vidjows fejn jippreżentaw ir-riżultati tagħhom b'mod informali u dinamiku.

Il-proġetti li jirċievu finanzjament mill-UE huma mħeġġa li jaqsmu l-informazzjoni dwar l-attivitajiet u r-riżultati tagħhom fuq il-pjattaforma permezz ta' posts fuq il-blogg, aħbarijiet, avvenimenti u tipi oħra ta' attivitajiet.

L-EPALE hi implimentata mis-Servizz ta' Appoġġ Ċentrali u minn netwerk ta' Servizzi ta' Appoġġ Nazzjonali fil-pajjiżi tal-Programm Erasmus+, li huma responsabbli għall-identifikazzjoni ta' informazzjoni interessanti u jħeġġu lill-partijiet ikkonċernati sabiex jużaw u jikkontribwixxu għall-pjattaforma. L-EPALE tista' tiġi aċċessata f'http://ec.europa.eu/epale.

 

Skambju Virtwali Erasmus+

L-Iskambju Virtwali Erasmus+ jippermetti lil żgħażagħ ġejjin miż-żewġ naħat tal-Mediterran jidħlu fi djalogu interkulturali u jtejbu l-ħiliet tagħhom permezz ta' għodod ta' tagħlim onlajn. Dan iwessa' l-firxa u l-ambitu tal-Erasmus+, u jikkumplimenta l-mobilità fiżika tradizzjonali. L-Iskambju Virtwali Erasmus+ jaħdem mill-qrib ma' universitajiet u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ biex jilħaq żgħażagħ, ħaddiema żgħażagħ, studenti u akkademiċi mill-34 Pajjiż tal-Programm u l-10 Pajjiżi Sħab tar-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran (l-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, il-Palestina1, is-Sirja u t-Tuneżija).

L-iskambji virtwali huma djalogi onlajn li normalment iseħħu bħala parti mill-programmi edukattivi formali u mhux formali u huma rikonoxxuti kullimkien. Id-diskussjonijiet jiġu moderati minn faċilitaturi mħarrġa li jsegwu kodiċi ta' mġiba miftiehem. Wara li jilloggjaw fuq pjattaforma sigura ta' vidjokonferenza, iż-żgħażagħ jiltaqgħu fi gruppi żgħar biex jiddiskutu suġġetti soċjali, globali jew personali. L-għan huwa li jinvolvu ruħhom f'awtoriflessjoni, smigħ attiv, rispett u ħsieb kritiku. Id-djalogi jtejbu wkoll il-ħiliet tal-impjegabbiltà, peress li dawn jitolbu komunikazzjoni effettiva, il-prattika ta' lingwi oħra u l-kollaborazzjoni bejn id-differenzi.

L-Iskambju Virtwali Erasmus+ jħarreġ ukoll ħaddiema żgħażagħ u professuri tal-università biex jiżviluppaw proġetti ta' skambju virtwali ma' msieħba ta' pajjiżi oħra, u jpoġġi żgħażagħ f'kuntatt ma' oħrajn minn kulturi differenti. Barra minn hekk, il-proġett jgħin lill-mexxejja ta' Massive Open Onlajn Courses (MOOCs) jiżviluppaw komponent ta' skambju virtwali biex jiddaħħal fil-programmi tagħhom.

L-informazzjoni kollha tinsab fis-sit: https://europa.eu/youth/erasmusvirtual

 

L-Uffiċċji Nazzjonali ta' Erasmus+

Fil-Pajjiżi Sħab ikkonċernati (il-Balkani tal-Punent, il-pajjiżi tal-Mediterran tal-Lvant u tan-Nofsinhar, ir-Russja u l-Ażja Ċentrali), l-Uffiċċji Nazzjonali ta' Erasmus+ (NEOs) jgħinu lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija Eżekuttiva u lill-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni tal-Programm Erasmus+. Dawn huma l-punti fokali f'dawn il-pajjiżi għall-partijiet ikkonċernati tagħhom involuti fil-Programm Erasmus+ fil-qasam tal-edukazzjoni għolja. Huma jikkontribwixxu sabiex itejbu l-għarfien, il-viżibilità, ir-rilevanza, l-effettività u l-impatt tad-dimensjoni internazzjonali ta' Erasmus+.

