Werrej
Fittex fil-gwida

Anness II - Tixrid u sfruttament tar-riżultati

Gwida prattika għall-benefiċjarji

Introduzzjoni

L-attivitajiet li jservu għat-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati huma mod kif tintwera l-ħidma li saret bħala parti mill-proġett ta' Erasmus+. Il-kondiviżjoni tar-riżultati, il-lezzjonijiet miksubin u l-eżiti u s-sejbiet lil hinn mill-organizzazzjonijiet parteċipanti se jippermettu sabiex komunità usa' tibbenefika minn ħidma li tkun irċeviet finanzjament mill-UE, kif ukoll biex jiġu promossi l-isforzi tal-organizzazzjoni lejn l-objettivi ta' Erasmus+, li tagħti importanza fundamentali lir-rabta bejn il-Programm u l-politiki. Għalhekk, kull wieħed mill-proġetti appoġġjati mill-Programm hu pass lejn l-ilħuq tal-objettivi ġenerali ddefiniti mill-Programm għat-titjib u l-immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ.

L-attivitajiet ta' tixrid se jvarjaw bejn il-proġetti, u hu importanti li jiġu kkunsidrati x'tipi ta' attivitajiet ta' tixrid huma marbuta ma' kull organizzazzjoni parteċipanti. Is-sħab fi proġetti iżgħar għandhom iwettqu t-tixrid u l-isfruttament b'mod xieraq għal-livell tal-attività tagħhom. L-attivitajiet ta' tixrid għal proġett ta' mobilità se jattivaw rekwiżiti differenti minn dawk għal proġett ta' sħubija. Il-firxa tal-attivitajiet ta' tixrid u sfruttament se tiżdied mad-daqs u l-importanza strateġika tal-proġett. Meta japplikaw, l-applikanti se jintalbu jispjegaw l-intenzjonijiet/pjanijiet tagħhom għall-attivitajiet ta' tixrid u sfruttament, u jekk l-applikazzjoni tirnexxi, jintalbu jwettquhom.

Taqsima 1 tiddefinixxi xi wħud mit-termini ewlenin u tispjega x'jista' jintlaħaq bit-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati u kif dawn l-attivitajiet se jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali tal-proġett.

Taqsima 2 tiddeskrivi r-rekwiżiti għall-benefiċjarji ta' Erasmus+ f'termini ta' tixrid u sfruttament tar-riżultati.

It-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati tal-proġett: xiex, għaliex, min, meta, fejn u kif

Xi jfissru t-tixrid u l-isfruttament?

It-tixrid hu proċess ippjanat fejn tingħata informazzjoni dwar ir-riżultati tal-programmi u l-inizjattivi għall-atturi ewlenin. Dan iseħħ kif u meta r-riżultati ta' programmi u inizjattivi jsiru disponibbli. F'termini tal-Programm Erasmus+, dan jinvolvi t-tixrid bil-fomm tas-suċċessi u l-eżiti tal-proġett sa fejn hu possibbli. Li oħrajn isiru jafu dwar il-proġett se jħalli impatt fuq organizzazzjonijiet oħra fil-ġejjieni u se jikkontribwixxi biex jittejjeb il-profil tal-organizzazzjoni li twettaq il-proġett. Għat-tixrid effettiv tar-riżultati, hemm bżonn li jitfassal proċess xieraq fil-bidu tal-proġett. Dan għandu jkopri għaliex, xiex, kif, meta, lil min u fejn se jsir it-tixrid tar-riżultati, kemm matul kif ukoll wara l-perjodu ta' finanzjament.

