Werrej
Fittex fil-gwida

Karatteristiċi importanti tal-Programm Erasmus+

Il-karatteristiċi li ġejjin tal-Programm jixirqilhom attenzjoni speċjali. Uħud minnhom huma ppreżentati f'aktar dettall fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

Rikonoxximent u validazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki

Erasmus+ jappoġġja għodod ta' trasparenza u rikonoxximent tal-UE għall-ħiliet u l-kwalifiki - b'mod partikulari l-Europass, il-Youthpass, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK), is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Kredits (ECTS), is-Sistema Ewropea ta' Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET), il-Qafas Ewropew ta' Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità (EQAVET), ir-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (EQAR) l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (ENQA) – kif ukoll netwerks fl-UE kollha fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jappoġġjaw dawn l-għodod, b'mod partikulari ċ-Ċentru ta' Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku Nazzjonali (NARIC), in-netwerks Euroguidance, iċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass u l-Punti ta' Koordinazzjoni Nazzjonali tal-QEK.

Skop komuni ta' dawn l-għodod hu li jiżguraw li l-ħiliet u l-kwalifiki jkunu jistgħu jiġu rikonoxxuti aktar faċilment u jiġu mifhumin aħjar, fi ħdan u bejn il-fruntieri nazzjonali, fis-sottosistemi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll fis-suq tax-xogħol, irrispettivament minn jekk dawn ġewx akkwistati permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali jew permezz ta' esperjenzi ta' tagħlim oħrajn (eż. esperjenza ta' xogħol; volontarjat, tagħlim online). L-għodod jimmiraw ukoll biex jiġi żgurat li politiki tal-edukazzjoni, it-taħriġ u taż-żgħażagħ jikkontribwixxu aktar biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u l-miri ewlenin tagħha tal-edukazzjoni u l-impjiegi permezz ta' integrazzjoni aħjar tas-suq tax-xogħol u l-mobilità.

Sabiex jissodisfaw dawn l-objettivi, l-għodod disponibbli għandhom ikunu jistgħu jipprovdu għal fenomeni ġodda bħall-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni u l-użu dejjem jikber tat-tagħlim diġitali, u jappoġġjaw il-ħolqien ta' perkorsi ta' tagħlim flessibbli skont il-ħtiġijiet u l-objettivi tal-istudenti. L-għodod jistgħu jkunu jeħtieġu wkoll li jevolvu fil-futur u jwasslu għal koerenza u simplifikazzjoni mtejba li jippermettu lill-istudenti u lill-ħaddiema li jispostjaw ruħhom liberament għal tagħlim jew xogħol.

Aktar informazzjoni hi disponibbli fuq:
http://ec.europa.eu/education/policy/strategic-framework/skills-qualifications_mt.htm

Tixrid u sfruttament tar-riżultati tal-proġett

It-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati huma oqsma kruċjali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett Erasmus+. Dawn jagħtu lill-organizzazzjonijiet parteċipanti l-opportunità li jikkomunikaw u jaqsmu l-eżiti u r-riżultati tanġibbli, u b'hekk jifirxu l-impatt tal-proġetti tagħhom, itejbu s-sostenibbiltà tagħhom u jiġġustifikaw il-valur miżjud Ewropew ta' Erasmus+. Sabiex ixxerrdu u jisfruttaw ir-riżultati tal-proġett b'suċċess, l-organizzazzjonijiet involuti fil-proġetti Erasmus+ huma mitluba jaħsbu fl-attivitajiet ta' tixrid u sfruttament meta jfasslu u jimplimentaw il-proġett tagħhom. Il-livell u l-intensità ta' dawn l-attivitajiet għandhom ikunu proporzjonali għall-objettivi, l-ambitu u l-miri tal-Azzjonijiet differenti ta' Erasmus+.

Ir-riżultati miksuba fi proġett partikulari jistgħu jkunu rilevanti ħafna u interessanti wkoll f'oqsma mhux koperti mill-proġett u hu f'idejn il-proġetti individwali li jiżviluppaw strateġiji u metodi biex jiżguraw li l-oħrajn ikunu jistgħu jaċċessaw faċilment dak li ġie żviluppat u prodott. Linji gwida speċifiċi f'dan ir-rigward huma disponibbli fl-Anness II ta' din il-Gwida tal-Programm.