L-Uffiċċji Nazzjonali ta' Erasmus+ huma responsabbli biex:

  • jipprovdu informazzjoni dwar attivitajiet ta' Erasmus+ li huma miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi tagħhom fil-qasam tal-edukazzjoni għolja;
  • jagħtu pariri u jassistu lill-applikanti potenzjali;
  • jimmonitorjaw proġetti ta' Erasmus+;
  • jikkoordinaw it-tim lokali ta' Esperti dwar ir-Riforma fl-Edukazzjoni Għolja (HEREs);
  • jimmonitorjaw il-wirt tal-Programm Tempus IV (2007-2013);
  • jikkontribwixxu għall-istudji u l-avvenimenti;
  • jipprovdu appoġġ għad-djalogu politiku;
  • iżommu kuntatti mal-awtoritajiet lokali u d-delegazzjonijiet tal-UE;
  • isegwu żviluppi politiċi fil-qasam tal-edukazzjoni għolja fil-pajjiż tagħhom.

Is-Segretarjat tal-AKP

Fil-Pajjiżi Sħab ikkonċernati (pajjiżi AKP), l-implimentazzjoni ta’ ċerti azzjonijiet se ssir f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat tal-Ambaxxaturi tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku rrappreżentati mis-Segretarjat tal-AKP li hu involut fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet.

 

In-Netwerk ta' Esperti fir-Riforma tal-Edukazzjoni Għolja (HEREs)

Fil-Pajjiżi Sħab ikkonċernati (il-Balkani tal-Punent, il-pajjiżi tal-Mediterran tal-Lvant u tan-Nofsinhar, ir-Russja u l-Ażja Ċentrali), it-Timijiet Nazzjonali ta' Esperti fir-Riforma tal-Edukazzjoni Għolja jipprovdu grupp ta' esperti għall-awtoritajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati biex jippromwovu r-riforma u jtejbu l-progress fl-edukazzjoni għolja. Huma jieħdu sehem fl-iżvilupp tal-politiki fl-edukazzjoni għolja fil-pajjiż rispettiv tagħhom. L-attivitajiet tal-HERE huma bbażati fuq "kuntatti bejn il-pari". Kull tim nazzjonali jikkonsisti minn ħames sa ħmistax-il membru. L-HEREs huma esperti fil-qasam tal-edukazzjoni għolja (Retturi, Viċi-Retturi, Dekani, akkademiċi ta' livell għoli, uffiċjali tar-relazzjonijiet internazzjonali, studenti eċċ.).

Il-missjoni tal-HEREs tinvolvi appoġġ:

  • għall-iżvilupp tal-politika fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, billi tappoġġja l-modernizzazzjoni, il-proċessi ta' riforma u l-istrateġiji fl-edukazzjoni għolja, f'kuntatt mill-qrib mal-awtoritajiet lokali kkonċernati;
  • għad-djalogu tal-politika mal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni għolja;
  • għall-attivitajiet ta' taħriġ u ta' konsulenza mmirati lejn il-partijiet ikkonċernati lokali, b'mod partikolari l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u l-persunal tagħhom;
  • għall-proġetti Erasmus+ (b'mod partikolari dawk implimentati taħt l-Azzjoni għall-Bini ta' Kapaċità) billi xxerred ir-riżultati u l-eżiti tagħhom, b'mod partikolari prattiki tajbin u inizjattivi innovattivi u tisfruttahom għall-finijiet ta' taħriġ.

 

In-Netwerk Euroguidance

Il-Euroguidance hu netwerk Ewropew ta' riżorsi nazzjonali u ta' ċentri ta' informazzjoni. Iċ-ċentri kollha tal-Euroguidance jikkondividu żewġ miri komuni:

  • li jippromwovu d-dimensjoni Ewropea fil-gwida għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;
  • li jipprovdu informazzjoni ta' kwalità dwar il-gwida tul il-ħajja u l-mobilità għall-finijiet ta' tagħlim.

Il-grupp ewlieni fil-mira tal-Euroguidance hu l-prattikanti ta' gwida u dawk li jfasslu l-politika kemm mis-settur tal-edukazzjoni kif ukoll minn dak tal-impjiegi fil-pajjiżi Ewropej kollha.

Aktar informazzjoni hi disponibbli f'http://euroguidance.eu/.

 

Iċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass

Il-Europass jimmira li jgħin lill-individwi jippreżentaw u jiddokumentaw il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom b’mod ċar u trasparenti fl-Ewropa. Permezz ta’ din l-inizjattiva, tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn min qed ifittex xogħol u min iħaddem, kif ukoll il-mobilità għall-finijiet ta’ xogħol jew ta’ tagħlim.

F'kull pajjiż (l-Unjoni Ewropea u ż-Żona Ekonomika Ewropea kif ukoll ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija), Ċentru Nazzjonali Europass jikkoordina l-attivitajiet kollha relatati mad-dokumenti tal-Europass. Dan hu l-ewwel punt ta' kuntatt għal kull persuna jew organizzazzjoni interessata li tuża jew titgħallem aktar dwar l-Europass.