L-isfruttament hu (a) proċess ippjanat tat-trasferiment tar-riżultati ta' suċċess tal-programmi u l­ inizjattivi lil dawk pertinenti li jfasslu d-deċiżjonijiet fis-sistemi regolati lokali, reġjonali, nazzjonali jew Ewropej, minn naħa, u (b) proċess ippjanat li jikkonvinċi lill-utenti finali individwali biex jadottaw u/jew japplikaw ir-riżultati tal-programmi u l-inizjattivi, min-naħa l-oħra. Għal Erasmus+, dan ifisser il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-attivitajiet iffinanzjati, biex b'hekk ir-riżultati jintużaw lil hinn mill-ħajja tal-proġett. Għandu jiġi nnotat li l-proġett qiegħed jitwettaq bħala parti minn programm internazzjonali li jaħdem lejn it-tagħlim tul il-ħajja u jappoġġja l-politiki Ewropej fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Ir-riżultati għandhom jiġu żviluppati b'tali mod li huma jkunu jistgħu jitfasslu għall-ħtiġijiet tal-oħrajn; ittrasferiti lejn oqsma ġodda; sostnuti wara li jkun skada l-perjodu ta' finanzjament; jew użati biex jinfluwenzaw il-politika u l-prattika futura.

It-tixrid u l-isfruttament huma għalhekk distinti iżda relatati mill-qrib ma' xulxin.

X'inhu intiż b'"riżultati tal-attività"?

Ir-riżultati huma l-kisbiet tal-proġett li jkun irċieva finanzjament tal-UE. It-tip ta' riżultat se jvarja skont it-tip ta' proġett.

Riżultat huwa prodott jew output li jiġi ġġenerat minn proġett speċifiku u li jista' jiġi kkwantifikat. Jekk jogħġbok irreferi għal-lista fit-taqsima "X'jista jiġi mxerred u sfruttat?" biex issib kategorizzazzjoni tar-riżultati ta' proġett.

Xi riżultati ta' proġetti huma diffiċli biex tikkwantifikahom. Eżempju ta' kisba bħal din hu żieda fis-sensibilizzazzjoni. Dan it-tip ta' riżultat għandu jitqies bl-użu ta' stħarriġ tal-opinjoni pubblika dwar is-sodisfazzjon.

Xi jfissru impatt u sostenibbiltà?

L-impatt hu l-effett li l-attività mwettqa u r-riżultati tagħha għandhom fuq in-nies, il-prattiki, l-organizzazzjonijiet u s-sistemi. It-tixrid u l-isfruttament tal-pjanijiet tar-riżultati jistgħu jgħinu biex jimmassimizzaw l-effett tal-attivitajiet li qegħdin jiġu żviluppati biex b’hekk ikollhom impatt fuq il-parteċipanti u s-sħab diretti għas-snin ta' wara. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-benefiċċji għall-partijiet ikkonċernati l-oħra sabiex ikun hemm differenza akbar u l-proġett jiġi sfruttat bl-aħjar mod possibbli.

Is-sostenibbiltà hi l-kapaċità tal-proġett li jibqa’ għaddej u juża r-riżultati tiegħu lil hinn mit-tmiem tal-perjodu ta’ finanzjament. Ir-riżultati tal-proġett jistgħu mbagħad jintużaw u jiġu sfruttati fit-tul, forsi permezz tal-kummerċjalizzazzjoni, l-akkreditazzjoni jew l-integrazzjoni. Mhux il-partijiet kollha tal-proġett jew ir-riżultati jistgħu jkunu sostenibbli u hu importanti li t-tixrid u l-isfruttament jitqiesu bħala progress li jestendi lil hinn mit-tul ta' żmien tal-proġett, u fil-ġejjieni.

X’inhuma l-għanijiet u l-objettivi tat-tixrid u l-isfruttament?

