Werrej
Fittex fil-gwida

Min jista’ jieħu sehem fil-programm erasmus+?

L-individwi - studenti, persuni f’taħriġ, apprendisti, studenti tfal, studenti adulti, żgħażagħ, voluntiera, professuri, għalliema, ħarrieġa, dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, professjonisti ta’ organizzazzjonijiet attivi fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ jikkostitwixxu l-popolazzjoni ewlenija fil-mira tal-Programm.

Madankollu, il-Programm jilħaq lil dawn l-individwi permezz ta’ organizzazzjonijiet, istituzzjonijiet, korpi jew gruppi li jorganizzaw dawn l-attivitajiet. Għalhekk, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-Programm jirrigwardaw dawn iż-żewġ atturi: il-“parteċipanti” (individwi li jieħdu sehem fil-Programm) u l-“organizzazzjonijiet parteċipanti” (inklużi gruppi ta’ mill-inqas erba’ żgħażagħ attivi fil-ħidma maż-żgħażagħ iżda mhux neċessarjament fil-kuntest ta’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, imsejħa wkoll gruppi informali taż-żgħażagħ). Kemm għall-parteċipanti kif ukoll għall-organizzazzjonijiet parteċipanti, il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni jiddependu fuq il-pajjiż li jkunu bbażati fih.