Werrej
Fittex fil-gwida

Kif inhi l-istruttura tal-programm erasmus+?

Sabiex jikseb l-għanijiet tiegħu, il-Programm Erasmus+ jimplimenta l-azzjonijiet li ġejjin:

Azzjoni ewlenija 1 - mobilità tal-individwi

Din l-Azzjoni Ewlenija tappoġġja:

  • Il-mobilità tal-istudenti u tal-persunal: opportunitajiet għal studenti, apprendisti u żgħażagħ, kif ukoll għal professuri, għalliema, ħarrieġa, dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, persunal ta' istituzzjonijiet edukattivi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex iwettqu esperjenza ta' tagħlim u/jew esperjenza professjonali fi Stat Membru ieħor;
  • Lawrji Master Konġunti tal-Erasmus Mundus: programmi ta' studju ta' livell għoli integrati u internazzjonali mogħtija minn konsorzji ta' istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja li jagħtu boroż ta' studju ta' lawrja sħiħa lill-aqwa studenti fil-livell ta' master fid-dinja;
  • Self għal Master tal-Erasmus+: l-istudenti ta' edukazzjoni għolja minn Pajjiżi tal-Programm jistgħu japplikaw għal self appoġġjat mill-Programm biex isiefru għal Lawrja Master sħiħa. L-istudenti għandhom jindirizzaw lil banek nazzjonali jew aġenziji tas-self lill-istudenti li jkunu qed jipparteċipaw fl-iskema.

Azzjoni ewlenija 2 - kooperazzjoni għal innovazzjoni u l-iskambju ta' prattiki tajba

Din l-Azzjoni Ewlenija tappoġġja:

  • Sħubijiet Strateġiċi transnazzjonali mmirati biex jiżviluppaw inizjattivi li jindirizzaw qasam wieħed jew aktar ta' taħriġ fl-edukazzjoni u ż-żgħażagħ u jippromwovu l-innovazzjoni, l-iskambju ta' esperjenzi u l-għarfien bejn tipi ta' organizzazzjonijiet differenti involuti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ jew f'oqsma rilevanti oħrajn. Ċerti attivitajiet ta' mobilità huma appoġġjati diment li jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-proġett;
  • Alleanzi tal-Għarfien bejn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u intrapriżi bl-għan li jrawmu l-innovazzjoni, l-intraprenditorija, il-kreattività, l-impjegabbiltà, l-iskambju ta' għarfien u/jew it-tagħlim multidixxiplinarju;
  • Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali li jappoġġjaw it-tfassil u l-għoti ta' kurrikuli konġunti ta' taħriġ vokazzjonali, il-programmi u l-metodoloġiji ta' tagħlim u taħriġ, billi jibbażaw fuq evidenza tax-xejriet fis-settur ekonomiku speċifiku u l-ħiliet meħtieġa biex jitwettqu f'qasam professjonali wieħed jew aktar minn wieħed;
  • Proġetti ta'Bini ta' Kapaċità li jappoġġjaw il-kooperazzjoni ma' Pajjiżi Sħab fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja u ż-żgħażagħ. Il-proġetti ta' Bini ta' Kapaċità għandhom l-għan li jappoġġjaw organizzazzjonijiet/istituzzjonijiet u sistemi fil-proċess ta' modernizzazzjoni u internazzjonalizzazzjoni tagħhom. Ċerti tipi ta' proġetti ta' bini ta' kapaċità jappoġġjaw attivitajiet ta' mobilità diment li jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-proġett;
  • Pjattaformi tal-appoġġ għall-IT, bħal eTwinning, il-Portal tal-Edukazzjoni Skolastika, il-Pjattaforma Ewropea għat-Tagħlim tal-Adulti (EPALE) u l-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, li joffru spazji ta' kollaborazzjoni virtwali, databases ta' opportunitajiet, komunitajiet ta' prattika u servizzi online oħrajn għall-għalliema, il-ħarrieġa u l-prattikanti fil-qasam tal-iskola u l-edukazzjoni tal-adulti kif ukoll għaż-żgħażagħ, il-voluntiera u dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ fl-Ewropa u lil hinn minnha.Barra minn hekk, sa mill-2018, l-inizjattiva L-Iskambju Virtwali Erasmus+ toffri esperjenzi ta' tagħlim interkulturali bejn żgħażagħ f'pajjiżi fl-Ewropa u fin-Nofsinhar tal-Mediterran.