L-ewwel għan tat-tixrid u l-isfruttament hu li jifirxu r-riżultati tal-proġett. It-tieni għan hu li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni u t-tfassil tal-politiki u s-sistemi nazzjonali u Ewropej. Il-benefiċjarji għandhom jiżviluppaw il-mod tagħhom biex jilħqu dan l-għan. L-iżvilupp tal-ideat għat-tixrid u l-isfruttament hu importanti għal kull proġett iffinanzjat mill-Programm Erasmus+. Madankollu, it-tip u l-intensità tal-attivitajiet ta’ tixrid u sfruttament għandhom ikunu proporzjonali u mfassla għall-ħtiġijiet partikulari u t-tip ta’ proġett żviluppat. Dan jinkludi jekk il-proġett hux orjentat lejn il-proċess jew immirat lejn il-produzzjoni ta’ riżultati tanġibbli; jekk hux awtonomu jew parti minn inizjattiva akbar; jekk hux żviluppat minn organizzazzjonijiet parteċipanti fuq skala kbira jew żgħira, eċċ. L-organizzazzjonijiet parteċipanti għandhom jiddiskutu l-għanijiet u l-objettivi tal-attivitajiet/pjan u jiddeċiedu dwar l-aqwa attivitiajiet u approċċi kif ukoll jikkondividu l-kompiti fost is-sħab, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet partikulari tal-proġett.

Għall-proġetti ta' kooperazzjoni strutturati bħal proġetti ta' Sħubijiet Strateġiċi, Alleanzi tal-Għarfien, Sport, Sħubijiet Kollaborattivi u Proġetti tal-Bini tal-kapaċità, pjan ta' kwalità tajba għat-tixrid u l-isfruttament għandu jinkludi objettivi li jitkejlu u realistiċi, skeda ta' żmien dettaljata u jipprovdi ppjanar tar-riżorsi għall-attivitajiet li għandhom jitwettqu. L-involviment ta' gruppi fil-mira fl-attivitajiet se jgħin ukoll biex jimmassimizza l-użu tar-riżultati tal-proġett. Hu importanti li tiġi stabbilita l-istrateġija t-tajba mill-bidu peress li din hi l-mod ewlieni biex titrawwem il-komunikazzjoni mal-udjenzi fil-mira. Tali rekwiżit mhux previst għall-proġetti ta' mobilità. Madankollu, l-organizzaturi tal-proġett huma mistiedna jikkomunikaw l-eżiti tat-tagħlim milħuqa mill-parteċipanti f'tali attivitajiet. Għandhom ukoll iħeġġu lill-parteċipanti biex jaqsmu mal-oħrajn dak li kisbu mill-parteċipazzjoni tagħhom fl-attività ta' mobilità. Finalment, il-parti tat-tixrid tal-Programm mistennija wkoll tgħolli l-kwalità tal-Programm billi tistimula proġetti innovattivi u tikkondividi l-prattiki tajba.

Il-komunikazzjoni hi kunċett usa'. Tinkludi attivitajiet ta' informazzjoni u promozzjoni biex titqajjem kuxjenza u tissaħħaħ il-viżibbiltà tal-attivitajiet tal-proġett, flimkien mat-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati tal-proġett. Madankollu, ħafna drabi diffiċli ssir distinzjoni ċara bejn dawn l-oqsma. Għal din ir-raġuni, l-ippjanar ta' qafas ta' strateġija ġenerali li tkopri żewġ oqsma jista' jkunu mod iżjed effiċjenti biex jiġu sfruttati aktar ir-riżorsi disponibbli. It-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati għandu jifforma parti kruċjali minn kwalunkwe attività ta' komunikazzjoni li ssir matul il-ħajja tal-proġett.

Għaliex hu importanti li jinqasmu r-riżultati tal-proġett? X'inhuma l-benefiċċji usa'?

