Werrej
Fittex fil-gwida

Anness III – Glossarju tat-termini

Persuna li takkumpanja

bħala definizzjoni ġenerali li tapplika għall-oqsma kollha tal-edukazzjoni, taħriġ u żgħażagħ, persuna li takkumpanja hi dik li takkumpanja lill-parteċipanti – kemm jekk studenti kif ukoll persunal/persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ – bi bżonnijiet speċjali (jiġifieri b’diżabilitajiet) f’attività ta’ mobilità, sabiex tiżgura l-protezzjoni, tipprovdi l-appoġġ u assistenza addizzjonali. Barra minn hekk, fil-każ ta’:

  • Studenti tal-ETV u attivitajiet ta’ volontarjat taħt l-Azzjoni Ewlenija 1,
  • Fuq perjodu ta’ żmien qasir jew twil għall-mobilità tat-tfal tal-iskola u mobilità mħallta ta’ żgħażagħ taħt l-Azzjoni Ewlenija 2,
  • Laqgħat bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet taħt l-Azzjoni Ewlenija 3,

persuna li takkumpanja tista’ tkun ukoll l-adult li jakkumpanja student jew diversi studenti tal-ETV, voluntieri b’anqas opportunitajiet, tfal tal-iskola u żgħażagħ (b’mod speċjali minuri jew żgħażagħ bi ftit esperjenza barra minn pajjiżhom) barra l-pajjiż, sabiex jiżgura kemm il-protezzjoni u s-sigurtà kif ukoll it-tagħlim effettiv tagħhom matul l-esperjenza tal-mobilità.

Akkreditazzjoni proċess li jiżgura li l-organizzazzjonijiet li jixtiequ jirċievu finanzjament mill-Azzjoni tal-Programm Erasmus+ iħarsu sett ta’ standards kwalitattivi jew prerekwiżiti definiti mill-Kummissjoni Ewropea għal dik l-Azzjoni. Skont it-tip ta’ Azzjoni jew skont il-pajjiz fejn tkun tinsab l-organizzazzjoni li titlobha, l-akkreditazzjoni titwettaq mill-Aġenzija Eżekuttiva, l-Aġenzija Nazzjonali jew iċ-Ċentru ta’ Riżorsi SALTO. Il-proċess ta’ akkreditazzjoni hu fis-seħħ għall-organizzazzjonijiet li jixtiequ jipparteċipaw fi proġetti ta’ edukazzjoni għolja (inkluża l-mobilità) jew f’attivitajiet ta’ mobilità fil-qasam taż-żgħażagħ.
Azzjoni fergħa jew miżura tal-Programm Erasmus+. Eżempji tal-Azzjonijiet huma: is-Sħubijiet Strateġiċi fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, Lawrji Master Konġunti tal-Erasmus Mundus, Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali, eċċ.
Attività sett ta’ kompiti mwettqa bħala parti minn proġett. Attività tista’ tkun ta’ tipi differenti (attivitajiet ta’ mobilità, attivitajiet ta’ kooperazzjoni, eċċ.). Fil-qafas ta’ Jean Monnet, Attività hi ekwivalenti għal Azzjoni (ara d-definizzjoni ta’ hawn fuq).
Edukazzjoni għall-Adulti il-forom kollha ta’ edukazzjoni għall-adulti mhux vokazzjonali, kemm jekk ta’ natura formali, mhux formali jew informali (għal taħriġ vokazzjonali kontinwu, ara “ETV”).
Organizzazzjoni tal-edukazzjoni għall-adulti kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata attiva fil-qasam tat-tagħlim mhux vokazzjonali tal-adulti
Student adult kwalunkwe persuna li, wara li tkun lestiet jew li ma għadhiex involuta f’edukazzjoni jew taħriġ inzijali, tirritorna għal xi forom ta’ tagħlim kontinwu (formali, mhux formali jew informali), bl-eċċezzjoni ta’ għalliema,/trainers tal-iskola jew tal-ETV.
Żjara ta’ Ppjanar Minn Qabel (APV): Żjara ta’ ppjanar fil-pajjiż tal-organizzazzjoni(jiet) li qed tilqa' (jilqgħu) qabel l-attivitajiet ta’ Skambju ta’ Żgħażagħ jew ta’ Volontarjat fi proġetti ta’ mobilità taż-Żgħażagħ u f’attivitajiet ta’ ErasmusPro fi proġetti ta’ mobilità tal-istudenti tal-ETV. L-għan tal-APVs hu li jiżguraw attivitajiet ta’ kwalità għolja billi jiffaċilitaw u jippreparaw arranġamenti amministrattivi, jibnu l-fiduċja u l-fehim u jistabbilixxu sħubija soda bejn l-organizzazzjonijiet involuti. Fil-każ tal-proġetti ta’ mobiltà taż-żgħażagħ, il-parteċipanti żgħażagħ jistgħu jkunu involuti wkoll fiż-żjara biex jintegraw bis-sħiħ fit-tfassil tal-proġett.
Entità affiljata

Dawn li ġejjin jistgħu jitqiesu Entitajiet Affiljati (skont l-Art. 122 tar-Regolament Finanzjarju):

  • l-entitajiet legali li għandhom rabta legali jew kapitali mal-benefiċjarji; din ir-rabta la hi limitata għall-azzjoni u lanqas mhi stabbilita għall-għan uniku tal-implimentazzjoni tagħha;
  • diversi entitatjiet li jissodisfaw il-kriterji sabiex jingħataw għotja u flimkien jifformaw entità waħda li tista’ tkun trattata bħala l-benefiċjarju uniku, inkluż fejn l-entità hi speċifikament stabbilita għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-azzjoni.

L-Entitajiet Affiljati għandhom jikkonfermaw mal-kriterji ta’ eliġibilità u tan-nonesklużjoni, u fejn applikabbli wkoll mal-kriterji tal-għażla li japplikaw għall-applikanti.

Applikant organizzazzjoni parteċipanti jew grupp informali li jissottomettu applikazzjoni għal għotja. L-applikanti jistgħu japplikaw jew individwalment jew f’isem organizzazzjonijiet oħrajn involuti fil-proġett. Fl-aħħar każ, l-applikant hu definit ukoll bħala koordinatur.
Data tal-għeluq (għall-applikazzjoni) id-data finali sa meta l-formola ta’ applikazzjoni għandha tiġi sottomessa lill-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva biex tiġi kkunsidrata eliġibbli.
Apprendistat (Apprendista) skemi f’forma ta’ apprendistat jinftiehmu bħal dawk il-forom ta’ Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjoni Inizjali (IVET) li jikkombinaw formalment u jalternaw taħriġ ibbażat fuq il-kumpanija (perjodi ta’ esperjenza ta’ xogħol prattiku f’post tax-xogħol) b’edukazzjoni bbażata fuq l-iskola (perjodi ta’ edukazzjoni teoretika/prattika segwiti fi skola jew ċentru ta’ taħriġ), u li t-tlestija b’suċċess tagħhom twassal għall-kwalifiki tal-ETV inizjali rikonoxxuti fuq livell nazzjonali.
Ħiliet bażiċi il-litteriżmu, il-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija; dawn il-ħiliet huma inklużi fil-kompetenzi ewlenin.
Benefiċjarju jekk il-proġett jintgħażel, l-applikant isir il-benefiċjarju ta’ għotja ta' Erasmus+. Il-benefiċjarju jiffirma ftehim ta’ għotja ma’ - jew jiġi nnotifikat b’deċiżjoni ta’ għotja minn - l-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva li tkun għażlet il-proġett. Jekk l-applikazzjoni saret f’isem organizzazzjonijiet oħrajn parteċipanti, is-sħab jistgħu jsiru kobenefiċjarji tal-għotja.
Tagħlim imħallat Tip ta’ studju li jinvolvi tagħlim f’kombinazzjoni ta’ modi. Spiss użat b’mod aktar speċifiku sabiex jirreferi għall-korsijiet li jużaw kombinazzjoni ta’ workshops jew seminars ta’ tagħlim wiċċ imb’wiċċ tradizzjonali, u tekniki ta’ tagħlim b’distanza online (bħall-internet, it-televiżjoni, it-telekonferenzi)
Sejħa għall-proposti stedina ppubblikata minn jew f’isem il-Kummissjoni biex tiġi ppreżentata, sad-data tal-għeluq speċifika, proposta għal azzjoni li tikkorrespondi għall-objettivi mixtieqa u li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa. Is-sejħiet għall-proposti huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje C) u/jew fis-siti elettroniċi rilevanti tal-Kummissjoni, tal-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva.
Ċertifikat fil-kuntest ta' Erasmus+, dokument maħruġ lil persuna li tkun lestiet attività ta’ tagħlim fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, fejn ikun rilevanti. Tali dokument jiċċertifika l-attendenza u, fejn ikun applikabbli, l-eżiti tat-tagħlim tal-parteċipant fl-attività.
Żball Klerikali żball żgħir jew nuqqas imwettaq b'mod involontarju magħmul f'dokument li jbiddel it-tifsira tiegħu, bħal żball tipografiku jew iż-żieda jew ommissjoni mhux intenzjonata ta’ kelma, frażi, jew figura.
Kofinanzjament il-prinċipju ta’ kofinanzjament jimplika li parti mill-ispejjeż tal-proġett appoġġjati mill-UE għandhom jitħallsu mill-benefiċjarju, jew jiġu koperti permezz ta’ kontribuzzjonijiet esterni minbarra l-għotja tal-UE.
Kumpanija il-persuni ġuridiċi stabbiliti skont il-liġi ċivili jew kummerċjali, inklużi soċjetajiet kooperattivi, u persuni ġuridiċi oħra rregolati mil-liġi pubblika jew privata, minbarra dawk li ma għandhomx skop ta’ qligħ.
Konsorzju żewġ organizzazzjonijiet parteċipanti jew aktar li jaħdmu flimkien biex iħejju, jimplimentaw u jsegwu proġett jew attività fi ħdan proġett. Konsorzju jista’ jkun nazzjonali (jiġifieri jinvolvi organizzazzjonijiet stabbiliti fl-istess pajjiż) jew internazzjonali (jinvolvi organizzazzjonijiet parteċipanti minn pajjiżi differenti).
Koordinatur/Organizzazzjoni li tikkoordina organizzazzjoni parteċipanti li tapplika għal għotja ta' Erasmus+ f’isem konsorzju ta’ organizzazzjonijiet sħab.
Mobilità tal-kredits perjodu limitat ta’ studju jew traineeship barra l-pajjiż - fil-qafas ta’ studji kontinwi f’istituzzjoni lokali - għall-fini li jinkisbu l-kredits. Wara l-fażi ta’ mobilità, l-istudenti jirritornaw lejn l-istituzzjoni lokali tagħhom biex ilestu l-istudji tagħhom.
Kredit sett ta’ eżiti tat-tagħlim ta’ individwu li jkunu ġew ivvalutati u li jistgħu jiġu akkumulati lejn kwalifika jew jistgħu jiġu trasferiti għall-programmi ta’ tagħlim jew kwalifiki oħrajn.
Mobilità tal-lawrja perjodu ta’ studju barra l-pajjiż li għandu l-għan li jikseb lawrja jew ċertifikat sħiħ fil-pajjiż/i ta’ destinazzjoni.
Suppliment tad-Diploma anness tad-dokument ta’ kwalifika uffiċjali, li hu ddisinjat sabiex jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata fuq l-istudji mwettqa skont format miftiehem li hu rikonoxxut fuq livell internazzjonali. Dokument li jakkumpanja diploma ta’ edukazzjoni għolja, li jipprovdi deskrizzjoni standardizzata tan-natura, il-livell, il-kuntest, il-kontenut u l-istatus tal-istudji mlestija mid-detentur tiegħu. Dan jiġi prodott minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja skont l-istandards li sar qbil dwarhom mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa u l-UNESCO. Is-Suppliment tad-Diploma hu parti mill-Europass (ara taħt). Fil-kuntest ta’ programm ta’ studju konġunt internazzjonali, hu rrakkomandat li jingħata "suppliment ta’ diploma konġunta" li jkopri l-programm kollu u hu approvat mill-universitajiet ta’ ħruġ tal-lawrji kollha.
Lawrja doppja/lawrja multipla programm ta’ studju offrut minn tal-anqas żewġ istituzzjonijiet (doppji) ta’ edukazzjoni għolja jew aktar (multipli) fejn l-istudent mat-tlestija tal-programm ta’ studju, jingħata ċertifikat ta’ lawrja separat minn kull waħda mill-istituzzjonijiet parteċipanti.
Karrieri doppji il-kombinazzjoni ta’ taħriġ sportiv ta’ livell għoli ma’ edukazzjoni jew ħidma ġenerali.
ECHE (Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja) akkreditazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea li tagħti l-possibbiltà lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja minn Pajjiżi tal-Programm biex ikunu eliġibbli li japplikaw u jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ tagħlim u kooperazzjoni skont l-Erasmus+. Il-Karta tindika l-prinċipji fundamentali li istituzzjoni għandha tirrispetta fl-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ mobilità ta’ kwalità għolja u tiddikjara r-rekwiżiti li taqbel li tikkonforma magħhom sabiex tiżgura servizzi u proċeduri ta’ kwalità għolja kif ukoll il-forniment ta’ informazzjoni affidabbli u trasparenti.
ECTS (Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Kredits) sistema ċċentrata fuq l-istudent għall-akkumulazzjoni u t-trasferiment ta’ kredits, abbażi tat-trasparenza tal-proċessi tat-tagħlim u l-valutazzjoni. L-objettiv tagħha hu l-iffaċilitar tal-ippjanar, it-twassil u l-evalwazzjoni ta’ programmi ta’ studju u l-mobilità tal-istudenti permezz tar-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-perjodi ta’ tagħlim. Sistema li tgħin biex jitfasslu, jiġu deskritti u forniti programmi ta’ studju u jinħarġu kwalifiki ta’ edukazzjoni għolja. L-użu tal-ECTS, flimkien ma’ oqfsa ta’ kwalifiki bbażati fuq l-eżiti, jagħmel il-programmi ta’ studju u l-kwalifiki aktar trasparenti u jiffaċilita r-rikonoxximent tal-kwalifiki.
ECVET (Sistema Ewropea tal-Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali) sistema li għandha l-għan li tiffaċilita l-validazzjoni, ir-rikonoxximent u l-akkumulazzjoni tal-ħiliet relatati max-xogħol u l-għarfien miksuba matul is-soġġorn f’pajjiż ieħor jew f’sitwazzjonijiet differenti. L-ECVET timmira għal kompatibbiltà aħjar bejn is-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali differenti fis-seħħ madwar l-Ewropa u l-kwalifiki tagħhom. Għandha toħloq qafas tekniku biex tiddeskrivi l-kwalifiki f’termini ta’ unitajiet ta’ eżiti tat-tagħlim, u tinkludi proċeduri ta’ valutazzjoni, trasferiment, akkumulazzjoni u rikonoxximent.
Intrapriża kwalunkwe impriża involuta f’attività ekonomika irrispettivament mid-daqs, il-forma ġuridika jew is-settur ekonomiku li topera fih.
EQAVET (Qafas ta’ Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità Ewropea għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali) għodda ta’ referenza għal dawk li jfasslu l-politika f’ċiklu ta’ kwalità f’erba’ stadji li tinkludi l-istabbiliment ta’ miri u l-ippjanar, l-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u r-reviżjoni. Hi tirrispetta l-awtonomija tal-gvernijiet nazzjonali u hi sistema volontarja li għandha tintuża mill-awtoritajiet pubbliċi u korpi oħra involuti fl-assigurazzjoni tal-kwalità.
QEK (Qafas Ewropew tal-Kwalifiki) għodda komuni ta' referenza Ewropea li sservi bħala għodda ta' traduzzjoni bejn sistemi differenti tal-edukazzjoni u t-tagħlim u l-livelli tagħhom. Għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza, il-komparabbiltà u l-portabbiltà tal-kwalifiki mal-Ewropa kollha, li tippromwovi l-mobilità tal-ħaddiema u tal-istudenti, u li tiffaċilita t-tagħlim tul il-ħajja, kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/C 111/01.
ESCO (klassifikazzjoni multilingwi tal-Ħiliet, il-Kompetenzi u l-Professjonijiet Ewropej) tidentifika u tikkategorizza l-ħiliet u l-kompetenzi, il-kwalifiki u l-professjonijiet rilevanti għas-suq tax-xogħol tal-UE u l-edukazzjoni u t-taħriġ, f’25 lingwa Ewropea. Is-sistema tipprovdi profili okkupazzjonali li juru r-relazzjonijiet bejn il-professjonijiet, il-ħiliet, il-kompetenzi u l-kwalifiki. L-ESCO ġiet żviluppata f’format informatiku miftuħ u hi disponibbli għal kulħadd biex jużaha mingħajr ħlas.
Stabbiliti għandha x’taqsam ma’ organizzazzjonijiet jew korpi li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet nazzjonali (reġistrazzjoni, dikjarazzjoni, pubblikazzjoni, eċċ.) li tippermetti sabiex it-tali organizzazzjonijiet jew korpi jiġu rikonoxxuti formalment mill-awtorità nazzjonali tagħhom. F’każ ta’ grupp informali ta’ żgħażagħ, ir-residenza legali tar-rappreżentant legali tiegħu titqies li għandha effetti ekwivalenti għall-finijiet tal-eliġibbiltà għal għotja ta' Erasmus+.
Europass Europass hu portafoll ta' ħames dokumenti differenti u fowlder elettroniku bil-għan li jinkludu deskrizzjonijiet tal-kisbiet kollha tad-detentur fl-edukazzjoni tiegħu, il-kwalifiki uffiċjali, l-esperjenza ta' xogħol, il-ħiliet u l-kompetenzi, miksuba tul is-snin. Dawn id-dokumenti huma: is-CV tal-Europass, is-Suppliment tad-Diploma, is-Suppliment taċ-Ċertifikat, il-Mobilità tal-Europass u l-Passaport tal-Ilsna. L-Europass jinkludi wkoll il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet, fowlder elettroniku ta' użu faċli li jgħin lid-detentur jibni inventarju personali u modulari tal-ħiliet u l-kwalifiki tiegħu. L-għan tal-Europass hu li jiffaċilita l-mobilità u li jtejjeb il-proposetti ta' impjieg u ta' tagħlim tul il-ħajja madwar l-Ewropa.
Pjan Ewropew għall-Iżvilupp għall-ETV, l-iskejjel u l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni għall-adulti, dokument li jiddeskrivi l-ħtiġijiet tal-istituzzjoni/organizzazzjoni f’termini ta’ żvilupp tal-kwalità u l-internazzjonalizzazzjoni, u kif l-attivitajiet Ewropej ippjanati se jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet. Il-Pjan Ewropew għall-Iżvilupp hu parti mill-formola ta’ applikazzjoni għall-iskejjel u l-organizzazzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja li japplikaw għall-mobilità fit-tagħlim tal-persunal skont l-Azzjoni Ewlenija 1.
NGO Ewropea taż-Żgħażagħ NGO li: topera permezz ta’ struttura rikonoxxuta formalment, magħmula minn a) korp/segretarjat Ewropew (l-applikant) stabbilit legalment tal-anqas għal sena f’Pajjiż tal-Programm fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni u b) organizzazzjonijiet/fergħat tal-anqas fi tnax-il Pajjiż tal-Programm li għandhom rabta statutorja mal-korp/segretarjat Ewropew; 2) hi attiva fil-qasam taż-żgħażagħ u tmexxi attivitajiet li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-oqsma ta’ azzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ; 3) tinvolvi ż-żgħażagħ fl-immaniġġjar u fil-governanza tal-organizzazzjoni.
Force majeure sitwazzjoni eċċezzjonali li ma setgħetx titbassar qabel jew avveniment lil hinn mill-kontroll tal-parteċipant u mhux attribwibbli għal żball jew negliġenza min-naħa tiegħu.
Sport tal-massa sport organizzat ipprattikat fil-livell lokali minn sportivi dilettani, u sport għal kulħadd.
Mexxej ta’ Grupp fi proġetti tal-mobilità taż-żgħażagħ, mexxej ta’ grupp hu adult li jingħaqad maż-żgħażagħ li jkunu qed jipparteċipaw fi Skambju taż-Żgħażagħ sabiex jiżgura t-tagħlim (Youthpass), il-protezzjoni u s-sikurezza effettivi tagħhom.
Grupp ta’ żgħażagħ attivi fil-ħidma fost iż-żgħażagħ iżda mhux neċessarjament fil-kuntest ta’ organizzazzjoni taż-żgħażagħ (anki gruppi informali ta’ żgħażagħ) grupp tal-anqas ta' erba’ żgħażagħ li ma għandux personalità ġuridika skont il-liġi nazzjonali applikabbli, diment li r-rappreżentanti tagħhom għandhom il-kapaċità li jwettqu obbligi legali f’isimhom. Dawn il-gruppi ta’ żgħażagħ jistgħu jkunu applikanti u sħab f’xi Azzjonijiet ta' Erasmus+. Għall-fini ta’ simplikazzjoni, huma assimilati mal-persuni ġuridiċi (organizzazzjonijiet, istituzzjonijiet, eċċ.) f’din il-Gwida u jagħmlu parti mill-kunċett ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti ta' Erasmus+ għall-Azzjoni li jistgħu jieħdu sehem fiha. Il-grupp għandu jkun magħmul tal-anqas minn erba’ żgħażagħ u l-età tagħhom għandha tkun skont l-età ġenerali taż-żgħażagħ fil-programm (13-30). F'każijiet eċċezzjonali u jekk iż-żgħażagħ kollha jkunu minuri, il-grupp jista’ jiġi rappreżentat minn persuna adulta. Dan ikun jippermetti grupp ta ‘ żgħażagħ (fejn kollha jkunu minuri) bl-għajnuna ta' persuna li taħdem maż-żagħżugħ/kowċ biex jissottomettu applikazzjoni.
Istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja kwalunkwe tip ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li, skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali, toffri lawrji rikonoxxuti jew kwalifiki ta’ livell terzjarju rikonoxxuti oħra, irrispettivament x’jista’ jissejjaħ tali stabbiliment, jew kwalunkwe istituzzjoni li, skont il-liġi jew prattika nazzjonali, toffri edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali fil-livell terzjarju.
Aġenda ta’ modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja strateġija tal-Kummissjoni Ewropea li għandha l-għan li tappoġġja r-riformi tal-Istati Membri u tikkontribwixxi għall-miri tal-Ewropa 2020 fil-qasam tal-edukazzjoni għolja. L-oqsma ewlenin għar-riforma identifikati fl-aġenda l-ġdida huma: li jiżdied in-numru ta’ gradwati ta’ edukazzjoni għolja; li tittejjeb il-kwalità u r-rilevanza tat-tagħlim u t-taħriġ tar-riċerkaturi, li l-gradwati jirċievu l-għarfien u l-kompetenzi trasferibbli ewlenin li għandhom bżonn biex ikollhom suċċess fi professjonijiet ta’ livell għoli; li jipprovdu aktar opportunitajiet għall-istudenti biex jiksbu ħiliet addizzjonali permezz tal-istudju u t-taħriġ barra ’l pajjiż, u biex titħeġġeġ il-kooperazzjoni transfruntiera biex tingħata spinta lill-prestazzjoni tal-edukazzjoni għolja; biex jissaħħaħ it-"trijangolu tal-għarfien", li jgħaqqad flimkien l-edukazzjoni, ir-riċerka u n-negozju u tinħoloq governanza u mekkaniżmi ta’ finanzjament effikaċi b’appoġġ tal-eċċellenza.
Gruppi informali ta’ żgħażagħ ara d-definizzjoni ta’ "gruppi ta’ żgħażagħ attivi fil-ħidma fost iż-żgħażagħ iżda mhux bilfors fil-kuntest ta’ organizzazzjoni taż-żgħażagħ" hawn fuq.
Tagħlim informali tagħlim li jirriżulta minn attivitajiet ta’ kuljum relatati max-xogħol, il-familja jew id-divertiment li mhux organizzat jew strutturat f’termini ta’ objettivi, żmien jew appoġġ għat-tagħlim; jista’ jkun mhux ippjanat mill-perspettiva tal-istudent.
Internazzjonali fil-kuntest ta' Erasmus+, għandha x’taqsam ma’ kwalunkwe azzjoni li tinvolvi tal-anqas Pajjiż tal-Programm wieħed u tal-anqas Pajjiż Sieħeb wieħed.
Monitoraġġ tal-Impjiegi (esperjenza ta’ tagħlim prattika) soġġorn qasir f’organizzazzjoni sieħba f’pajjiż ieħor bl-għan li jiġi riċevut taħriġ billi jiġu segwiti l-prattikanti fil-ħajja tax-xogħol ta’ kuljum tagħhom fl-organizzazzjoni li tilqa', l-iskambju tal-aqwa prattiki, il-kisba tal-ħiliet u l-għarfien u/jew il-bini ta’ sħubijiet fit-tul permezz ta’ osservazzjoni parteċipattiva.
Lawrja konġunta ċertifikat ta’ lawrja unika mogħti lil student mat-tlestija ta’ programm konġunt. Il-lawrja konġunta trid tkun iffirmata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ żewġ istituzzjonijiet parteċipanti jew aktar b’mod konġunt u rikonoxxuta b’mod uffiċjali fil-pajjiżi fejn ikunu sitwati dawk l-istituzzjonijiet parteċipanti.
Programmi konġunti programmi ta’ edukazzjoni għolja (studju jew riċerka) imfassla, imwassla b’mod konġunt u rikonoxxuti b’mod sħiħ minn żewġ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jew aktar. Programmi konġunti jistgħu jiġu implimentati fi kwalunkwe livell ta’ edukazzjoni għolja, jiġifieri baċċelerat, master jew dottorat. Programmi konġunti jistgħu jkunu nazzjonali (jiġifieri meta l-universitajiet kollha involuti huma mill-istess pajjiż) jew transnazzjonali/internazzjonali (jiġifieri meta tal-anqas żewġ pajjiżi differenti huma rrappreżentanti fost l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja involuti).
Kompetenzi ewlenin is-sett bażiku ta’ għarfien, ħiliet u atittudnijiet li l-individwi kollha jeħtieġu għas-sodisfazzjoni u l-iżvilupp personali, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u l-impjiegi, kif deskritt fir-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Mobilità ta’ tagħlim li tittrasferixxi ruħek fiżikament lejn pajjiż ieħor minbarra l-pajjiż ta’ residenza, sabiex tistudja, titħarreġ jew għal tagħlim mhux formali jew informali; tista’ tieħu l-forma ta’ traineeships, skambji taż-żgħażagħ, volontarjat, tagħlim jew parteċipazzjoni f’attività ta’ żvilupp professjonali, u tista’ tinkludi attivitajiet preparatorji, bħal taħriġ fil-lingwa lokali, kif ukoll attivitajiet ta’ bgħit, riċeviment u segwitu.
Eżiti tat-tagħlim stqarrijiet dwar dak li student jaf, jifhem u hu kapaċi jagħmel wara li jtemm proċess ta' tagħlim, definiti f'termini ta' għarfien, ħiliet u kompetenzi.
Tagħlim tul il-ħajja l-edukazzjoni ġenerali, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim mhux formali u t-tagħlim informali kollu li jkun ġie segwit tul il-ħajja, li jwassal għal titjib fl-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi jew il-parteċipazzjoni fis-soċjetà minn perspettiva personali, ċivika, kulturali, soċjali u/jew relatata mal-impjieg, inklużi l-għoti ta’ servizzi ta’ konsulenza u ggwidar.
Mentoring miżuri għall-appoġġ personali li huma pprovduti lill-voluntieri, flimkien mal-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-kompitu. Il-persuna responsabbli ewlenija għall-mentoring hu mentor, maħtur mill-Organizzazzjoni Li Tilqa' jew Li Tikkoordina. Il-mentoring jikkonsisti f’laqgħat regolari biex jiġi segwit il-benesseri personali tal-voluntier fi ħdan kif ukoll barra l-Organizzazzjoni Li Tilqa'. Il-mentoring hu mmirat lejn il-voluntier individwali u għalhekk il-kontenut u l-frekwenza tal-laqgħat se jvarjaw skont il-bżonnijiet individwali. Is-suġġetti li jistgħu jiġu diskussi matul il-laqgħat ta' mentoring: il-benesseri personali, il-benesseri fit-tim, is-sodisfazzjon bil-kompiti, il-prattikalitajiet eċċ.
Ftehim tal-Mobilità/tat-Tagħlim ftehim bejn l-organizzazzjoni li tibgħat u li tilqa', kif ukoll l-individwi parteċipanti, li jiddefinixxi l-għanijiet u l-kontenut tal-perjodu ta’ mobilità sabiex jiġu żgurati r-rilevanza u l-kwalità tiegħu. Jista’ jintuża wkoll bħala bażi għar-rikonoxximent tal-perjodu barra l-pajjiż mill-organizzazzjoni li tilqa'.
Xahar fil-kuntest tal-Programm Erasmus+ u għall-fini tal-kalkolu tal-għotjiet, xahar hu ugwali għal 30 jum.
MOOC Abbrevjazzjoni ta’ “Massive Open Online Course” tip ta’ kors li jitwassal kompletament online, hu miftuħ biex jiġu aċċessati minn kulħadd mingħajr ħlas, kwalifiki ta’ dħul jew restrizzjonijiet oħrajn u spiss għandu numru kbir ta’ parteċipanti. Jista’ jkollhom komponenti li jaffettwaw persuni speċifiċi, eż. jinkuraggixxu laqgħat tal-parteċipanti lokali, u valutazzjoni formali, iżda li għandhom it-tendenza li jużaw ir-rieżami mill-pari, l-awtovalutazzjoni u l-għoti ta’ grad awtomatizzat. Hemm bosta varjanti tal-MOOCs eż. iffukati fuq setturi, gruppi fil-mira (eż. fokus vokazzjonali, għalliema, eċċ.) jew metodi ta’ tagħlim speċifiċi. L-MOOCs iffinanzjati taħt Erasmus+ jeħtiġilhom li jkunu miftuħin għal kulħadd u kemm il-parteċipazzjoni kif ukoll iċ-ċertifikat jew il-badge ta’ tkomplija huma mingħajr ħlas għall-parteċipanti. Jekk jogħġbok innota li r-rekwiżit ta’ aċċess miftuħ għar-riżorsi edukattivi japplika wkoll għall-MOOCs u korsijiet sħaħ oħrajn.
Tagħlim mhux formali tagħlim li jsir permezz ta’ attivitajiet ippjanati (f’termini ta’ objettivi ta’ tagħlim u żmien ta’ tagħlim) fejn hi preżenti xi forma ta’ appoġġ ta’ tagħlim, iżda li mhux parti mis-sistema ta’ edukazzjoni u taħriġ formali.
Profil okkupazzjonali is-sett ta’ ħiliet, kompetenzi, għarfien u kwalifiki li normalment huma rilevanti għal okkupazzjoni speċifika.
Programmi ta’ studju ta’ ċiklu wieħed Programmi integrati/twal li jwasslu jew għall-ewwel lawrja jew għal lawrja tat-tieni ċiklu u li, f’xi pajjiżi, jistgħu jiġu kkaratterizzati aħjar skont it-tul ta' żmien fi snin milli skont il-kredits. F’ħafna minn dawn il-pajjiżi, il-programmi barra mill-mudell tal-ewwel ċiklu ta’ Bologna huma fl-oqsma tal-mediċina, id-dentistrija, il-mediċina veterinarja, in-nursing u l-qwiebel u f’ħafna każijiet jinvolvu 1-8% tal-popolazzjoni ta’ studenti. It-tul normali ta’ programmi integrati li jwasslu għall-professjonijiet regolati hu b’mod ġenerali 300-360 ECTS/ħames-sitt snin skont il-professjoni regolata partikulari.
Aċċess Miftuħ Kunċett ġenerali ta’ materjali ta’ pubblikazzjoni ta’ tip speċifiku b’mod miftuħ, jiġifieri li għandu jkun aċċessibbli u użabbli mill-akbar grupp ta’ utenti possibbli u għall-akbar numru ta’ każijiet ta’ użu. Erasmus+ għandu Rekwiżit ta’ Aċċess Miftuħ għar-riżorsi edukattivi u jinkuraġġixxi Aċċess Miftuħ għar-riżultati ta’ tfittxija u d-dejta.
Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OER): materjali edukattivi ta’ kull xorta (eż. textbooks, worksheets, lesson plans, vidjows tat-tagħlim, korsijiet sħaħ online, logħob edukattiv) li jistgħu jintużaw, jiġu adattati u skambjati b’mod ħieles. Dawn ir-riżorsi jew ġew rilaxxati taħt liċenzja miftuħa jew huma fid-dominju pubbliku (eż. id-drittijiet tal-awtur skadew). Materjali mingħajr ħlas li ma jistgħux jiġu adattati u skambjati mill-pubbliku mhumiex OER.
Liċenzja miftuħa mod għal dawk li għandhom id-drittijiet tal-awtur (kreaturi jew detenur ta’ drittijiet oħrajn) li jagħtu lill-pubbliku ġenerali l-permess legali li jużaw xogħolhom b’mod ħieles; fil-kuntest tar-Rekwiżit ta’ Aċċess Miftuħ ta’ Erasmus+, il-liċenzja miftuħa applikata għandha tippermetti tal-anqas l-użu, l-adattament u d-distribuzzjoni. Il-liċenzja miftuħa għandha tkun indikata fuq ix-xogħol innifsu jew kull fejn jiġi distribwit ix-xogħol. Il-materjali edukattivi b’liċenzja miftuħa jissejħu Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OER).
Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni metodu intergovernattiv li jipprovdi qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE, li b’hekk, il-politiki nazzjonali tagħhom jistgħu jiġu mmirati lejn ċerti objettivi komuni. Fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Programm, il-MMK japplika għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ.
Parteċipanti fil-kuntest ta' Erasmus+, il-parteċipanti huma kkunsidrati dawk l-individwi involuti bis-sħiħ fi proġett u, f’xi każijiet, jirċievu parti mill-għotja tal-Unjoni Ewropea maħsuba biex tkopri l-ispejjeż tagħhom ta’ parteċipazzjoni (b’mod partikulari l-ivvjaġġar u s-sussistenza). Għalhekk, f’ċerti Azzjonijiet tal-Programm (jiġifieri Sħubijiet Strateġiċi), trid issir distinzjoni bejn din il-kategorija ta’ parteċipanti (parteċipanti diretti) u individwi oħra involuti b’mod indirett fil-proġett (eż. gruppi fil-mira).
Organizzazzjoni parteċipanti kwalunkwe organizzazzjoni ta’ żgħażagħ involuta fl-implimentazzjoni ta’ proġett Erasmus+. Skont ir-rwol tagħhom fil-proġett, l-organizzazzjonijiet parteċipanti jistgħu jkunu l-applikanti jew is-sħab (definiti wkoll bħala koapplikanti, jekk jiġu identifikati meta ssir is-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal għotja). Jekk il-proġett hu approvat, l-applikanti jsiru l-benefiċjarji u s-sħab jistgħu jsiru l-kobenefiċjarji, jekk il-proġett hu ffinanzjat permezz ta’ għotja minn diversi benefiċjarji.
Sieħeb (organizzazzjoni) organizzazzjoni parteċipanti involuta fil-proġett iżda li ma jkollhiex r-rwol ta’ applikant.
Pajjiżi Sħab pajjiżi li ma jiħdux sehem bis-sħiħ fil-Programm Erasmus+, iżda li jistgħu jieħdu sehem (bħala sħab jew applikanti) f’ċerti Azzjonijiet tal-Programm. Il-lista tal-Pajjiżi Sħab ta' Erasmus+ hi deskritta fil-Parti A ta’ din il-Gwida, taqsima "Min jista’ jipparteċipa fil-Programm Erasmus+".
Sħubija ftehim bejn grupp ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti f’Pajjiżi tal-Programm differenti biex jitwettqu attivitajiet Ewropej konġunti fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport jew biex jiġi stabbilit netwerk formali jew informali f’qasam rilevanti bħall-proġetti ta’ tagħlim konġunti għat-tfal tal-iskola u l-għalliema tagħhom fil-forma ta’ skambji ta’ klassijiet u mobilità individwali fit-tul, programmi intensivi fl-edukazzjoni għolja u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex titħeġġeġ il-kooperazzjoni interreġjonali, inkluża dik transfruntiera; tista’ tiġi estiża għall-istituzzjonijiet u/jew l-organizzazzjonijiet mill-Pajjiżi Sħab bil-ħsieb li tissaħħaħ il-kwalità tas-sħubija.
Persuni b’anqas opportunitajiet persuni li jaffaċċjaw ostakoli li jwaqqfuhom milli jkollhom aċċess effettiv għall-opportunitajiet ta’ edukazzjoni, taħriġ u ħidma fost iż-żgħażagħ. Definizzjoni aktar iddettaljata ta’ persuni b’anqas opportunitajiet tista’ tinstab fil-Parti A ta’ din il-Gwida - taqsima "Ekwità u inklużjoni".
Persuni bi bżonnijiet speċjali persuna bi bżonnijiet speċjali hi parteċipant potenzjali li s-sitwazzjoni fiżika, mentali jew relatata mas-saħħa individwali tagħha hi tali li l-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett jew l-attività ta’ mobilità ma tkunx possibbli mingħajr appoġġ finanzjarju żejjed.
Korp bi skop ta’ qligħ attiv fir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva. kumpanija privata li a) twettaq in-negozju tagħha b'konformità ma’ standards etiċi u/jew b) flimkien mal-attivitajiet tan-negozju tagħha, twettaq xi azzjonijiet li għandhom valur soċjali.
Pajjiżi tal-Programm Pajjiżi tal-UE u mhux tal-UE li stabbilixxew Aġenzija Nazzjonali li jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-Programm Erasmus+. Il-lista tal-Pajjiżi tal-Programm Erasmus+ hi deskritta fil-Parti A ta’ din il-Gwida, taqsima "Min jista’ jipparteċipa fil-Programm Erasmus+".
Proġett sett koerenti ta’ attivitajiet li huma organizzati sabiex jintlaħqu objettivi u riżultati definiti.
Kwalifika eżiti formali ta’ proċess ta' valutazzjoni u validazzjoni li jinkisbu meta korp kompetenti jiddetermina li individwu kiseb eżiti tat-tagħlim li jilħqu standards partikulari.
Organizzazzjoni li tilqa' taħt xi Azzjonijiet ta' Erasmus+ (b’mod partikulari l-Azzjonijiet ta’ mobilità) l-organizzazzjoni li tilqa' hi l-organizzazzjoni parteċipanti li tilqa' parteċipant wieħed jew aktar u li torganizza attività waħda jew aktar ta’ proġett Erasmus+.
Mentoring Imsaħħaħ Il-mentoring imsaħħaħ hu l-proċess ta’ mentoring intensifikat li hu meħtieġ biex jappoġġja liż-żgħażagħ b'anqas opportunitajiet, jekk dawn ma jkunux kapaċi jimplimentaw attività ta’ volontarjat indipendentement/b’mentoring regolari jew bl-appoġġ ta’ tutur. Il-mentoring imsaħħaħ jinvolvi kuntatt eqreb mal-voluntieri u aktar laqgħat magħhom kif ukoll iħalli aktar żmien biex jiġu implimentati l-kompiti ta’ mentoring regolari, filwaqt li jiggarantixxi appoġġ pass b’pass għall-voluntieri matul l-attivitajiet ta' proġetti kif ukoll barra mill-ħin tax-xogħol. Il-mentoring imsaħħaħ hu mmirat lejn l-implimentazzjoni b'suċċess tal-proġett u jgħin lill-voluntier biex jikseb l-akbar awtonomija possibbli f’dan.
Skola istituzzjoni li tipprovdi edukazzjoni ġenerali, vokazzjonali jew teknika, fi kwalunkwe livell mill-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja sa dik sekondarja għolja. Jekk jogħġbok ikkunsulta l-lista ta’ tipi ta’ istituzzjonijiet definiti bħala skejjel f’kull pajjiż; għal aktar informazzjoni kkuntattja lill-Aġenzija Nazzjonali fil-pajjiż.
Organizzazzjoni li tibgħat f’ċerti Azzjonijiet ta' Erasmus+ (b’mod partikulari l-Azzjonijiet ta’ mobilità) l-organizzazzjoni li tibgħat hi l-organizzazzjoni parteċipanti li tibgħat parteċipant wieħed jew aktar għal attività tal-proġett Erasmus+.
Kwalifiki ta’ ċiklu qasir (jew edukazzjoni għolja b’ċikli qosra - SCHE) fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi hu fl-ewwel ċiklu fil-Qafas tal-Kwalifiki għall-Qasam Ewropew ta’ Edukazzjoni Għolja (Livell 5 tal-ISCED). Ġeneralment ikun rappreżentant minn madwar 120 kredit ECTS fil-kuntesti nazzjonali, li jwasslu għal kwalifika li hi rikonoxxuta f’livell anqas minn lawrja fi tmiem l-ewwel ċiklu. Xi programmi huma itwal minn tliet snin iżda ġeneralment ma jagħtux aktar minn 180 kredit tal-ECTS. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, l-istudenti jistgħu jużaw il-parti l-kbira tal-kredits miksuba f’SCHE biex jibqgħu għaddejjin għall-korsijiet ta’ lawrja. Id-deskritturi taċ-ċiklu qasir jikkorrispondu mal-eżiti tat-tagħlim tal-livell 5 tal-QEK.
SMEs (Intrapriżi żgħar u u ta' daqs medju) l-intrapriżi (ara d-definizzjoni ta’ hawn fuq) li jimpjegaw anqas minn 250 persuna u li għandhom fatturat annwali li ma jaqbiżx EUR 50 miljun, u/jew karta tal-bilanċ annwali li ma taqbiżx EUR 43 miljun.
Intrapriża soċjali impriża, tkun xi tkun il-forma ġuridika, li mhix elenkata f’suq regolat fis-sens tal-punt (14) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE, u li: 1) skont l-artikoli ta’ assoċjazzjoni, l-istatuti jew kwalunkwe dokument statutorju ieħor tagħha li jistabbilixxi n-negozju, għandha bħala l-objettiv primarju tagħha l-kisba ta’ impatti soċjali pożittivi li jistgħu jitkejlu aktar milli tiġġenera profitt għas-sidien, il-membri u l-partijiet ikkonċernati tagħha, meta l-impriża: a) tipprovdi servizzi jew prodotti innovattivi li jiġġeneraw redditu soċjali u/jew b) tuża metodu innovattiv ta’ produzzjoni ta’ prodotti u servizzi u dak il-metodu ta’ produzzjoni jinkorpora l-objettiv soċjali tagħha; 2) tinvesti mill-ġdid il-profitt l-ewwel u qabel kollox biex tilħaq l-objettiv primarju tagħha u għandha fis-seħħ proċeduri u regoli predefiniti għal kwalunkwe ċirkostanza li fiha l-profitti huma distribwiti lill-azzjonisti u s-sidien, sabiex jiġi żgurat li d-distribuzzjoni tal-profitti ma xxekkilx l-objettiv primarju; 3) hi mmaniġġjata b’mod intraprenditorjali, responsabbli u trasparenti, b’mod partikulari billi tinvolvi l-ħaddiema, il-klijenti, u/jew il-partijiet ikkonċernati affettwati mill-attivitajiet tan-negozju tagħha.
Persunal persuni li, abbażi professjonali jew volontarja, huma involuti f’tagħlim mhux formali fis-setturi tal-edukazzjoni, it-taħriġ jew taż-żgħażagħ u jistgħu jinkludu professuri, għalliema, trainers, mexxejja tal-iskejjel, persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u persunal mhux edukattiv.
Djalogu strutturat id-djalogu maż-żgħażagħ u mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u ma' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet li jservi bħala forum għal riflessjoni konġunta kontinwa dwar il-prijoritajiet, l-implimentazzjoni u s-segwitu għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ.
It-tielet ċiklu livell tat-tielet ċiklu fil-Qafas tal-Kwalifiki għaż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja li sar qbil dwaru mill-ministri responsabbli għall-edukazzjoni għolja fil-laqgħa tagħhom f’Bergen f’Mejju 2005 fil-qafas tal-proċess ta’ Bologna. Id-deskrittur tat-tielet ċiklu tal-QF EHEA jikkorrispondi għall-eżiti tat-tagħlim tal-livell 8 tal-QEK.
Traineeship (kollokament fuq il-post tax-xogħol) meta persuna tqatta’ perjodu ta’ żmien f’intrapriża jew organizzazzjoni f’pajjiż ieħor, bl-għan li tikseb kompetenzi speċifiċi li huma meħtieġa mis-suq tax-xogħol, twettaq esperjenza tax-xogħol u ttejjeb il-fehim tal-kultura ekonomika u soċjali ta’ dak il-pajjiż.
Transnazzjonali relatata, sakemm ma jkunx indikat b’mod ieħor, ma’ kwalunkwe azzjoni li tinvolvi tal-anqas żewġ Pajjiżi tal-Programm.
Ħiliet transversali (mhux intensivi; għall-ħajja) jinkludu l-abbiltà ta’ ħsieb kritiku, il-kurżità u l-kreattività, it-teħid ta’ inizjattiva, is-soluzzjoni tal-problemi u l-ħidma kollaborattiva, il-kapaċità ta’ komunikazzjoni effiċjenti f’ambjent multikulturali u interdixxiplinarju, l-abbiltà ta’ adattament għall-kuntest, l-immaniġġjar tal-istress u tal-inċertezza; dawn il-ħiliet jagħmlu parti mill-kompetenzi ewlenin.
Għodod ta' trasparenza u rikonoxximent tal-Unjoni strumenti li jgħinu lill-partijiet ikkonċernati jifhmu, japprezzaw u, kif ikun xieraq, jirrikonoxxu l-eżiti tat-tagħlim u l-kwalifiki madwar l-Unjoni kollha.
Validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali

proċess ta’ konferma minn korp awtorizzat li individwu kiseb eżiti tat-tagħlim imkejla skont standard rilevanti u li jikkonsisti mill-erba’ fażijiet distinti li ġejjin:

  1. Identifikazzjoni permezz ta’ djalogu ta’ esperjenzi partikulari ta’ individwu;
  2. Dokumentazzjoni sabiex l-esperjenzi tal-individwu jsiru viżibbli;
  3. Valutazzjoni formali ta’ dawn l-esperjenzi; kif ukoll
  4. Ċertifikazzjoni tar-riżultati tal-valutazzjoni li tista’ twassal għal kwalifika parzjali jew sħiħa
Edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV) edukazzjoni u taħriġ li għandhom l-għan li jgħammru lin-nies bl-għarfien, għerf, ħiliet u/jew kompetenzi meħtieġa f’okkupazzjonijiet partikulari jew b’mod aktar mifrux fis-suq tax-xogħol. Għall-fini ta' Erasmus+ il-proġetti li jiffokaw fuq edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali inizjali jew kontinwi huma eleġibbli skont l-azzjonijiet tal-ETV.
Mobilità virtwali sett ta’ attivitajiet appoġġjati mit-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni, inkluż it-tagħlim elettroniku, li jwettqu jew jiffaċilitaw esperjenzi kollaborattivi, internazzjonali f’kuntest ta’ tagħlim jew taħriġ.
Tagħlim fuq il-post tax-xogħol Tip ta’ studju li jinvolvi l-akkwist ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi permezz tat-twettiq – u riflessjoni fuq – kompiti f’kuntest vokazzjonali, jew fuq il-post tax-xogħol (bħal taħriġ b’alternanza) jew f’istituzzjoni ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali
Żgħażagħ Fil-kuntest tal-Programm Erasmus+, l-individwi li għandhom bejn it-13-il sena u t-30 sena.
Attività taż-żgħażagħ attività barra mill-iskola (bħal skambju taż-żgħażagħ, volontarjat jew taħriġ taż-żgħażagħ) imwettqa minn persuna żagħżugħa, jew individwalment jew fi grupp, b’mod partikulari permezz ta’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, u kkaratterizzata minn approċċ ta’ tagħlim mhux formali.
Persuna li taħdem maż-żgħażagħ professjonist jew voluntier involut f’tagħlim mhux formali li jappoġġja liż-żgħażagħ fl-iżvilupp soċjoedukattiv u professjonali personali tagħhom.
Youthpass l-għodda Ewropea biex jittejjeb ir-rikonoxximent tal-eżiti tat-tagħlim taż-żgħażagħ u tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ mill-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti appoġġjati mill-Programm Erasmus+. Il-Youthpass jikkonsisti minn: a) ċertifikati li jistgħu jinkisbu mill-parteċipanti f’diversi Azzjonijiet tal-Programm; u b) proċess definit li jappoġġja ż-żgħażagħ, il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ biex jirriflettu dwar l-eżiti tat-tagħlim mill-proġett Erasmus+ fil-qasam taż-żgħażagħ u t-tagħlim mhux formali. Il-Youthpass hu wkoll parti minn strateġija usa’ tal-Kummissjoni Ewropea li għandha l-għan li ssaħħaħ ir-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u informali tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa u lil hinn.