Rekwiżit ta' Aċċess Miftuħ ta' Erasmus+ għall-Materjali Edukattivi

Erasmus+ jippromwovi l-aċċess miftuħ tal-outputs tal-proġetti biex jappoġġja t-tagħlim, l-għoti tat-tagħlim, it-taħriġ, u l-ħidma fost iż-żgħażagħ. B'mod partikulari, il-benefiċjarji ta' Erasmus+ huma impenjati li jagħmlu kwalunkwe riżorsa jew għodda edukattiva li jiġu prodotti fil-kuntest tal-proġetti appoġġjati mill-Programm - dokumenti, media, software jew materjali oħrajn disponibbli mingħajr ħlas għall-pubbliku taħt liċenzja miftuħa. Il-materjali għandhom ikunu aċċessibbli u misjubin b'mod faċli mingħajr ħlas jew limitazzjonijiet, u l-liċenzja miftuħa għandha tippermetti lill-pubbliku juża, juża mill-ġdid, jadatta u jiskambja r-riżorsa. Tali materjali huma magħrufin bħala "Riżorsi Edukattivi Miftuħa" (OER). Biex jintlaħaq dan il-għan, ir-riżorsi għandhom jiġu applowdjati b'forma diġitali li tista' tiġi editjata, fuq pjattaforma xierqa u aċċessibbli b'mod miftuħ. Filwaqt li Erasmus+ jinkuraġġixxi l-benefiċjarji biex japplikaw il-liċenzji l-aktar miftuħa,1 il-benefiċjarji jistgħu jagħżlu liċenzji li jimponu xi ftit tal-limitazzjonijiet, eż. jirrestringu l-użu kummerċjali minn oħrajn, jew jimpenjaw lill-oħrajn li japplikaw l-istess liċenzja fuq xogħlijiet derivattivi, jekk dan hu xieraq għan-natura tal-proġett u għat-tip ta' materjal, u jekk xorta waħda jħallu lill-pubbliku juża, juża mill-ġdid, jadatta u jiskambja r-riżorsa. Ir-rekwiżit tal-aċċess miftuħ hu obbligatorju u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-benefiċjarji tal-għotja.

Aċċess Miftuħ għar-Riċerka u għad-Dejta ta' Erasmus+

Erasmus+ iħeġġeġ lill-benefiċjarji biex jippubblikaw l-output tar-riċerka permezz ta' mogħdijiet ta' aċċess miftuħ, jiġifieri b'modi li huma mingħajr ħlas jew restrizzjonijiet oħrajn ta' aċċess. Il-benefiċjarji huma wkoll imħeġġin japplikaw liċenzji miftuħin għal dan l-output tar-riċerka. Kull meta possibbli, id-dejta miġbura mill-proġetti għandha tkun ippubblikata bħala "dejta miftuħa", jiġifieri b'liċenzja miftuħa, f'format xieraq u fuq pjattaforma xierqa ta' dejta miftuħa.

Dimensjoni internazzjonali

Erasmus+ jinkludi dimensjoni internazzjonali b'saħħitha (jiġifieri l-kooperazzjoni mal-Pajjiżi Sħab) notevolment fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja u ż-żgħażagħ.

Fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, Erasmus+ jappoġġja l-Azzjonijiet ewlenin li ġejjin li jimmiraw lejn il-kooperazzjoni mal-Pajjiżi Sħab:

  • Mobilità internazzjonali tal-kredits tal-individwi u Lawrji tal-Master Konġunti ta' Erasmus Mundus (taħt l-Azzjoni Ewlenija 1) li tippromwovi l-mobilità tal-istudenti u tal-persunal minn u lejn il-Pajjiżi Sħab;
  • Proġetti ta' bini ta' kapaċità fl-edukazzjoni għolja (taħt l-Azzjoni Ewlenija 2) li jippromwovu l-kooperazzjoni u s-sħubijiet li għandhom impatt fuq il-modernizzazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet u s-sistemi tal-edukazzjoni għolja fil-Pajjiżi Sħab, b'enfasi speċjali fuq il-Pajjiżi Sħab ġirien tal-UE;
  • Appoġġ għad-djalogu tal-politika (taħt l-Azzjoni Ewlenija 3) permezz tan-netwerk tal-Esperti tar-Riforma tal-Edukazzjoni Għolja fil-Pajjiżi Sħab ġirien tal-UE, l-assoċjazzjoni tal-alunni internazzjonali, id-djalogu tal-politika mal-Pajjiżi Sħab u l-avvenimenti internazzjonali ta' attraenza u promozzjoni;
  • Attivitajiet ta' Jean Monnet bl-għan li jistimulaw l-għoti tat-tagħlim, riċerka u riflessjoni fil-qasam tal-istudji tal-Unjoni Ewropea madwar id-dinja.

Fil-qasam taż-żgħażagħ, Erasmus+ jappoġġja l-Azzjonijiet ewlenin li ġejjin:

  • Mobilità għaż-żgħażagħ u għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ (taħt l-Azzjoni Ewlenija 1) li tippromwovi Skambji ta' Żgħażagħ u mobilità tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ f'kooperazzjoni mal-Pajjiżi Sħab ġirien tal-UE;
  • Proġetti ta' bini ta' kapaċità fil-qasam taż-żgħażagħ (taħt l-Azzjoni Ewlenija 2) li jippromwovu attivitajiet ta' kooperazzjoni u mobilità li għandhom impatt pożittiv fuq l-iżvilupp kwalitattiv tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, il-politiki fil-qasam taż-żgħażagħ u s-sistemi taż-żgħażagħ kif ukoll fuq ir-rikonoxximent ta' edukazzjoni mhux formali fil-Pajjiżi Sħab, notevolment fil-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), Ażjatiċi u Latin-Amerikani;
  • Involviment ta' żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ mill-Pajjiżi Sħab ġirien tal-UE fi Proġetti ta' Djalogu maż-Żgħażagħ (taħt l-Azzjoni Ewlenija 3) permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f'laqgħat, konferenzi u avvenimenti internazzjonali li jippromwovu d-djalogu bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

Barra minn hekk, Azzjonijiet oħra tal-Programm (Sħubijiet Strateġiċi, Alleanzi tal-Għarfien, Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali, Sħubijiet Kollaborattivi) huma miftuħa wkoll għall-organizzazzjonijiet minn Pajjiżi Sħab diment li l-parteċipazzjoni tagħhom iġġib magħha valur miżjud għall-proġett (għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti B ta' din il-Gwida).

Multilingwiżmu

Il-multilingwiżmu hu wieħed mill-pedamenti tal-proġett Ewropew u simbolu qawwi tal-aspirazzjoni tal-UE li tkun magħquda fid-diversità. Il-lingwi barranin għandhom rwol prominenti fost il-ħiliet li se jgħinu jħejju lin-nies aħjar għas-suq tax-xogħol u jagħmlu l-aħjar li jistgħu mill-opportunitajiet disponibbli. L-UE stabbilixxiet l-objettiv li kull ċittadin għandu jkollu l-opportunità li jitgħallem tal-anqas żewġ lingwi barranin, minn età bikrija.

Il-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika hi waħda mill-objettivi speċifiċi tal-Programm. In-nuqqas ta' kompetenzi lingwistiċi hu wieħed mill-ostakli ewlenin għall-parteċipazzjoni fil-programmi Ewropej tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ. L-opportunitajiet fis-seħħ biex joffru appoġġ lingwistiku huma mmirati biex jagħmlu l-mobilità aktar effiċjenti u effettiva, itejbu l-prestazzjoni tat-tagħlim u għalhekk jikkontribwixxu għall-objettiv speċifiku tal-Programm.