Aktar informazzjoni hi disponibbli fuq: http://europass.cedefop.europa.eu/mt/about/national-europass-centres

 

Il-Punti ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali (NCP) tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK)

L-NCPs tal-QEK jappoġġjaw lill-awtoritajiet nazzjonali biex jistabbilixxu oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki. L-attivitajiet tal-NPCs tal-QEK jimmiraw lejn dan li ġej:

  • Referenzar tas-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki mal-livelli ta' referenza Ewropej;
  • Referenzar għal-livell xieraq tal-QEK fuq iċ-ċertifikati tal-kwalifiki, diplomi u d-dokumenti Europass maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti.

Aktar informazzjoni hi disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/ploteus

 

Il-Punti ta’ Referenza Nazzjonali tan-netwerk tal-EQAVET

Il-Punti ta' Referenza Nazzjonali (NRPs) tal-EQAVET huma stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali u jġibu flimkien il-korpi rilevanti li jinvolvu s-sħab soċjali eżistenti u l-partijiet interessati kkonċernati kollha fil-livelli nazzjonali u reġjonali, biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-qafas Ewropew għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-ETV. L-NRPs tal-EQAVET għandhom l-għan li 1) jipprovdu appoġġ attiv għall-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma tal-EQAVET, 2) jieħdu inizjattivi konkreti sabiex jippromwovu l-iżvilupp ulterjuri tal-qafas tal-EQAVET fil-kuntest nazzjonali, 3) jappoġġjaw l-awtoevalwazzjoni bħala mezz komplementari u effettiv ta' assigurazzjoni tal-kwalità li jippermetti l-kejl tas-suċċess u l-identifikazzjoni ta' oqsma għat-titjib u 4) jiżguraw li l-informazzjoni tkun mgħoddija b'mod effettiv lill-partijiet ikkonċernati.

Aktar informazzjoni hi disponibbli fuq: http://www.eqavet.eu/

 

Iċ-Ċentri ta' Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku Nazzjonali (NARIC)

In-netwerk tal-NARIC jipprovdi informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ diplomi u perjodi ta’ studju magħmula f’pajjiżi Ewropej oħra kif ukoll pariri dwar diplomi akkademiċi barranin fil-pajjiż fejn in-NARIC ikun stabbilit. In-netwerk tal-NARIC jipprovdi pariri awtorevoli lil kull min jivvjaġġa barra l-pajjiż għall-finijiet ta’ xogħol jew edukazzjoni ulterjuri, iżda wkoll lill-istituzzjonijiet, l-istudenti, il-konsulenti, il-ġenituri, l-għalliema u l-impjegaturi prospettivi.

Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-attivitajiet tan-netwerk tal-NARIC permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenza bejn il-pajjiżi, l-identifikazzjoni ta’ prattiki tajbin, l-analiżi komparattiva tas-sistemi u l-politiki f’dan il-qasam, u d-diskussjoni u l-analiżi ta’ kwistjonijiet ta’ interess komuni politiku edukattiv.

Aktar informazzjoni hi disponibbli fuq: www.enic-naric.net

 

In-Netwerk tat-Timijiet Nazzjonali tal-Esperti tal-ECVET

It-Timijiet Nazzjonali ta’ Esperti tal-ECVET jipprovdu grupp ta’ esperti li jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ Sistema Ewropea ta' Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET). Dawn jippromwovu l-adozzjoni, l-applikazzjoni u l-użu tal-ECVET fil-Pajjiżi tal-Programm u jipprovdu konsulenza lill-korpi u lill-istituzzjonijiet kompetenti rilevanti tal-ETV.

Aktar informazzjoni hi disponibbli fuq:

 

Iċ-Ċentri tar-Riżorsi SALTO

Il-mira taċ-Ċentri tar-Riżorsi SALTO hija li jgħinu biex titjieb il-kwalità u l-impatt tal-proġetti ffinanzjati mill-programm Erasmus+.

ŻGĦAŻAGĦ

Fil-qasam taż-żgħażagħ, iċ-ċentri SALTO jipprovdu għarfien espert, riżorsi, informazzjoni u taħriġ f'oqsma speċifiċi għall-Agenziji Nazzjonali u atturi oħra involuti fix-xogħol taż-żgħażagħ, u jrawmu r-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u informali. Dawn jew għandhom fokus tematiku (parteċipazzjoni u informazzjoni, inklużjoni u diversità, taħriġ u kooperazzjoni) jew ġeografiku (Pajjiżi ta' Sħubija tal-Lvant u r-Russja, tan-Nofsinhar tal-Mediterran, il-Balkani tal-Punent).