Azzjoni ewlenija 3 - appoġġ għal riforma politika

Din l-Azzjoni Ewlenija tappoġġja:

  • Għarfien fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ għal tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza u l-monitoraġġ, b'mod partikolari:
  • analiżi speċifika skont il-pajjiż u tematika, inkluż permezz ta' kooperazzjoni ma' netwerks akkademiċi;
  • tagħlim bejn pari u evalwazzjonijiet bejn il-pari permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni fl-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ.
  • Inizjattivi għal innovazzjoni politika biex jistimolaw żvilupp ta' politika innovattiva fost il-partijiet interessati u sabiex jippermettu lill-awtoritajiet pubbliċi ħalli jippruvaw l-effettività tal-politiki innovattivi permezz ta' provi fuq il-post ibbażati fuq metodoloġiji ta' evalwazzjoni sodi;
  • Appoġġ għall-għodod politiċi Ewropej biex jitħaffu t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki, kif ukoll it-trasferiment ta' krediti, biex titrawwem l-assigurazzjoni tal-kwalità, tiġi appoġġjata l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, il-ġestjoni tal-ħiliet u gwida. Din l-Azzjoni tinkludi wkoll appoġġ għan-netwerks li jiffaċilitaw l-iskambji trans-Ewropej, il-mobilità għat-tagħlim u x-xogħol taċ-ċittadini kif ukoll l-iżvilupp ta' perkorsi ta' tagħlim flessibbli bejn oqsma differenti ta' edukazzjoni, taħriġ u żgħażagħ;
  • Kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali b'kompetenza rikonoxxuta ħafna u kapaċità analitika (bħall-OECD u l-Kunsill tal-Ewropa), biex isaħħu l-impatt u l-valur miżjud tal-politiki fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ;
  • Djalogu tal-partijiet ikkonċernati, politika u promozzjoni tal-Programm li jinvolvu awtoritajiet pubbliċi, fornituri u partijiet interessati fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ biex titqajjem kuxjenza dwar l-aġendi politiċi Ewropej, b'mod partikolari l-Ewropa 2020, l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020, l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, kif ukoll id-dimensjoni esterna tal-politiki Ewropej tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ. Dawn l-attivitajiet huma essenzjali għall-iżvilupp tal-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-politika b'mod attiv billi jistimulaw l-isfruttament tar-riżultati tal-Programm u jiġġeneraw impatt li jinħass.

Attivitajiet jean monnet

L-Attivitajiet Jean Monnet se jappoġġjaw:

  • Moduli Akkademiċi, Katedri, Ċentri ta’ Eċċellenza biex japprofondixxu t-tagħlim fl-istudji dwar l-integrazzjoni Ewropea inkorporati f’kurrikulu uffiċjali ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja, kif ukoll biex iwettqu, jimmonitorjaw u jissorveljaw ir-riċerka dwar il-kontenut tal-UE, kif ukoll għal livelli edukattivi oħrajn bħal taħriġ għall-għalliema u edukazzjoni obbligatorja. Dawn l-Azzjonijiet huma maħsuba wkoll biex jipprovdu tagħlim fil-fond dwar kwistjonijiet ta’ integrazzjoni Ewropej għal professjonisti futuri f’oqsma li qed tiżdied id-domanda għalihom fis-suq tax-xogħol, u fl-istess ħin jimmiraw li jħeġġu, jipprovdu konsulenza u mentoraġġ lill-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ għalliema u riċerkaturi fl-oqsma tas-suġġetti dwar l-integrazzjoni Ewropea;
  • Dibattitu tal-politika mad-dinja akkademika, appoġġat permezz ta’: a) Netwerksli jsaħħu l-kooperazzjoni bejn universitajiet differenti madwar l-Ewropa u madwar id-dinja, irawmu l-kooperazzjoni u joħolqu pjattaforma għolja ta’ skambju ta’ għarfien ma’ atturi pubbliċi u s-servizzi tal-Kummissjoni dwar suġġetti rilevanti ħafna tal-UE; b) Proġetti għall-innovazzjoni u l-fertilizzazzjoni inkroċjata u t-tixrid tal-kontenut tal-UE bl-għan li jippromwovu diskussjoni, riflessjoni dwar kwistjonijiet tal-UE u biex isaħħu l-għarfien dwar l-UE u l-proċessi tagħha;
  • Appoġġ lill-assoċjazzjonijiet, biex jorganizzaw u jwettqu attivitajiet statutorji ta’ assoċjazzjonijiet li jindirizzaw studji tal-UE u kwistjonijiet tal-UE, u biex jippubbliċizzaw fatti tal-UE fost pubbliku usa’ li jsaħħu ċ-ċittadinanza Ewropea attiva.