Tingħata għajnuna lingwistika għal-lingwa użata mill-parteċipanti biex jistudjaw jew iwettqu traineeship barra l-pajjiż fil-qafas tal-attivitajiet ta' mobilità fit-tul appoġġjati mill-Azzjoni Ewlenija 1. L-appoġġ lingwistiku se jiġi offrut prinċipalment permezz tal-Appoġġ Lingwistiku Online ta' Erasmus+, peress li t-tagħlim elettroniku joffri vantaġġi għat-tagħlim tal-lingwi f'termini ta' aċċess u flessibbiltà. L-Appoġġ Lingwistiku Online ta' Erasmus+ (http://erasmusplusols.eu) jinkludi valutazzjoni obbligatorja tal-kompetenzi lingwistiċi u korsijiet lingwistiċi volontarji. Il-valutazzjoni tal-lingwa hi aspett kruċjali tal-inizjattiva sabiex issir il-preparazzjoni korretta għal kull parteċipant u tinġabar evidenza dwar il-ħiliet lingwistiċi tal-parteċipanti ta' mobilità tal-UE. Għalhekk, għandha ssir valutazzjoni tal-lingwa mill-parteċipanti qabel il-mobilità u ssir valutazzjoni oħra fl-aħħar tal-perjodu ta' mobilità biex jiġi ssorveljat il-progress fil-kompetenzi lingwistiċi. Ir-riżultati tat-test tal-valutazzjoni tal-lingwa mwettqa mill-parteċipanti qabel it-tluq tagħhom ma għandhomx jeskluduhom milli jieħdu sehem fl-attività ta' mobilità, ikun x'ikun ir-riżultat. Il-valutazzjoni tal-lingwa online għalhekk ma għandhiex tintuża biex jintgħażlu parteċipanti tal-mobilità Erasmus +, iżda biex tipprovdilhom opportunità biex tingħata spinta lil-livell tagħhom fejn meħtieġ. Il-forniment ta' appoġġ lingwistiku għandu jkun ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-istituzzjonijiet li jibagħtu u dawk li jilqgħu: hi r-responsabbiltà tal-istituzzjoni li tibgħat li tipprovdi lill-parteċipanti bl-aktar appoġġ lingwistiku xieraq, biex jiġi żgurat li dawn jilħqu l-livell irrakkomandat miftiehem mal-istituzzjoni li tilqa' mill-bidu tal-mobilità.

Qabel ma tkun tista' tiġi żviluppata l-kapaċità tal-għodod online biex ikopru l-lingwi kollha, se jingħata finanzjament lill-benefiċjarji ta' proġetti ta' mobilità bil-ħsieb li jiġi pprovdut appoġġ lingwistiku fil-lingwi li mhumiex disponibbli permezz tas-servizz online offrut mill-Kummissjoni.

Bl-Azzjoni Ewlenija 2, se jitħeġġu Sħubijiet Strateġiċi fil-qasam tal-għoti tat-tagħlim u tat-tagħlim tal-lingwi. L-innovazzjoni u l-prattiki tajba bl-għan li jippromwovu ħiliet lingwistiċi jistgħu jinkludu pereżempju l-għoti tat-tagħlim u l-metodi ta' valutazzjoni, l-iżvilupp ta' materjal pedagoġiku, riċerka, tagħlim tal-lingwi bl-assistenza ta' kompjuter u impriżi intraprenditorjali permezz ta' lingwi barranin. Barra minn hekk, il-finanzjament għall-appoġġ lingwistiku jista' jiġi pprovdut meta jkun meħtieġ lill-benefiċjarji ta' Sħubijiet Strateġiċi li jorganizzaw attivitajiet ta' taħriġ u ta' għoti tat-tagħlim fit-tul għall-persunal, il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-istudenti.

Rigward il-premjijiet tat-Tikketta Ewropea għal-Lingwi (ELL), l-Aġenziji Nazzjonali huma mħeġġa jorganizzaw - fuq bażi volontarja - kompetizzjonijiet nazzjonali regolari (annwali jew biennali) fil-Pajjiżi tal-Programm. Il-premju ELL għandu jservi ta' stimolu biex ir-riżultati ta' eċċellenza fil-multilingwiżmu jiġu sfruttati u jixxerrdu, u biex jippromwovi l-interess pubbliku fit-tagħlim tal-lingwi.

Taħt l-Azzjoni Ewlenija 3, u biex jappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex jintegraw lir-refuġjati fis-sistemi edukattivi u ta' taħriġ Ewropej, l-Appoġġ Lingwistiku Online (OLS) ta' Erasmus+ ipprovdut lill-parteċipanti ta' Erasmus+ hu estiż għall-benefiċċju ta' madwar 100,000 refuġjat taħt is-Sejħiet tal-2016, 2017, 2018 u 2019 u sakemm jintefaq il-baġit disponibbli mingħajr ħlas għalihom.

Il-parteċipazzjoni tal-Aġenziji Nazzjonali ta' Erasmus+ u tal-istituzzjonijiet/l-organizzazzjonijiet benefiċjarji hi kompletament volontarja. Taħt din is-Sejħa, il-benefiċjarji tal-programm Erasmus+ li jixtiequ jieħdu sehem jirċievu numru ta' liċenzji għall-OLS addizzjonali li għandhom jiġu allokati speċifikament għal refuġjati li beħsiebhom jitgħallmu waħda mil-lingwi disponibbli fl-OLS. L-istituzzjonijiet/l-organizzazzjonijiet benefiċjarji se jkunu responsabbli għall-allokazzjoni tal-liċenzji għar-refuġjati u għar-rappurtar dwar l-użu ta' dawn il-liċenzji.

Ekwità u Inklużjoni

Il-Programm Erasmus+ jimmira li jippromwovi l-ekwità u l-inklużjoni billi jiffaċilita l-aċċess għal parteċipanti minn sfond żvantaġġjat u anqas opportunitajiet meta mqabbla ma' sħabhom kull darba li l-iżvantaġġ jillimita jew jipprevjeni l-parteċipazzjoni f'attivitajiet transnazzjonali għar-raġunijiet bħal:

  • diżabilità (jiġifieri parteċipanti bi bżonnijiet speċjali): persuni b'diżabilità mentali (intellettwali, kognittiva, ta' tagħlim), fiżika, sensorjali jew oħrajn;
  • diffikultajiet edukattivi: żgħażagħ b'diffikultajiet biex jitgħallmu; persuni li jabbandunaw l-iskola qabel iż-żmien; adulti bi kwalifiki baxxi; żgħażagħ bi prestazzjoni batuta fl-iskola;
  • ostakli ekonomiċi: persuni b'livell ta' għajxien baxx, dħul baxx, dipendenza fuq sistema tal-benefiċċji soċjali jew persuni mingħajr dar; żgħażagħ qiegħda fit-tul jew foqra; persuni bid-dejn jew bi problemi finanzjarji;
  • differenzi kulturali; immigranti jew refuġjati jew dixxendenti minn familji ta' immigranti jew refuġjati; persuni li jappartjenu għal minoranza nazzjonali jew etnika; persuni b'diffikultajiet ta' adattament lingwistiku u ta' inklużjoni kulturali;
  • problemi tas-saħħa: persuni bi problemi kroniċi tas-saħħa, mard serju jew kundizzjonijiet psikjatriċi;
  • ostakli soċjali: persuni li jaffaċċjaw diskriminazzjoni minħabba s-sess, l-età, l-etniċità, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali, diżabilità, eċċ; nies b'ħiliet soċjali limitati jew imġiba antisoċjali jew riskjuża; persuni f'sitwazzjoni prekarja; (eks) delinkwenti, (eks) drogati jew alkoħoliċi; ġenituri żgħażagħ u/jew waħedhom; orfni;
  • ostakli ġeografiċi: persuni minn żoni remoti jew rurali; persuni li jgħixu fi gżejjer żgħar jew f'reġjuni periferali; persuni minn żoni urbani problematiċi; persuni minn żoni li għandhom anqas servizzi (trasport pubbliku limitat, faċilitajiet batuti).

Fil-qasam taż-żgħażagħ, ġiet imfassla Strateġija ta' Inklużjoni u Diversità bħala qafas komuni biex tappoġġja l-parteċipazzjoni u l-inklużjoni taż-żgħażagħ b'anqas opportunitajiet f'Erasmus+. L-Istrateġija hi disponibbli fuq is-sit web2 tal-Kummissjoni Ewropea.

Ħarsien u sikurezza tal-parteċipanti

Il-ħarsien u s-sikurezza tal-parteċipanti involuti fil-proġetti Erasmus+ huma prinċipji importanti tal-Programm. Il-persuni parteċipanti kollha fil-Programm Erasmus+ għandu jkollhom l-opportunità li jieħdu vantaġġ sħiħ mill-possibbiltajiet għall-iżvilupp u t-tagħlim personali u professjonali. Dan għandu jiġi iggarntit biss f'ambjent sigur li jirrispetta u jipproteġi d-drittijiet tal-persuni kollha.

Għal dan l-għan, kull organizzazzjoni parteċipanti fil-Programm Erasmus+ għandu jkollha fis-seħħ proċeduri u arranġamenti effettivi li jippromwovu u jiggarantixxu s-sikurezza u l-protezzjoni tal-parteċipanti fl-attività tagħhom. F'dan ir-rigward, l-istudenti, it-trainees, l-apprendisti, it-tfal tal-iskola, l-istudenti adulti, iż-żgħażagħ, il-persunal u l-voluntieri, involuti f'attività ta' mobilità li taqa' taħt l-Azzjonijiet Ewlenin kollha tal-Programm Erasmus+, għandhom ikunu assigurati kontra r-riskji marbuta mal-parteċipazzjoni tagħhom f'dawn l-attivitajiet. Minbarra attivitajiet ta' volontarjat li jipprevedu politika ta' assigurazzjoni speċifika, il-Programm Erasmus+ ma jiddefinixxix format uniku ta' assigurazzjoni, u lanqas ma jirrakkomanda kumpaniji ta' assigurazzjoni speċifiċi. Il-Programm iħalli f'idejn l-organizzaturi tal-proġett biex ifittxu l-aktar polza tal-assigurazzjoni adattata skont it-tip ta' proġett imwettaq u l-formati ta' assigurazzjoni disponibbli fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, ma hemmx bżonn li l-parteċipanti jissottoskrivu għal assigurazzjoni speċifika għal proġett, jekk diġà jkunu koperti minn poloz tal-assigurazzjoni eżistenti tal-organizzaturi tal-proġett.

Fi kwalunkwe każ, l-oqsma li ġejjin għandhom ikunu koperti:

  • fejn ikun rilevanti, assigurazzjoni tal-ivvjaġġar (inkluż dannu jew telf ta' bagalji);
  • responsabbiltà ta' parti terza (inkluż, fejn xieraq, indennizz professjonali jew assigurazzjoni għal responsabbiltà);
  • aċċident u mard serju (inkluża l-inkapaċità permanenti jew temporanja);
  • mewt (inkluż ripatrijazzjoni fil-każ ta' proġetti mwettqa barra mill-pajjiż).

Jekk ikun applikabbli, hu rakkomandat bis-sħiħ li l-parteċipanti f'attivitajiet transnazzjonali jkunu fil-pussess ta' Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea. Din hi kard b'xejn li tagħti aċċess għal kura tas-saħħa neċessarja medikament u pprovduta mill-Istat matul soġġorn temporanju fi kwalunkwe wieħed mit-27 pajjiż tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, bl-istess kundizzjonijiet u bl-istess spiża (mingħajr ħlas f'xi pajjiżi) bħala dawk għal nies assigurati f'dak il-pajjiż. Aktar informazzjoni dwar il-kard u dwar kif takkwistaha hi disponibbli fuq http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=559.

Fl-aħħar nett, jekk il-proġetti jinvolvu żgħażagħ taħt it-18-il sena, l-organizzazzjonijiet parteċipanti huma meħtieġa jiksbu awtorizzazzjoni minn qabel ta' parteċipazzjoni mill-ġenituri tagħhom jew mingħand dawk li jaġixxu f'isimhom.

  • 1. Eż. il-liċenzji tal-Creative Commons Attribution jew tal-Creative Commons Attribution-Share Alike għax-xogħlijiet kreattivi, il-GNU Public License u l-GNU Lesser Public License għas-softwer, jew l-Open Database Licencse għall-bażijiet tad-dejta.
  • 2. L-istrateġija ta' Erasmus+ għall-Inklużjoni u d-Diversità fil-qasam taż-żgħażagħ: http://ec.europa.eu/youth/library/reports/inclusion-diversity-strategy_mt.pdf