Iż-żmien meħud biex jiġi żviluppat pjan ta' tixrid u sfruttament se jkun ta' vantaġġ kemm għall-benefiċjarju kif ukoll għas-sħab tiegħu. Minbarra li jtejbu l-profil tal-organizzazzjoni, l-attivitajiet ta' tixrid u sfruttament ħafna drabi jistgħu joħolqu opportunitajiet ġodda biex jestendu l-proġett r-riżultati tiegħu jew jiżviluppaw sħubijiet ġodda għall-ġejjieni. It-tixrid u l-isfruttament b'suċċess jista' jwassal ukoll għal rikonoxximent estern tax-xogħol imwettaq u dan iżid mal-kreditu tiegħu. Il-qsim tar-riżultati se jippermetti lill-oħrajn li jibbenefikaw mill-attivitajiet u l-esperjenzi tal-Programm Erasmus+. Ir-riżultati tal-proġett jistgħu jservu ta' eżempju u jispiraw lill-oħrajn billi juru x'jista' jintlaħaq bil-Programm.

It-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati tal-proġett jistgħu jgħinu biex jinformaw il-politika u l-prattika tal-ġejjieni. It-tixrid u l-isfruttament tal-attivitajiet tar-riżultati mwettqa mill-benefiċjarji se jappoġġjaw l-għan usa' li jittejbu s-sistemi tal-Unjoni Ewropea. L-impatt tal-Programm Erasmus+ jitkejjel mhux biss bil-kwalità tar-riżultati tal-proġett iżda anki bil-firxa sa fejn dawn ir-riżultati huma magħrufa u użati barra s-sħubija tal-proġett. Billi jintlaħqu kemm jista' jkun utenti potenzjali permezz ta' tixrid effettiv, dan se jgħin biex jinkiseb redditu fuq l-investiment.

It-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati tal-proġett iżid wkoll l-għarfien dwar l-opportunitajiet offruti mill-Programm u jenfasizza l-valur miżjud Ewropew tal-attivitajiet appoġġjati minn Erasmus+. Dan jista' jikkontribwixxi għal perċezzjoni pożittiva mill-pubbliku u jħeġġeġ parteċipazzjoni usa' f'dan il-Programm il-ġdid tal-UE. Hu fundamentali li jiġu kkunsidrati l-għanijiet u l-objettivi tal-pjan ta' tixrid u sfruttament. Dawn għandhom jorbtu mal-għanijiet tal-proġett biex jiġi żgurat li l-metodi u l-approċċi użati huma xierqa għall-proġett Erasmus+ u r-riżultati tiegħu, kif ukoll għall-udjenzi fil-mira identifikati. L-għanijiet ta' tixrid u ta' sfruttament jistgħu jkunu li:

  • titqajjem kuxjenza;
  • jiġi estiż l-impatt;
  • jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati u l-gruppi fil-mira;
  • jinqasmu s-soluzzjonijiet u l-kompetenzi;
  • jiġu influwenzati l-politika u l-prattika;
  • jiżviluppaw sħubijiet ġodda.

X'jista' jixxerred u jiġi sfruttat?

Il-pass li jmiss hu li jiġi identifikat x'jista' jixxerred u jiġi sfruttat. Ir-riżultati tal-proġett jistgħu jkunu ta' natura differenti u jikkonsistu kemm f'riżultati konkreti (tanġibbli) kif ukoll f'ħiliet u f'esperjenzi personali li kemm l-organizzaturi kif ukoll il-parteċipanti fl-attivitajiet kisbu (riżultati intanġibbli).

Ir-riżultati tanġibbli jistgħu jinkludu pereżempju:

  • approċċ jew mudell biex tiġi solvuta problema;
  • għodda jew prodott prattiku, bħal manwali, kurrikuli, għodod ta' tagħlim elettroniku;
  • rapporti jew studji ta' riċerka;
  • gwidi jew studji tal-każ dwar prassi tajba;
  • rapporti ta' evalwazzjoni;
  • ċertifikati ta' rikonoxximent;
  • newsletters jew fuljetti ta' informazzjoni.

Sabiex jixxerrdu b'mod usa' l-esperjenzi, l-istrateġiji, il-proċessi, eċċ., hu rrakkomandat li dawn jiġu ddokumentati.

Ir-riżultati intanġibbli jistgħu jinkludu pereżempju:

  • għarfien u esperjenza miksuba mill-parteċipanti, l-istudenti jew il-persunal
  • żieda fil-ħiliet jew il-kisbiet;
  • titjieb fl-għarfien kulturali;
  • ħiliet lingwistiċi aħjar.

Ir-riżultati intanġibbli ħafna drabi huma aktar diffiċli biex jitkejlu. L-użu ta' intervisti, kwestjonarji, testijiet, osservazzjonijiet jew mekkaniżmi ta' awtovalutazzjoni jista' jgħin biex jiġi rreġistrat dan it-tip ta' riżultat.

Min huma l-udjenzi fil-mira?

Hu essenzjali li jiġu identifikati l-gruppi fil-mira, kemm fil-livell ġeografiku differenti (lokali, reġjonali, nazzjonali Ewropew) kif ukoll fil-qasam proprju tal-benefiċjarju (kollegi, sħab, awtoritajiet lokali, organizzazzjonijiet oħrajn li jmexxu l-istess tip ta’ attività, netwerks, eċċ.). L-attivitajiet u l-messaġġi jridu jitfasslu b’mod xieraq billi jitqiesu l-udjenzi u l-gruppi fil-mira, pereżempju:

  • utenti aħħarin tal-attivitajiet tal-proġett u r-riżultati tagħhom;
  • partijiet ikkonċernati, esperti jew prattikanti fil-qasam u partijiet interessati oħrajn;
  • dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew;
  • stampa u media;
  • pubbliku ġenerali.

Il-pjanijiet tal-proġett għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jippermettu lill-gruppi fil-mira u partijiet ikkonċernati oħrajn ikunu involuti matul l-istadji differenti tal-proġett. Dan se jgħin biex jiġi żgurat li l-proġett jibqa’ jsegwi d-direzzjoni tiegħu f’termini tal-ħtiġijiet tagħhom. Il-parteċipazzjoni tagħhom se tenfasizza wkoll il-valur potenzjali tal-proġett tiegħek kif ukoll tgħin tifrex l-aħbarijiet lil partijiet interessati oħrajn madwar l-Ewropa kollha.

Kif għandhom jixxerrdu u jiġu sfruttati r-riżultati?

Sabiex jintlaħqu kemm jista' jkun persuni, hu rrakkomandat li jiġu tradotti kemm jista' jkun materjali ta' komunikazzjoni u l-outputs tal-proġetti fl-akbar ammont ta' lingwi possibbli. Hu rrakkomandat li jiġu koperti l-lingwi kollha tas-sħubija u l-Ingliż; l-ispiża ta' dawn it-traduzzjonijiet tista' tkun inkluża fl-għotja mitluba, jekk ikun hemm bżonn.

Hemm diversi modi kif jixxerrdu u jiġu sfruttati r-riżultati. Li wieħed ikun kreattiv u li jaħseb f'ideat ġodda biex b'hekk il-proġett u r-riżultati tal-Erasmus+ tassew jispikkaw ikun apprezzat. Il-benefiċjarji jistgħu jużaw:

  • il-Pjattaforma tar-Riżultati tal-Proġett Erasmus+ (ara hawn taħt);
  • siti web tal-proġett jew organizzazzjonali;
  • laqgħat u żjarat lill-partijiet ikkonċernati ewlenin;
  • opportunitajiet ta' diskussjoni ddedikati bħal sessjonijiet ta' informazzjoni, sessjonijiet ta' ħidma, seminars (online), korsijiet ta' taħriġ, esibizzjonijiet, wirjiet, jew reviżjonijiet bejn il-pari;
  • materjal miktub immirat bħal rapporti, artikli fi stampa speċjalizzata, bullettini, stqarrijiet għall-istampa, fuljetti jew brochures;
  • media awdjoviżwali u prodotti bħar-radju, it-TV, YouTube, Flickr, filmati, podcasts jew apps;
  • media soċjali;
  • avvenimenti pubbliċi;
  • immarkar u l-logos tal-proġetti;
  • kuntatti u netwerks eżistenti.

F'termini ta' sfruttament, importanti li wieħed jaħseb fuq kif ir-riżultati jistgħu jagħmlu differenza lill-proġett, l-utenti aħħarin, is-sħab jew dawk li jfasslu l-politika. Il-mekkaniżmi ta' sfruttament jinkludu:

  • effetti pożittivi fuq ir-reputazzjoni għall-organizzazzjonijiet parteċipanti;
  • żieda fl-għarfien dwar it-tema, il-mira jew il-qasam ta' xogħol;
  • żieda fl-appoġġ finanzjarju minn sostenituri jew donaturi oħrajn;
  • żieda fl-influwenza fuq il-politika u l-prattika.

Meta għandhom jitwettqu l-attivitajiet ta' tixrid u ta' sfruttament?

It-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati huma parti integrali mill-proġett Erasmus+ matul il-ħajja kollha tiegħu: mill-idea inizjali tal-benefiċjarju, matul il-proġett u anki wara li jkun spiċċa l-finanzjament Ewropew.

Hemm bżonn li tiġi stabbilita skeda ta' żmien tal-attivitajiet flimkien mas-sħab involuti u li jiġi allokat baġit u riżorsi xierqa. Il-pjan għandu:

  • jaqbel fuq miri u dati tal-għeluq realistiċi mas-sħab biex jiġi ssorveljat il-progress;
  • jallinja l-attivitajiet ta' tixrid u ta' sfruttament mal-istadji ewlenin tal-proġett;
  • joffri biżżejjed flessibbiltà biex jirrispondi għall-ħtiġijiet tal-grupp fil-mira kif ukoll żviluppi usa' fil-politika u l-prattika.

Eżempji tal-attivitajiet fi stadji differenti taċ-ċiklu tal-proġett huma:

QABEL ma jibda l-proġett

  • l-abbozzar tal-pjan ta' tixrid u ta' sfruttament;
  • id-definizzjoni tal-impatt u r-riżultati mistennija;
  • il-kunsiderazzjoni ta' kif u ma' min se jsir it-tixrid u l-isfruttament tal-eżiti.

MATUL il-proġett

  • il-kuntatt ma' media rilevanti eż. fil-livell lokali jew reġjonali;
  • it-twettiq ta' attivitajiet regolari bħal sessjonijiet ta' informazzjoni, taħriġ, wirjiet, reviżjonijiet bejn il-pari;
  • il-valutazzjoni tal-impatt fuq il-gruppi fil-mira;
  • l-involviment ta' partijiet ikkonċernati oħra fid-dawl tat-trasferiment tar-riżultati lill-utenti aħħarin/ oqsma/politiki ġodda;
  • żżid banner bil-link għall-karta proġett fi ħdan il-Pjattaforma Proġett Erasmus + fuq il-websajt tal-proġett

FL-ISTADJU TAR-RAPPORT FINALI

WARA l-proġett

  • il-kontinwazzjoni ta' tixrid ulterjuri (kif deskritt hawn fuq);
  • l-iżvilupp ta' ideat għal kooperazzjoni fil-ġejjieni;
  • l-evalwazzjoni tal-kisbiet u l-impatt;
  • il-kuntatt ma' media rilevanti;
  • il-kuntatt ma' dawk li jfasslu l-politika, jekk ikun rilevanti.
  • il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea billi jiġi pprovdut input utli għall-isforzi ta' tixrid u ta' sfruttament tiegħu.

Kif għandu jiġi vvalutat is-suċċess?

Il-valutazzjoni tal-impatt hi parti essenzjali mill-proċess. Tivvaluta l-kisbiet u tiġġenera r-rakkomandazzjonijiet għal titjib fil-ġejjieni. L-indikaturi jistgħu jintużaw biex jitkejjel il-progress lejn l-ilħuq tal-għanijiet. Dawn huma sinjali li jgħinu biex titkejjel il-prestazzjoni. L-indikaturi jistgħu jkunu kemm kwantitattivi relatati man-numri u l-perċentwali kif ukoll kwalitattivi relatati mal-kwalità tal-perċezzjoni u l-esperjenza. Jistgħu jintużaw ukoll kwestjonarji, intervisti, osservazzjonijiet u valutazzjonijiet biex jitkejjel l-impatt. Id-definizzjoni tal-indikaturi relatati mal-attivitajiet differenti tal-proġett għandha tkun prevista fil-bidu tal-proġett u parti mill-pjan ta’ tixrid globali.

Xi eżempji:

  • Fatti u figuri relatati mas-sit web tal-organizzaturi tal-proġett (aġġornamenti, żjarat, konsultazzjoni, kontroreferenzi);
  • Numru ta' laqgħat mal-partijiet ikkonċernati;
  • Numru ta' parteċipanti involuti fid-diskussjonijiet u s-sessjonijiet ta' informazzjoni (sessjonijiet ta' ħidma, seminars, reviżjonijiet bejn il-pari); miżuri ta' segwitu;
  • Produzzjoni u ċirkolazzjoni ta' prodotti;
  • Kopertura tal-media (artikli f'bullettini, stqarrijiet għall-istampa, intervisti ta' stampa speċjalizzata, eċċ.);
  • Viżibbiltà fil-media soċjali u l-attraenza tas-sit elettroniku;
  • Parteċipazzjoni f'avvenimenti pubbliċi;
  • Rabtiet ma' netwerks u sħab transnazzjonali eżistenti; trasferimenti ta' informazzjoni u għarfien;
  • Impatt fuq il-miżuri ta' politika reġjonali, nazzjonali u tal-UE;
  • Feedbaack mill-utenti aħħarin, partijiet ikkonċernati oħra, sħab, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet

Ir-rekwiżiti f'termini ta' tixrid u ta' sfruttament

Rekwiżiti kwalitattivi ġenerali

Skont l-azzjoni, l-applikanti għall-finanzjament minn Erasmus+ huma mitluba li jikkunsidraw l-attivitajiet ta' tixrid u ta' sfruttament fl-istadju ta' applikazzjoni, matul l-attività tagħhom u wara li tkun spiċċat l-attività. Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali lejn ir-rekwiżiti bażiċi stabbiliti fid-dokumentazzjoni uffiċjali tal-Programm Erasmus+.

It-tixrid u l-isfruttament huma waħda mill-kriterji tal-għoti li fuqhom se tiġi vvalutata l-applikazzjoni. Skont it-tip ta' proġett, se jingħata piż differenti fil-valutazzjoni tal-applikazzjoni.

  • Għall-proġetti ta' mobilità, se jintalab l-elenkar tal-attivitajiet ta' tixrid ippjanati u l-identifikazzjoni ta' gruppi fil-mira potenzjali fil-formola ta' applikazzjoni.
  • Għall-proġetti ta' kooperazzjoni, se jintalab u jiġi vvalutat pjan iddettaljat u komprensiv li jiddeskrivi l-miri, l-għodod u l-eżiti. Għalkemm, ġeneralment sieħeb wieħed se jerfa' r-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tat-tixrid u l-isfruttament għall-proġett kollu, ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni għandha tiġi kondiviża fost is-sħab kollha. Kull sieħeb se jkun involut f'dawn l-attivitajiet skont il-ħtiġijiet u r-rwoli fil-proġett.

Għat-tipi ta' proġetti kollha, se jintalab rapportar dwar l-attivitajiet imwettqa biex jiġu kondiviżi r-riżultati ġewwa u barra l-organizzazzjonijiet parteċipanti fl-istadju finali.

Viżibbiltà tal-Unjoni Ewropea u tal-Programm Erasmus+

Il-benefiċjarji għandhom dejjem jużaw l-emblema Ewropea (il-"bandiera tal-UE") u l-isem tal-Unjoni Ewropea miktub b'mod sħiħ fil-materjal ta' komunikazzjoni u promozzjonali kollu. L-għażla ppreferuta għall-komunikazzjoni dwar il-finanzjament tal-UE permezz tal-Programm Erasmus+ hi li jinkiteb "Kofinanzjat mill-Programm Erasmus+ tal-Unjoni Ewropea" ħdejn l-emblema tal-UE.

Eżempji ta' rikonoxximent ta' finanzjament tal-UE u traduzzjonijiet tat-test huma disponibbli fuq http://eacea.ec.europa.eu/about-eacea/visual-identity_en

L-isem tad-ditta ta' Erasmus+ m'għandux jiġi tradott.

Huma disponibbli linji gwida għall-benefiċjarji dwar l-użu tal-emblema tal-UE fil-kuntest ta' programmi tal-UE fuq http://eacea.ec.europa.eu/about-eacea/visual-identity_en

Użu tal-Pjattaforma tar-Riżultati tal-Proġett Erasmus+

Ġiet stabbilita Pjattaforma tar-Riżultati tal-Programm Erasmus+ biex toffri ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-proġetti ffinanzjati mill-Programm u biex tenfasizza l-eżempji ta' prattika tajba u stejjer ta' suċċess. Il-pjattaforma tqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni prodotti/riżultati tanġibbli/outputs intellettwali li huma r-riżultat tal-proġetti ffinanzjati.

L-eżempji ta' prattika tajba se jkunu l-oġġett ta' għażla annwali minn kull Aġenzija Nazzjonali u mill-Aġenzija Eżekuttiva. L-istejjer ta' suċċess huma magħżula minn fost l-eżempji ta' prattika tajba fil-livell ċentrali mid-DĠ EAC.

Il-Pjattaforma tar-Riżultati tal-Proġett Erasmus+ hi maħsuba għal għanijiet differenti:

  • Il-trasparenza, peress li tipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-proġetti kollha ffinanzjati mill-programm (inklużi s-sommarji, iċ-ċifri ta' finanzjament, il-links URL, eċċ);
  • Ir-responsabilità, peress li tagħti aċċess għall-utenti finali u l-prattikanti għar-riżultati tal-proġett;
  • L-ispirazzjoni, peress li turi l-prattiki tajbin u l-istejjer ta' suċċess fost il-benefiċjarji ta' Erasmus+ magħżula kull sena fil-livell nazzjonali u Ewropew.

Għal ħafna mill-proġetti ta' Erasmus+, il-benefiċjarji jintalbu jipprovdu deskrizzjoni fil-qosor tal-proġetti tagħhom bl-Ingliż fl-istadju ta' applikazzjoni.

Is-sommarju tal-proġett hu ta' importanza partikulari peress li jipprovdi deskrizzjoni għall-pubbliku ġenerali. Għalhekk, għandu jiġi abbozzat b'lingwa sempliċi u stil ċar biex b'hekk il-kontenut attwali tal-proġett ikun jista' jinftiehem malajr, anki mill-barranin.

L-elementi li ġejjin għandhom ikunu parti mis-sommarju: il-kuntest/l-isfond tal-proġett; l-objettivi tal-proġett; in-numru u l-profil tal-parteċipanti; id-deskrizzjoni tal-attivitajiet; il-metodoloġija li għandha tintuża fit-twettiq tal-proġett; deskrizzjoni qasira tar-riżultati u l-impatt previst; il-benefiċċji potenzjali fit-tul.

Il-Pjattaforma ta' Tixrid ta' Erasmus+ tista' tiġi kkonsultata fuq: http://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/projects/.