L-Attivitajiet Jean Monnet jipprovdu wkoll għotjiet operattivi lill-istituzzjonijiet innominati li jsegwu għan ta’ interess Ewropew u jorganizzaw Studji u konferenzi bl-iskop li jipprovdu lil dawk li jfasslu l-politika b’intuwizzjonijiet ġodda u suġġerimenti konkreti.

Sport

L-azzjonijiet fil-qasam tal-isport se jappoġġjaw:

  • Sħubijiet Kollaborattivi, immirati lejn il-promozzjoni tal-integrità tal-Isport (anti-doping, il-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob, il-protezzjoni tal-minuri), l-appoġġ għal approċċi innovattivi sabiex jiġu implimentati prinċipji tal-UE dwar governanza tajba fl-isport, l-istrateġiji tal-UE fil-qasam tal-inklużjoni soċjali u l-opportunitajiet indaqs, it-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni fl-isport u l-attività fiżika (l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Attività Fiżika tal-UE, il-volontarjat, l-impjiegi fl-isport kif ukoll l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-isport), u appoġġ għall-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-UE fuq karrieri doppji għall-atleti. Dawn is-sħubijiet jinkludu wkoll Sħubijiiet Kollaborattivi Żgħar, immirati biex jinkoraġġixxu l-inklużjoni soċjali u l-opportunitajiet indaqs fl-isport, jippromwovu l-isports u l-logħob tradizzjonali Ewropej, jappoġġjaw il-mobilità tal-voluntiera, il-coaches, il-maniġers u l-persunal ta’ organizzazzjonijiet sportivi mingħajr skop ta’ qligħ u jipproteġu l-atleti, speċjalment l-iżgħar fosthom, minn perikli għas-saħħa u s-sigurtà permezz tat-titjib tal-kundizzjonijiet tat-taħriġ u tal-kompetizzjoni.
  • Avvenimenti sportivi Ewropej mingħajr skop ta’ qligħ, li jagħtu organizzazzjonijiet individwali responsabbli mit-tħejjija, l-organizzazzjoni u s-segwitu ta’ avveniment partikolari. L-attivitajiet involuti se jinkludu l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ taħriġ għall-atleti u l-voluntiera fit-tħejjija għall-avveniment, iċ-ċerimonji tal-ftuħ u tal-għeluq, il-kompetizzjonijiet, l-attivitajiet sekondarji tal-avveniment sportiv (konferenzi, seminars), kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ legat, bħal evalwazzjonijiet jew attivitajiet ta’ follow-up;
  • Tisħiħ tal-bażi ta’ evidenza għat-tfassil tal-politika permezz ta’ studji; ġbir ta’ dejta, stħarriġijiet; netwerks; konferenzi u seminars li jxerrdu prattiki tajba minn Pajjiżi tal-Programm u organizzazzjonijiet sportivi u jsaħħu n-networks fil-livell tal-UE sabiex il-membri nazzjonali ta’ dawk in-netwerks jibbenefikaw minn sinerġiji u skambji mas-sħab tagħhom;
  • Djalogu mal-partijiet interessati Ewropej rilevanti, li huwa prinċipalment il-Forum annwali tal-Isport tal-UE u appoġġ għal avvenimenti ta’ Presidenza tal-Isport organizzati mill-Istati Membri tal-UE li jkollhom il-Presidenza tal-UE. Laqgħat u seminars oħrajn ad hoc rilevanti biex jiżguraw l-aqwa djalogu mal-partijiet interessati fl-isport jistgħu jiġu organizzati wkoll kif xieraq.