Il-ħidma taċ-ċentri taż-żgħażagħ SALTO tinvolvi:

  • l-organizzazzjoni ta' korsijiet ta' taħriġ, żjarat ta' studju, forums, u attivitajiet għall-bini ta' kooperazzjoni u sħubiji;
  • l-iżvilupp u d-dokumentazzjoni ta' metodi u għodod ta' taħriġ u ħidma taż-żgħażagħ;
  • il-preżentazzjoni ta' ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ta' taħriġ Ewropej disponibbli għall-ħaddiema żgħażagħ permezz tal-Kalendarju Ewropew tat-Taħriġ;
  • il-ħruġ ta' pubblikazzjonijiet u gwidi prattiċi;
  • l-għoti ta' informazzjoni aġġornata dwar il-ħidma Ewropea taż-żgħażagħ;
  • l-għoti ta' bażi tad-dejta ta' trainers u persuni ta' riżorsi fil-qasam tal-ħidma u t-taħriġ taż-żgħażagħ;
  • il-monitoraġġ tal-akkreditazzjonijiet ta' Volontarjat tal-Erasmus+ fil-Pajjiżi Sħab ġirien tal-UE;
  • il-koordinament tal-implimentazzjoni tal-Youthpass, l-istrument li jappoġġja l-validazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim mhux formali u informali fl-attivitajiet ta' mobilità u ta' ħidma taż-żgħażagħ.

 

EDUKAZZJONI U TAĦRIĠ

Fl-oqsma tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ, iċ-ċentru SALTO joffri pjattaforma għall-attivitajiet ta' taħriġ Ewropej bil-għan li jtejjeb il-kwalità u l-impatt tal-programm Erasmus+ f'livell sistematiku. Dawn l-attivitajiet, bħal workshops, korsijiet ta' taħriġ, seminars u attivitajiet ta' bini ta' sħubija fuq it-temi ta' prijorità ta' Erasmus+, jippermettu lill-partijiet interessati sabiex, fost oħrajn, jiżviluppaw il-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tagħhom biex jaħtfu b'mod sħiħ l-opportunitajiet ta' Erasmus+, jaqsmu l-aħjar prattiki fil-pajjiżi Ewropej, isibu msieħba, jew iżidu l-impatt tal-proġetti tagħhom fil-livell Ewropew. Iċ-ċentru tal-Edukazzjoni u Taħriġ SALTO jipprovdi għarfien espert, riżorsi u informazzjoni dwar dawn l-opportunitajiet ta' taħriġ għal partijiet interessati u Aġenziji Nazzjonali fl-oqsma tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fis-siti: www.salto-youth.net u www.salto-et.net

 

L-Otlas - l-għodda biex issib sieħeb

Wieħed mill-għodod żviluppati u ospitati miċ-Ċentri tar-Riżorsi għaż-Żgħażagħ-SALTO hu l-Otlas, għodda ċentrali onlajn biex l-organizzazzjonijiet fil-qasam taż-żgħażagħ isibu sieħeb. L-organizzazzjonijiet jistgħu jirreġistraw id-dettalji ta' kuntatt tagħhom u l-oqsma ta' interess fl-Otlas, kif ukoll joħolqu talbiet għal sħab għall-ideat tal-proġetti.

Aktar informazzjoni hi disponibbli fuq: www.salto-youth.net/otlas jew www.otlas.eu

 

In-Netwerk tal-Eurodesk

In-netwerk tal-Eurodesk joffri servizzi ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ u għal dawk li jaħdmu magħhom dwar opportunitajiet Ewropej fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, u l-involviment taż-żgħażagħ f’attivitajiet Ewropej.

In-netwerk tal-Eurodesk, li ssibu fil-Pajjiżi kollha tal-Programm, u hu kkoordinat fuq il-livell Ewropew mill-Uffiċċju tal-Eurodesk Brussels-link, joffri servizzi ta’ tweġibiet għall-mistoqsijiet, informazzjoni dwar il-finanzjament, avvenimenti u pubblikazzjonijiet. Hu jikkontribwixxi wkoll għall-animazzjoni tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ.

Il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ joffri informazzjoni u opportunitajiet Ewropej u nazzjonali li huma ta' interess għaż-żgħażagħ li qed jgħixu, jitgħallmu u jaħdmu fl-Ewropa. Jipprovdi informazzjoni dwar tmien temi prinċipali, ikopri 33 pajjiż u hu disponibbli b'27 lingwa.

Biex taċċessa l-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, mur: http://europa.eu/youth/splash_en. Għal aktar informazzjoni dwar l-Eurodesk, mur: http://www.eurodesk.eu

 

  • 1. Din id-denominazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala għarfien tal-Istat tal-Palestina u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni.