Werrej
Fittex fil-gwida

Sħubijiet Strateġiċi

Il-formati tal-proġetti

Is-Sħubijiet Strateġiċi jappoġġjaw firxa wiesgħa u flessibbli ta' attivitajiet sabiex jimplimentaw prattiki innovattivi, jippromwovu l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet, u jappoġġjaw żviluppi ta' politika fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali.

Huma jistgħu jkunu ta' daqsijiet differenti, u jadattaw l-attivitajiet tagħhom kif xieraq skont l-objettivi tal-proġett, l-organizzazzjonijiet parteċipanti involuti, l-impatt mistenni, u elementi oħra. F'termini simplifikati, din l-azzjoni tippermetti lill-organizzazzjonijiet parteċipanti jiksbu esperjenza fil-kooperazzjoni internazzjonali u jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom, kif ukoll jipproduċu riżultati tanġibbli innovattivi ta' kwalità għolja. Il-valutazzjoni tal-kwalità tal-proġett se tkun proporzjonata għall-objettivi tal-kooperazzjoni u n-natura tal-organizzazzjonijiet involuti.

It-taqsima ta' hawn taħt tipprovdi ideat dwar it-tipi ta' attivitajiet li jistgħu jitwettqu fi ħdan Sħubija Strateġika jew li jippromwovu l-kooperazzjoni transsettorjali jew li jindirizzaw qasam partikolari tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ. Din it-taqsima hija purament illustrattiva u ma żżommx lill-organizzazzjonijiet parteċipanti milli jippjanaw il-proġett tagħhom b'mod differenti.

Attivitajiet

  • kurrikuli, korsijiet, programmi ta’ studju konġunti, moduli komuni (inklużi moduli elettroniċi), integrazzjoni ta’ varjetà akbar ta’ modi ta’ tagħlim (tagħlim fuq distanza, part-time, modulari);
  • tagħlim, taħriġ, materjali u metodi fil-ħidma fost iż-żgħażagħ, approċċi pedagoġiċi u għodod;
  • kollaborazzjoni bbażata fuq il-proġett, tagħlim bejn il-pari, sessjonijiet ta’ ħidma, laboratorji virtwali, spazji ta’ kollaborazzjoni virtwali;
  • bini ta’ kapaċità u attivitajiet ta’ netwerking;
  • elaborazzjoni u implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ kooperazzjoni strateġiċi;
  • attivitajiet ta’ informazzjoni, gwida, ikkowċjar u konsulenza;
  • stħarriġ, analiżijiet komparattivi, ġbir tal-evidenza, studji tal-każijiet mill-ħajja reali;
  • definizzjoni tal-istandards kwalitattivi u profili professjonali/ibbażati fuq il-kompetenza;
  • titjib tal-oqfsa tal-kwalifiki, trasferiment tal-kredits, assigurazzjoni tal-kwalità, rikonoxximent u validazzjoni;
  • attivitajiet ta’ tagħlim u taħriġ (ara l-paragrafu 2 ta’ hawn taħt).

Barra minn hekk, is-Sħubijiet Strateġiċi kollha se jkunu mistennija jwettqu tixrid immirat u wiesa’ tar-riżultati tagħhom b’tali mod li jitħeġġeġ l-użu usa’ tagħhom u jiżdied l-impatt lil hinn mill-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw b’mod dirett fil-proġett. Ir-rekwiżiti għat-tixrid se jkunu proporzjonati għall-objettivi u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett.

L-organizzazzjonijiet, l-istituzzjonijiet minn oqsma differenti tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ, kif ukoll minn setturi soċjoekonomiċi oħra jistgħu jikkooperaw b’mod konġunt sabiex jilħqu - permezz tal-proġetti tagħhom - l-objettivi f’qasam wieħed jew aktar tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ. It-tipoloġiji tal-attivitajiet li ġejjin huma partikolarment sinifikanti f’kull qasam partikolari biex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika deskritti fil-Parti B tal-Gwida, fi ħdan il-konfini settorjali jew bejniethom.

Kooperazzjoni transsettorjali

L-iżvilupp, l-ittestjar, l-adattament u l-implimentazzjoni ta’ prattiki innovattivi marbutin ma’: 

  • Kooperazzjoni strateġika bejn setturi tal-edukazzjoni differenti u negozji lokali/reġjonali, pereżempju biex jiġu investigati l-impjegabbiltà jew il-faċilità tat-tranżizzjoni fil-forza tax-xogħol jew bejn livelli edukattivi;
  • Proġetti tar-riċerka konġunti mwettqin permezz ta’ sħubijiet bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u livelli edukattivi oħrajn, pereżempju dwar il-valutazzjoni jew l-eżiti tat-tagħlim marbutin ma’ kompetenzi trasversali;
  • Kooperazzjoni strateġika bejn il-fornituri tal-edukazzjoni mhux formali/informali, pereżempju marbutin ma’ tagħlim ibbażat fuq l-ICT jew it-tisħiħ tal-integrazzjoni diġitali fit-tagħlim;
  • L-investigazzjoni u l-analiżi ta’ approċċi u ta' metodoloġiji pedagoġiċi koerenti speċjalment dawk li jfornu kompetenzi trasversali (bħall-intraprenditorija) li huma żviluppati fost is-setturi tal-edukazzjoni;
  • Kooperazzjoni transnazzjonali bbażata fuq il-proġetti bejn sħab minn setturi tal-edukazzjoni differenti (pereżempju, is-snin bikrin akkoppjati mas-snin tas-sekondarja għolja) li jinvestigaw l-użu ta’ CLIL1 jew it-tagħlim reċiproku biex jiżdiedu l-kompetenzi lingwistiċi fost l-istudenti ta’ kull età minn oqsma diversi tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ inklużi dawk bi sfond ta’ migrazzjoni;
  • Kooperazzjoni u skambju tal-prattiki bejn il-persunal responsabbli għas-servizzi ta’ appoġġ f’livelli edukattivi differenti (bħal konsulenza ta’ gwida, metodi u għodod ta’ kkowċjar, l-iżvilupp ta’ sistemi li jgħinu sabiex jiġi segwit il-progress tal-istudenti); jew dawk involuti fis-servizzi tal-appoġġ għall-istudenti, biex jiżdiedu l-kwalità u l-koerenza fis-setturi tal-edukazzjoni kollha;
  • Sħubijiet fil-livelli edukattivi kollha li jippromwovu l-aċċess għal Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OER) u t-tagħlim permezz tagħhom billi tiġi kondiviża l-aħjar prattika u bl-iżvilupp tal-OER f’livelli differenti;
  • Proġetti ta’ riċerka konġunti li jinvolvu sħubijiet fis-setturi tal-edukazzjoni u taż-żgħażagħ kollha li jistħarrġu l-potenzjal tal-analitika tat-tagħlim u l-valutazzjoni tal-folla biex tiżdied il-kwalità tat-tagħlim;
  • Kooperazzjoni bejn l-iskejjel, il-fornituri tal-ETV u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja biex jiġu investigati attivitajiet li għandhom l-għan li jippromwovu koerenza msaħħa bejn għodod tal-UE u nazzjonali differenti mħaddma għat-trasparenza u r-rikonoxximent;
  • Kooperazzjoni bejn is-settur taż-żgħażagħ u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja sabiex jiġu ffaċilitati r-rikonoxximent u l-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali u l-permeabilità ta’ dan it-tagħlim fl-oqsma tal-edukazzjoni formali kif ukoll il-permeabilità f’oqsma differenti.

Edukazzjoni għolja

  • L-iżvilupp, l-ittestjar, l-adattament u l-implimentazzjoni ta’ prattiki innovattivi marbutin ma’: 
  • programmi ta’ studji konġunti u kurrikuli konġunti, programmi intensivi u moduli komuni - inklużi moduli elettroniċi - bejn il-membri tas-sħubija minn pajjiżi differenti, dixxiplini u setturi ekonomiċi (pubbliċi/privati), li jiżguraw ir-rilevanza lejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;
  • kollaborazzjoni transnazzjonali bbażata fuq il-proġett bejn l-intrapriżi u l-istudenti/persunal f’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja biex jiġu studjati każijiet li seħħew tassew;
  • approċċi u metodoloġiji pedagoġiċi, speċjalment dawk li jwasslu kompetenzi transversali, mentalità intrapenditorjali u ħsieb kreattiv, inkluż bl-introduzzjoni ta’ approċċi multi-, trans-, interdixxiplinari, li jibnu l-mobilità fit-tagħlim b'mod aktar sistematiku fil-kurrikuli (“mobilità inkorporata”) u permezz ta’ sfruttament aħjar tal-ICT;
  • integrazzjoni ta’ firxa akbar ta’ modi ta’ studju (tagħlim fuq distanza, part-time, modulari), b’mod partikolari permezz ta’ forom ġodda ta’ tagħlim personalizzat, użu strateġiku ta’ riżorsi edukattivi miftuħa u pjattaformi ta’ mobilità virtwali u tagħlim virtwali;
  • approċċi ġodda biex tiġi ffaċilitata l-permeabbiltà bejn is-setturi tal-edukazzjoni (jiġifieri permezz tal-validazzjoni ta’ tagħlim minn qabel u l-possibbiltà ta’ studji modulari ta’ tagħlim flessibbli, tagħlim imħallat eċċ.);
  • metodi u għodda professjonali ta’ gwida, konsulenza u kkowċjar;
  • impenn tal-HEIs mal-awtoritajiet lokali/reġjonali u l-partijiet ikkonċernati l-oħra bbażati fuq ħidma kollaborattiva f’ambjent internazzjonali biex jiġi promoss l-iżvilupp reġjonali u l-kooperazzjoni transsettorjali biex tinbena l-għaqda u jinqasam l-għarfien bejn is-setturi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ formali u informali differenti;
  • kooperazzjoni u skambju ta’ prattika bejn il-persunal responsabbli għas-servizzi ta’ appoġġ, bħall-konsulenza ta’ gwida, metodi u għodod tal-ikkowċjar, l-iżvilupp ta’ sistemi li jgħinu jżommu rekord tal-progress tal-istudent; jew dawk involuti fis-servizzi ta’ appoġġ tal-istudenti, biex tittejjeb il-kwalità (jiġifieri jattiraw u jżommu studenti mhux tradizzjonali, eż adulti, u gruppi sottorappreżentati fl-edukazzjoni għolja);
  • L-iffaċilitar tar-rikonoxximent u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi fil-livell nazzjonali permezz ta’ assigurazzjoni tal-kwalità effettiva bbażata fuq l-eżiti tat-tagħlim u billi jiġu referenzjati ma’ Oqfsa ta’ Kwalifiki Ewropej u nazzjonali.
  • L-iżvilupp ta’ perkorsi flessibbli għall-istudenti u l-gradwati tal-HE, inkluża l-validazzjoni tat-tagħlim preċedenti tagħhom;

Edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali

  • L-iżvilupp, l-ittestjar, l-adattament u l-adozzjoni/l-implimentazzjoni ta’ prattiki innovattivi marbutin ma’:
  • id-definizzjoni/id-definizzjoni mill-ġdid tal-istandards ta’ kompetenza skont l-eżiti tat-tagħlim; l-adattament jew l-iżvilupp ta’ kurrikuli u korsijiet tal-ETV kif xieraq, anki tal-materjal u l-għodod ta’ tagħlim ta’ akkumpanjament;
  • metodoloġiji ta’ tagħlim tal-ETV u approċċi pedagoġiċi speċjalment dawk li jipprovdu kompetenzi ewlenin u ħiliet bażiċi; ħiliet tal-lingwa; iffukar fuq l-użu tal-ICT;
  • forom ġodda ta’ skemi prattiċi tat-taħriġ u studju ta’ każijiet mill-ħajja reali fin-negozju u fl-industrija; l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ kollaborazzjoni transnazzjonali bbażata fuq il-proġett bejn l-intrapriżi u l-istudenti/persunal fl-istituzzjonijiet tal-ETV;
  • l-iżvilupp u l-għoti ta’ materjali u metodi ġodda ta’ tagħlim u taħriġ tal-ETV, inklużi t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, il-mobilità virtwali, ir-riżorsi edukattivi miftuħa u l-isfruttament aħjar tal-potenzjal tal-ICT, eż. it-twaqqif ta’ laboratorji virtwali/il-postijiet tax-xogħol adattati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;
  • metodi u għodda professjonali ta’ gwida, konsulenza u kkowċjar;
  • għodod u metodi għall-professjonalizzazzjoni u l-iżvilupp professjonali tal-għalliema, tat-trainers u tal-persunal tal-ETV; fokus partikolari fuq edukazzjoni inizjali mtejba u taħriġ waqt is-servizz għall-għalliema u t-trainers tal-ETV;
  • l-immaniġġjar u t-tmexxija tal-organizzazzjonijiet tal-ETV;
  • il-kooperazzjoni strateġika bejn il-fornituri tal-ETV u l-komunitajiet tan-negozju lokali / reġjonali, inklużi l-aġenziji tal-iżvilupp ekonomiku;
  • il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-kreattività u l-innovazzjoni bejn il-fornituri tal-ETV, l-HEIs, u ċ-ċentri tad-disinn, l-arti, ir-riċerka u l-innovazzjoni;
  • L-iffaċilitar tar-rikonoxximent u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi fil-livell nazzjonali billi jiġu referenzjati mal-Oqfsa ta’ Kwalifika Ewropej u nazzjonali u bl-użu ta’ strumenti tal-UE; l-iżvilupp ta’ perkorsi flessibbli għall-istudenti u l-gradwati tal-ETV, inkluża l-validazzjoni tat-tagħlim preċedenti tagħhom;
  • L-implimentazzjoni tat-trasferiment tal-kredits (ECVET) u l-assigurazzjoni tal-kwalità (EQAVET) mill-fornituri tal-ETV.

Edukazzjoni fl-iskejjel

  • L-iżvilupp, l-ittestjar, l-adattament u l-adozzjoni/l-implimentazzjoni ta’ prattiki innovattivi marbutin ma’: 
  • kurrikuli, korsijiet, metodi ta’ tagħlim u għodod ġodda;
  • metodoloġiji ta’ tagħlim u approċċi pedagoġiċi speċjalment dawk li jipprovdu kompetenzi ewlenin u ħiliet bażiċi, ħiliet lingwistiċi, u li jiffukaw fuq l-użu tal-ICT;
  • forom ġodda ta’ skemi prattiċi tat-taħriġ u studju ta’ każijiet mill-ħajja reali fin-negozju u fl-industrija;
  • forom ġodda ta’ tagħlim u l-forniment ta’ edukazzjoni u taħriġ, partikolarment użu strateġiku ta’ tagħlim miftuħ u flessibbli, mobilità virtwali, riżorsi edukattivi miftuħa u sfruttament aħjar tal-potenzjal tal-ICT;
  • metodi u għodod ta’ gwida, konsulenza u kkowċjar;
  • għodod u metodi għall-professjonalizzazzjoni u l-iżvilupp professjonali tal-għalliema, tat-trainers u ta’ persunal ieħor; b’fokus partikolari fuq edukazzjoni inizjali mtejba u taħriġ waqt is-servizz għall-għalliema u t-trainers;
  • immaniġġjar u tmexxija tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ;
  • attivitajiet ta’ komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet f’setturi differenti tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ;
  • kooperazzjoni strateġika bejn il-fornituri tat-tagħlim fuq naħa u l-awtoritajiet lokali/reġjonali fuq in-naħa l-oħra;
  • L-iskambju ta’ esperjenzi u prassi tajba, imwettqa f’attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari u f’sessjonijiet ta’ ħidma;
  • It-twettiq ta’ riċerka konġunta, stħarriġ, studji u analiżijiet;
  • L-iffaċilitar tar-rikonoxximent u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi fil-livell nazzjonali billi jiġu referenzjati mal-Oqfsa ta’ Kwalifiki Ewropej u nazzjonali u bl-użu ta’ strumenti ta’ validazzjoni tal-UE.
  • Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u/jew reġjonali tal-iskola minn pajjiżi tal-Programm differenti sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp strateġiku permezz ta’ proġetti li jinvolvu l-iskejjel u l-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà privata u ċivili li huma attivi fis-suq tax-xogħol jew fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ.

Edukazzjoni għall-adulti

  • L-iżvilupp, l-ittestjar, l-adattament u l-adozzjoni/l-implimentazzjoni ta' prattiki innovattivi marbutin ma':
    • kurrikuli, korsijiet, metodi ta' tagħlim u għodod ta' akkumpanjament ġodda għall-istudenti adulti;
    • metodoloġiji ta' tagħlim u approċċi pedagoġiċi għall-istudenti adulti, speċjalment dawk li jipprovdu kompetenzi essenzjali u ħiliet bażiċi; ħiliet tal-lingwa; iffukar fuq l-użu tal-ICT;
    • forom ġodda ta' tagħlim tal-adulti u l-forniment ta' edukazzjoni għall-adulti, b'mod partikolari l-użu strateġiku ta' tagħlim miftuħ u flessibbli, mobilità virtwali, riżorsi edukattivi miftuħa u sfruttament aħjar tal-potenzjal tal-ICT;
    • metodi u għodod ta' gwida, konsulenza u kkowċjar għall-istudenti adulti;
    • għodod u metodi għall-professjonalizzazzjoni u l-iżvilupp professjonali tal-għalliema u l-persunal tal-edukazzjoni għall-adulti; fokus partikolari fuq edukazzjoni inizjali mtejba u taħriġ waqt is-servizz għall-għalliema tal-edukazzjoni għall-adulti;
    • immaniġġjar u tmexxija tal-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni għall-adulti;
    • attivitajiet ta' komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet f'setturi differenti tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ;
    • kooperazzjoni strateġika bejn il-fornituri tat-tagħlim tal-adulti fuq naħa u l-awtoritajiet lokali/reġjonali fuq in-naħa l-oħra;
  • Il-forniment ta' perkorsi flessibbli għall-istudenti adulti inkluża l-validazzjoni tat-tagħlim preċedenti tagħhom:
    • analiżi komparattiva tal-mudelli u tal-approċċi ta' mmaniġġjar jew implimentazzjoni
    • applikazzjoni prattika u ttestjar tal-metodi għall-valutazzjoni tal-għarfien u l-kompetenzi miksuba permezz ta' tagħlim informali u mhux formali
  • It-titjib tal-aċċessibbiltà tal-opportunitajiet ta' edukazzjoni għall-adulti:
    • promozzjoni tal-iżvilupp ta' ċentri ta' tagħlim b'diversi skopijiet u netwerks reġjonali ta' fornituri tat-tagħlim
    • miżuri biex tiġi żvilipputa d-dimensjoni tat-tagħlim tal-organizzazzjonijiet li mhumiex primarjament ikkonċernati bl-edukazzjoni (eż. organizzazzjonijiet kulturali)
    • żvilupp ta' korsijiet ta' taħriġ biex tittejjeb id-disponibbiltà u l-kwalità tal-korsijiet Ewropej ta' taħriġ disponibbli għall-għalliema tal-edukazzjoni għolja, il-maniġers jew persunal tal-edukazzjoni għolja ieħor
  • l-iffaċilitar tar-rikonoxximent u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi fil-livell nazzjonali billi jiġu referenzjati mal-Oqfsa ta' Kwalifika Ewropej u nazzjonali u bl-użu ta' strumenti tal-UE.

Żgħażagħ

  • Attivitajiet ta’ kooperazzjoni fil-ħidma fost iż-żgħażagħ għall-iżvilupp, l-ittestjar, l-adattament u/jew l-implimentazzjoni ta’ prattiki innovattivi fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ. Dawn l-attivitajiet jistgħu jikkonċernaw:
  • metodi, għodod u materjali mmirati lejn it-trawwim tal-kompetenzi ewlenin u l-ħiliet bażiċi taż-żgħażagħ kif ukoll il-ħiliet tal-lingwa u tal-ICT;
  • metodi, għodda u materjali għall-professjonalizzazzjoni u l-iżvilupp professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ (eż. kurrikuli, moduli tat-taħriġ, materjal tar-riżorsi, prattika tajba, strumenti ta’ validazzjoni, eċċ.);
  • modi ġodda ta’ twassil tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u tal-għoti ta’ taħriġ u appoġġ, b’mod partikolari l-użu ta’ tagħlim miftuħ u flessibbli, il-mobilità virtwali, riżorsi edukattivi miftuħa u sfruttament aħjar tal-potenzjal tal-ICT;
  • programmi u għodod fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ immirati lejn il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u t-tluq bikri mill-iskola
  • netwerking strateġiku u kooperazzjoni fost l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u/jew ma’ organizzazzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll fis-suq tax-xogħol;
  • kooperazzjoni strateġika mal-awtoritajiet pubbliċi lokali/reġjonali;
  • Ir-rikonoxximent u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi fil-livell nazzjonali billi jiġu referenzjati mal-Oqfsa ta’ Kwalifikazzjoni Ewropew u Nazzjonali u bl-użu ta’ strumenti ta’ validazzjoni tal-UE.
  • Inizjattivi taż-żgħażagħ transnazzjonali: attivitajiet ta’ kooperazzjoni, trawwim tal-impenn soċjali u tal-ispirtu intraprenditorju, imwettqin b’mod konġunt minn żewġ gruppi jew aktar ta’ żgħażagħ minn pajjiżi differenti (ara hawn taħt).

Iffukar fuq

  • il-kreattività, l-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni;
  • l-użu strateġiku ta' metodoloġijiet tat-Teknoloġiji ta' Informazzjoni u Komunikazzjoni (ICTs) u tal-kollaborazzjoni virtwali;
  • ir-riżorsi edukattivi miftuħa (OER);
  • il-kwalità tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tal-ħidma fost iż-żgħażagħ;
  • l-edukazzjoni tal-intrapredintorija (inkluża l-intraprenditorija soċjali);
  • l-ekwità u l-inklużjoni;
  • il-ħiliet bażiċi u dawk trasversali (il-ħiliet lingwistiċi, il-ħiliet diġitali u l-intraprenditorija)
  • ir-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim fit-tagħlim formali, mhux formali u informali;
  • il-promozzjoni ta' perkorsi ta' tagħlim flessibbli;
  • il-professjonalizzazzjoni u l-iżvilupp professjonali fl-edukazzjoni, fit-tagħlim u fil-ħidma fost iż-żgħażagħ;
  • il-ħiliet ta' mmaniġġjar u tmexxija;
  • il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fis-soċjetà;
  • il-kooperazzjoni interistituzzjonali;
  • il-kooperazzjoni interreġjonali;
  • is-sinerġiji bejn il-politika u l-prattika.

Miri u parteċipanti

  • il-prattikanti;
  • il-persunal attiv fl-edukazzjoni u t-taħriġ;
  • il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ;
  • l-esperti, l-ispeċjalisti, il-professjonali;
  • l-istudenti, it-trainees, l-apprendisti, it-tfal tal-iskola, l-istudenti adulti, iż-żgħażagħ, il-voluntieri;
  • in-NEETs (persuni barra l-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ);
  • iż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet;
  • il-persuni li jitilqu kmieni mill-iskola;
  • min jieħu d-deċiżjonijiet;
  • ir-riċerkaturi.

Sħab li jistgħu jkunu involuti fl-istess proġett 

  • organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ;
  • organizzizzazzjonijiet li jaħdmu f'firxa ta' oqsma u setturi (eż. ċentri tal-ħiliet jew kmamar tal-kummerċ, eċċ.), korpi tas-settur pubbliku;
  • intrapriżi, kumpaniji, rappreżentanti tan-negozju u s-suq tax-xogħol;
  • organizzazzjonijiet komunitarji;
  • korpi tar-riċerka u l-innovazzjoni;
  • organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
  • sħab soċjali.

It-taħriġ u t-tagħlim inkorporati fis-sħubijiet strateġiċi

Is-Sħubijiet Strateġiċi jistgħu jorganizzaw ukoll attivitajiet ta' taħriġ u tagħlim tal-individwi, dment li jġibu magħhom valur miżjud fl-ilħuq tal-objettivi tal-proġett. Uħud minn dawn l-attivitajiet huma partikolarment rilevanti f'qasam wieħed jew iktar tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, u b'mod partikolari

Tip ta’ attività

Rilevanti b’mod partikolari għal

Mobilità mħallta tal-istudenti

L-oqsma kollha tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ

Skambji fuq żmien qasir ta' gruppi ta' tfal tal-iskola

L-edukazzjoni fl-iskejjel, ETV

Programmi ta' Studju Intensiv

L-edukazzjoni għolja

Mobilità ta' studju fuq żmien twil ta' tfal tal-iskola

L-edukazzjoni fl-iskejjel

Assignments ta' tagħlim jew ta' taħriġ fit-tul

L-edukazzjoni superjuri, l-ETV, l-Edukazzjoni skolastika u għall-Adulti

Mobilità fit-tul tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ

Iż-żgħażagħ

Avvenimenti ta' taħriġ konġunti fuq terminu qasir għall-persunal

L-oqsma kollha tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ

It-taqsimiet ta’ hawn taħt jipprovdu deskrizzjonijiet addizzjonali tal-attivitajiet elenkati hawn fuq.

Studenti

Programmi ta' Studju Intensivi (studenti: minn 5 ijiem sa xahrejn persunal tat-tagħlim permanenti/għalliema mistiedna: minn jum sa xahrejn)

Programm ta’ Studju Intensiv (ISP) huwa programm ta’ studju qasir li jlaqqa’ flimkien studenti u għalliema minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja kif ukoll esperti/speċjalisti/professjonisti mistiedna rilevanti oħra sabiex:

  • jitħeġġeġ it-tagħlim effiċjenti u multinazzjonali tas-suġġetti tal-ispeċjalisti;
  • l-istudenti u l-għalliema jkunu jistgħu jaħdmu flimkien fi gruppi multinazzjonali u multidixxiplinari u b’hekk jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ta’ tagħlim speċjali li ma jkunux disponibbli f’istituzzjoni waħda, u biex jiksbu perspettivi ġodda fuq is-suġġett li jkun qed jiġi studjat;
  • il-membri tal-persunal tat-tagħlim ikunu jistgħu jaqsmu l-opinjonijiet dwar il-kontenut ta’ tagħlim, l-approċċi ta’ kurrikuli ġodda, jittestjaw metodi ta’ tagħlim innovattivi li eventwalment jistgħu jsiru parti minn kors jew kurrikulu konġunt imfassal ġdid f’ambjent ta’ klassi internazzjonali.

Il-karatteristiċi mixtieqa tal-ISP huma dawn li ġejjin:

  • l-ISPs għandhom jipprovdu opportunitajiet ta' tagħlim sinifikament ġodda, żvilupp ta' ħiliet, aċċess għall-informazzjoni, u għar-riżultati ta' riċerka avvanzata u għarfien ieħor, eċċ. għall-għalliema u l-istudenti parteċipanti;
  • l-ammont ta' xogħol tal-istudenti parteċipanti għandu jkun rikonoxxut permezz ta' kredits tal-ECTS (jew sistema ekwivalenti);
  • l-ISPs huma mistennija jużaw għodod u servizzi tal-ICT biex jappoġġjaw it-tħejjija u s-segwitu tal-ISP, u b'hekk jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' komunità ta' tagħlim sostenibbli fil-qasam tas-suġġett ikkonċernat;
  • il-proporzjon ta' persunal mal-istudenti għandu jiggarantixxi parteċipazzjoni attiva fil-klassi;
  • għandu jinżamm bilanċ bejn il-parteċipazzjoni tal-studenti u l-persunal transnazzjonali u nazzjonali;
  • l-ISP għandu jippreżenta approċċ multidixxiplinari b'saħħtu, li jħeġġeġ l-interazzjoni tal-istudenti minn dixxiplini akkademiċi differenti;
  • minbarra l-eżiti tat-tagħlim dwar il-kompetenzi relatati mas-suġġett, l-ISP għandu jiffavorixxi t-trasferiment ta' kompetenzi trasversali.

L-għażla tal-parteċipanti tal-ISP (persunal tat-tagħlim u studenti) issir mill-konsorzju ta' Sħubija Strateġija.

In-numru ta' sigħat ta' tagħlim għandu jiżgura li l-maġġoranża ta' ħin imqatta' barra l-pajjiż hija relatata mal-edukazzjoni u t-taħriġ u mhux mar-riċerka jew xi attività oħra.

Mobilità mħallta ta' studenti, trainees, studenti adulti, tfal tal-iskola, żgħażagħ (minn ħamest ijiem sa xahrejn ta' mobilità fiżika)

Attivitajiet li jgħaqqdu flimkien perjodu qasir wieħed jew aktar ta' mobilità fiżika (sa xahrejn b'kollox) mal-mobilità virtwali (jiġifieri l-użu ta' teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni bħal spazji kollaborattivi ta' xogħol, streaming dirett, vidjowkonferenza, midja soċjali, eċċ.. biex jikkomplementaw jew itawlu l-eżiti tat-tagħlim tal-mobilità fiżika).

Jistgħu jintużaw biex iħejju, jappoġġjaw u jsegwu l-mobilità fiżika. Jistgħu jiġu organizzati wkoll biex jindirizzaw persuni bi bżonnijiet speċjali jew b'inqas opportunitajiet biex jgħinuhom jgħelbu l-ostakoli għal mobilità fiżika fit-tul.

Skambji fuq żmien qasir ta' gruppi ta' tfal tal-iskola (minn tlett ijiem sa xahrejn)

Jistgħu jiġu organizzati skambji fuq żmien qasir ta' gruppi ta' tfal tal-iskola (inklużi studenti tal-ETV) bejn skejjel minn pajjiżi parteċipanti differenti fl-istess Sħubija Strateġika. Matul avvenimenti bħal dawn, it-tfal tal-iskola jaħdmu flimkien f'waħda mill-iskejjel sħab u jistgħu jiġu ospitati fil-familji ta' xulxin. Il-ħidma konġunta fuq proġett matul iż-żjarat għandha tkun marbuta mal-miri tal-Isħubija Strateġika. Jekk jogħġbok innota li l-kooperazzjoni bejn l-iskejjel fi sħubija ma għandhiex tkun limitata għal avvenimenti bħal dawn iżda għandha tinkludi attivitajiet online u lokali komuni. L-iskejjel huma mħeġġa jużaw l-eTwinning biex jaħdmu flimkien fuq il-proġett qabel u wara l-avvenimenti ta' mobilità.

It-tfal tal-iskola li jkunu fuq skambji fuq żmien qasir għandhom dejjem ikunu akkumpanjati minn adulti biex tkun żgurata l-protezzjoni u s-sikurezza tagħhom, kif ukoll it-tagħlim effettiv matul l-esperjenza ta' mobilità.

L-avvenimenti konġunti ta' ħidma tal-proġett matul dawn iż-żjarat għandhom jagħtu lit-tfal tal-iskola u lill-għalliema opportunità biex jaħdmu flimkien fuq suġġett wieħed jew aktar li jkun ta' interess reċiproku. Huma jgħinu lit-tfal tal-iskola u lill-għalliema jiksbu u jtejbu l-ħiliet mhux biss fis-suġġett jew il-qasam li hu ffukat il-proġett fuqu, iżda wkoll f'termini ta' xogħol fi grupp, tagħlim interkulturali, relazzjonjiet soċjali, ippjanar u twettiq ta' attivitajiet tal-proġett u l-użu ta' teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni (ICT). Il-parteċipazzjoni f'xogħol konġunt tal-proġett ma' grupp ta' tfal tal-iskola minn skejjel sħab minn pajjiżi differenti jagħti wkoll l-opportunità lit-tfal tal-iskola u lill-għalliema biex jipprattikaw il-lingwi barranin u jżidu l-motivazzjoni tagħhom lejn it-tagħlim tal-lingwi.

Idealment l-attivitajiet tal-proġett għandhom ikunu integrati fl-attivitajiet regolari tal-iskejjel u jiġu inklużi fil-kurrikulu tat-tfal tal-iskola parteċipanti. It-tfal tal-iskola għandhom ikunu kapaċi jiġu involuti fil-fażijiet kollha tal-proġett, inkluż l-ippjanar, l-organizzazzjoni u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet.

Mobilità ta' studju fuq żmien twil ta' tfal tal-iskola (minn xahrejn sa 12-il xahar)

L-għan tal-attività huwa li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-iskejjel involuti fl-istess Sħubija Strateġika. L-attivitajiet ta' mobilità għandhom ikunu marbuta mal-miri tas-Sħubija Strateġika u jeħtieġ li jiġu inkorporati fid-disinn tal-proġett. L-iskejjel huma mħeġġa jużaw l-eTwinning biex jaħdmu flimkien fuq proġett qabel, matul u wara l-attivitajiet ta' mobilità tat-tfal tal-iskola. Dawn il-miżuri għandhom jgħinu biex jimmassimizzaw l-impatt fuq l-iskejjel parteċipanti. L-attività tippermetti lit-tfal tal-iskola jiżviluppaw il-fehim tagħhom tad-diversità tal-kulturi u l-lingwi Ewropej, u jgħinhom jiksbu kompetenzi meħtieġa għall-iżvilupp personali tagħhom. L-iskejjel involuti fis-sħubija għandhom jaħdmu flimkien fl-iżvilupp ta' ftehimiet ta' tagħlim, fir-rikonoxximent tal-istudji mwettqa fl-iskejjel sħab barra l-pajjiż u fit-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni fl-iskejjel. Din l-attività għandha tkun esperjenza pedagoġika internazzjonali siewja għall-għalliema involuti fl-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-mobilità wkoll.

Il-parteċipanti jintgħażlu mill-iskejjel. Huma jridu jkunu tfal tal-iskola ta' mhux anqas minn 14-il sena u jkunu rreġistrati b'mod sħiħ fi skola parteċipanti fis-Sħubija Strateġika. It-tfal tal-iskola magħżula jistgħu jdumu bejn xahrejn u 12-il xahar fl-iskola li tilqa' u mal-familja li tospitahom barra l-pajjiż

Tajjeb li jkun hemm skambju reċiproku ta' tfal tal-iskola bejn l-iskejjel/il-familji ospitanti, iżda dan mhux obbligatorju.

Dawk kollha involuti fil-mobilità tal-istudju - l-iskejjel, it-tfal tal-iskola, il-ġenituri tagħhom u l-familji ospitanti - għandhom jikkonsultaw il-Gwida għall-Mobilità tal-Istudju tat-Tfal tal-Iskola speċifika li għandha l-għan li tgħinhom fl-implimentazzjoni tal-attività u li tiżgura s-sikurezza u l-benessri tat-tfal tal-iskola involuti. Il-Gwida tispeċifika r-rwoli u r-responsabbilitajiet, tagħti gwida u tipprovdi l-mudelli u l-forom meħtieġa għall-parteċipanti. Il-Gwida hija disponibbli bl-Ingliż fuq is-sit web Europa u tradotta fuq is-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali rilevanti.

Appoġġ lingwistiku online

Il-parteċipanti fl-attivitajiet ta' mobilità fit-tul (xahrejn sa 12-il xahar) fi ħdan Sħubija Strateġika jistgħu jibbenefikaw minn preparazzjoni lingwistika. F'dan ir-rigward, se jiġi implimentat appoġġ lingwistiku online gradwalment matul il-Programm. Dan it-tip ta' appoġġ online jingħata mill-Kummissjoni Ewropea lit-tfal tal-iskola magħżula, bl-għan li tiġi vvalutata l-kompetenza tagħhom fil-lingwa li se jużaw biex jistudjaw barra l-pajjiż. Fejn ikun hemm bżonn, din l-għodda toffrilhom ukoll il-possibilità li jtejbu l-għarfien tal-lingwa qabel u/jew matul il-mobilità.

Meta l-appoġġ lingwistiku online jiġi implimentat għall-iskejjel, dan se jingħata kif ġej:

  • L-Aġenziji Nazzjonali jallokaw il-liċenzji online lill-iskejjel skont il-kriterji ġenerali speċifikati mill-Kummissjoni Ewropea.
  • Hekk kif jintgħażlu, it-tfal tal-iskola kollha (minbarra l-kelliema nattivi) li jkunu qed jibbenefikaw mis-servizz online se jwettqu test online li jivvaluta l-kompetenzi tagħhom fil-lingwa li se jużaw biex jistudjaw. Ir-riżultati ta' dan it-test se jiġu kkomunikati lit-tifel/tifla tal-iskola u lill-iskola.
  • Abbażi tan-numru ta' liċenzji online disponibbli għall-korsijiet lingwistiċi, l-iskejjel se jqassmu l-liċenzji skont il-ħtiġijiet
  • Fi tmiem il-perjodu ta' mobilità, it-tfal tal-iskola se jwettqu valutazzjoni oħra biex jitkejjel il-progress li sar fil-lingwa barranija.

Fuq is-siti web tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Aġenziji Nazzjonali hemm disponibbli aktar dettalji dwar l-appoġġ lingwistiku online.

Għal-lingwi mhux koperti mis-servizz tal-Kummissjoni, tista' tingħata għotja speċjali għall-"appoġġ lingwistiku" għal dak il-għan.

Persunal fl-edukazzjoni u t-taħriġ u persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ

Avvenimenti Konġunti ta' taħriġ għall-persunal (minn 3 ijem sa xahrejn)

Avvenimenti konġunti ta’ taħriġ għall-persunal li jippermettu lill-organizzazzjonijiet parteċipanti fis-Sħubija Strateġika li jorganizzaw avvenimenti qosra ta’ taħriġ għall-persunal fl-edukazzjoni u t-taħriġ jew għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ marbuta mat-tema jew l-ambitu tas-Sħubija Strateġika. Dawn għandhom ikunu organizzati għal gruppi żgħar ta’ persunal minn pajjiżi differenti sabiex jimmassimizzaw l-impatt fuq kull organizzazzjoni parteċipanti.

Jista’ jkollhom formati differenti, jiġifieri żjarat ta’ studju li jikkombinaw żjarat fuq il-post lejn organizzazzjonijiet rilevanti, sessjonijiet ta’ ħidma għal diskussjoni, korsijiet ta’ taħriġ, eċċ. Għandu jinżamm bilanċ bejn il-parteċipazzjoni tal-parteċipanti transnazzjonali u nazzjonali.

Assignments ta’ tagħlim u taħriġ (minn xahrejn sa 12-il xahar)

L-għan tal-attività huwa li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet involuti fl-istess Sħubija Strateġika. L-attività tippermetti lill-persunal jiżviluppa l-għarfien u l-fehim tiegħu tas-sistemi Ewropej ta’ edukazzjoni u taħriġ, u tgħinhom jikkondividu u jiksbu kompetenzi, metodi u prattiki professjonali.

Din l-attività tippermetti lill-għalliema/professuri u persunal edukattiv ieħor fl-edukazzjoni fl-iskejjel ġenerali, fl-edukazzjoni għolja, fl-ETV jew fl-edukazzjoni għall-adulti li jaħdmu f’istituzzjoni edukattiva li qed tipparteċipa fi Sħubija Strateġika jwettqu perjodu ta’ xahrejn sa 12-il xahar barra minn pajjiżhom, jgħallmu f’istituzzjoni sieħba jew jimpenjaw ruħhom f’attivitajiet professjonali f’organizzazzjoni sieħba oħra relatata mal-qasam tal-għarfien tagħhom.

L-attività tista’ tikkonsisti f’xogħol f’istituzzjoni/ċentru edukattiv jew f’organizzazzjoni oħra rilevanti (eż. intrapriżi, NGOs, awtoritajiet tal-iskola, eċċ.), parteċipazzjoni f’korsijiet jew seminars strutturati (eż. f’kulleġġi tat-taħriġ tal-għalliema jew l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka), kollokamenti jew perjodi ta’ osservazzjoni f’kumpanija jew organizzazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, tat-taħriġ jew tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.

L-istituzzjoni li tibgħat trid tiżgura proċess tal-għażla li jkun ġust, trasparenti u miftuħ, biex tiżviluppa l-kontenut tal-attività mal-parteċipant u tiżgura rikonoxximent intern u estern sal-aktar punt possibbli ta’ din il-mobilità barra l-pajjiż fuq żmien twil.

Fir-rigward tal-assignments ta’ tagħlim u ta’ taħriġ fl-edukazzjoni għolja, huma eleġibbli t-tipi ta’ organizzazzjonijiet li jibagħtu u li jilqgħu li ġejjin:

  • Għall-mobilità fit-tul tal-persunal għat-tagħlim, l-organizzazzjoni li tibgħat tista’ tkun kwalunkwe organizzazzjoni parteċipanti filwaqt li l-organizzazzjoni li tilqa’ trid tkun HEI parteċipanti.
  • Għall-mobilità fit-tul tal-persunal li qed jirċievi t-taħriġ, l-organizzazzjoni li tibgħat trid tkun HEI parteċipanti filwaqt li l-organizzazzjoni li tilqa’ tista’ tkun kwalunkwe organizzazzjoni parteċipanti.
  • L-organizzazzjonijiet li jibagħtu u li jilqgħu jridu jkunu f’pajjiżi differenti u l-pajjiż li jilqa’ jrid ikun differenti mill-pajjiż ta’ residenza tal-parteċipant.

L-organizzazzjonijiet involuti fis-Sħubija Strateġika jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw ftehimiet ta’ mobilità, biex jirrikonoxxu l-ħidma li titwettaq fl-organizzazzjoni sieħba barra l-pajjiż u biex isaħħu d-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Din l-attività għandha tkun ukoll esperjenza internazzjonali siewja għal dawk involuti fl-organizzazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-attività ta’ mobilità kemm fl-organizzazzjoni li tibgħat kif ukoll b’dik li tilqa’.

Mobilità tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ (minn xahrejn sa 12-il xahar)

Din l-attività tippermetti lill-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ li jesperjenzaw realtà ta’ xogħol differenti minn dik f’pajjiżhom, biex b'hekk jiżdiedu l-kompetenzi professjonali, personali u interkulturali tagħhom. Il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ għandhom il-possibilità li jaħdmu barra pajjiżhom għal perjodu ta’ bejn xahrejn u 12-il xahar u jikkontribwixxu attivament għax-xogħol ta’ kuljum tal-organizzazzjoni li tilqa’, filwaqt li fl-istess ħin jarrikkixxu l-profil tagħhom bħala persuni professjonali fil-qasam.

Dawn l-attivitajiet għandhom ukoll l-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet involuti li jibbenefikaw minn perspettivi u esperjenzi ġodda. L-attivitajiet ta’ mobilità jistgħu jitwettqu kemm bħala attivitajiet individwali (jiġifieri persuna waħda li taħdem maż-żgħażagħ tintbagħat ma’ organizzazzjoni li tilqa’) jew f’pari, bħala skambju reċiproku ta’ persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ (fl-istess żmien jew le) bejn żewġ organizzazzjonijiet sħab.

Appoġġ lingwistiku online

Il-parteċipanti f’attivitajiet fuq żmien twil fi Sħubija Strateġika jistgħu jibbenefikaw minn preparazzjoni lingwistika. F'dan ir-rigward, se jiġi implimentat appoġġ lingwistiku online gradwalment matul il-Programm. Dan it-tip ta’ appoġġ online jingħata mill-Kummissjoni Ewropea lill-persunal u lill-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ magħżula, bl-għan li tiġi vvalutata l-kompetenza tagħhom fil-lingwa li se jużaw biex jistudjaw barra l-pajjiż.

Fejn ikun hemm bżonn, din l-għodda toffrilhom ukoll il-possibilità li jtejbu l-għarfien tal-lingwa qabel u/jew matul il-mobilità.

Meta l-appoġġ lingwistiku online jiġi implimentat għall-persunal u l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, dan se jingħata kif ġej:

  • l-Aġenziji Nazzjonali jallokaw liċenzji online lill-organizzazzjonijiet benefiċjarji skont il-kriterji ġenerali speċifikati mill-Kummissjoni Ewropea.
  • Ladarba jintgħażlu, il-parteċipanti kollha (ħlief kelliema nattivi) li jibbenefikaw mis-servizz online se jwettqu test online biex jiġu vvalutati l-kompetenzi tagħhom fil-lingwa li jkunu se jużaw biex jistudjaw. Ir-riżultati ta’ dan it-test se jiġu kkomunikati lill-parteċipanti.
  • Abbażi tan-numru ta’ liċenzji online disponibbli għall-korsijiet lingwistiċi, l-organizzazzjonijiet se jqassmu l-liċenzji skont il-ħtiġijiet
  • Fi tmiem il-perjodu ta’ mobilità, il-parteċipanti se jwettqu t-tieni valutazzjoni biex ikejlu l-progress li għamlu fil-lingwa barranija.

Fuq is-siti web tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Aġenziji Nazzjonali hemm disponibbli aktar dettalji dwar l-appoġġ lingwistiku online.

Għal-lingwi mhux koperti mis-servizz tal-Kummissjoni, tista’ tingħata għotja speċjali għall-”appoġġ lingwistiku” għal dak il-għan.

Inizjattivi transnazzjonali taż-żgħażagħ

Is-Sħubijiet Strateġiċi fil-qasam taż-żgħażagħ se jappoġġjaw ukoll l-iżvilupp ta’ inizjattivi taż-żgħażagħ transnazzjonali li jrawmu l-impenn soċjali u l-ispirtu intraprenditorjali, imwettqa b’mod konġunt minn żewġ gruppi jew aktar ta’ żgħażagħ minn pajjiżi differenti.

Pereżempju, dawn l-inizjattivi jistgħu jikkonċernaw:

  • l-istabbiliment ta’ (netwerks ta’) intrapiżi soċjali, assoċjazzjonijiet, għaqdiet, NGOs;
  • l-iżvilupp u l-għoti ta’ korsijiet u taħriġ fuq edukazzjoni intraprenditorjali (b’mod partikolari intraprenditorja soċjali u l-użu tal-ICTs);
  • azzjonijiet ta’ informazzjoni, litteriżmu fil-media, ta’ sensitizzazzjoni, jew azzjonijiet li jistimolaw l-impenn ċiviku fost iż-żgħażagħ (eż. dibattiti, konferenzi, avvenimenti, konsultazzjonijiet, inizjattivi b’rabta ma’ suġġetti Ewropej, eċċ.);
  • azzjonijiet għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali (eż. l-appoġġ għall-gruppi vulnerabbli bħall-anzjani, il-minoranzi, il-migranti, il-persuni b’diżabilità, eċċ.);
  • inizjattivi artistiċi u kulturali (drammi teatrali, wirjiet, wirjiet mużikali, fora ta’ diskussjoni, eċċ.).

Inizjattiva taż-Żgħażagħ hi proġett mibdi, stabbilit u mwettaq miż-żgħażagħ stess. Tagħti liż-żgħażagħ l-opportunità li jippruvaw ideat permezz ta’ inizjattivi, li jagħtuhom l-opportunità biex jinvolvu ruħhom b’mod dirett u attiv fl-ippjanar u t-twettiq ta’ proġett.

Il-parteċipazzjoni f’Inizjattiva taż-Żgħażagħ hi esperjenza ta’ tagħlim mhux formali importanti. Waqt l-implimentazzjoni ta’ Inizjattiva taż-Żgħażagħ, iż-żgħażagħ għandhom l-opportunità jindirizzaw sfidi jew problemi speċifiċi li jiltaqgħu magħhom fil-komunitajiet tagħhom. Huma għandhom l-opportunità li jiddiskutu u jirriflettu t-tema magħżula tagħhom f’kuntest Ewropew, biex jikkontribwixxu għall-bini tal-Ewropa.

Inizjattiva taż-Żgħażagħ trid tkun transnazzjonali: netwerking ta’ attivitajiet lokali mwettqa b’mod konġunt minn żewġ gruppi jew aktar minn pajjiżi differenti. Il-kooperazzjoni ma’ sħab internazzjonali f’Inizjattivi taż-Żgħażagħ transnazzjonali hi bbażata fuq ħtiġijiet jew interessi simili, biex jiġu xxerjati l-prattiki u jkun hemm tagħlim bejn il-pari.

L-Inizjattivi taż-Żgħażagħ jippermettu lil numru kbir ta’ żgħażagħ biex isiru inventivi u kreattivi f’ħajjithom ta’ kuljum u biex jitkellmu dwar il-ħtiġijiet u l-interessi lokali tagħhom kif ukoll dwar l-isfidi ffaċċjati mill-komunitajiet li jgħixu fihom.

Iż-żgħażagħ jistgħu jippruvaw l-ideat billi jibdew, jikkonfiguraw jew iwettqu proġett li jaffettwa diversi oqsma mill-ħajja. L-Inizjattivi taż-Żgħażagħ jistgħu jwasslu wkoll għall-awtoimpjegar jew għall-istabbiliment ta’ assoċjazzjoni, NGOs jew korpi oħrajn attivi fil-qasam tal-ekonomija soċjali, mingħajr profitt jew l-oqsma taż-żgħażagħ.

Iż-żgħażagħ li jkunu qed iwettqu Inizjattivi taż-Żgħażagħ transnazzjonali jistgħu jkunu appoġġjati minn kowċ. Kowċ hu persuna ta’ riżorsa li għandha esperjenza fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ jew fl-Inizjattivi taż-Żgħażagħ li jakkumpanja gruppi ta’ żgħażagħ, jiffaċilita l-proċess tat-tagħlim u jappoġġja l-parteċipazzjoni tagħhom. Dan għandu rwoli differenti skont il-ħtiġijiet ta’ grupp partikolari ta’ żgħażagħ.

Il-kowċ jibqa’ barra l-Inizjattiva taż-Żgħażagħ iżda jappoġġja l-grupp taż-żgħażagħ fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-proġett tagħhom abbażi tal-ħtiġijiet tal-grupp. Il-kowċijiet jappoġġjaw il-kwalità tal-proċess ta’ tagħlim u jipprovdu sħubija kontinwa mfassla biex tgħin lil grupp jew lill-individwi jipproduċu riżultati sodisfaċenti fil-proġetti tagħhom.

Kowċ mhuwiex: mexxej tal-proġett; konsulent; membru tal-grupp li jwettaq il-proġett; trainer/espert professjonali li jipprovdi biss appoġġ tekniku f’qasam speċifiku; ir-rappreżentant legali tal-proġett. Jekk l-Inizjattiva taż-Żgħażagħ titwettaq minn tfal minuri, l-appoġġ ta’ kowċ hu obbligatorju.

L-Eżempji ta' Sħubijiet Strateġiċi

Promozzjoni ta' perkorsi ta' tagħlim flessibbli

L-integrazzjoni ta' għarfien prattiku u teoriku f'kurrikuli ta' istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja tista' tipprovdi opportunitajiet għall-istudenti biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa fil-preżent u fil-ġejjieni fis-suq tax-xogħol, u b'hekk itejbu l-impjegabbiltà futura tagħhom. Sħubija Strateġika se tappoġġja kollaborazzjoni bbażata fuq proġett bejn intrapriżi u studenti u persunal fl-HEIs, biex jiżviluppaw, jittestjaw u jadattaw kurrikulu konġunt bejn l-HEIs parteċipanti, abbażi ta' analiżi eżawrjenti tal-ħtiġijiet u li jiffoka fuq approċċ tranżnazzjonali "ibbażat fuq każijiet reali". Dan se jimplika wkoll attivitajiet ta' tagħlim, inkluż l-iskambju ta' persunal bejn l-HEIs u l-intrapriżi, u mobilità integrata ("inkorporata"), fejn l-istudenti jsegwu programm konġunt, li l-komponenti tiegħu huma mgħallma minn sħab differenti u f'postijiet differenti. Ir-riżultat finali huwa t-twassil ta' kurrikulu konġunt u t-tixrid lill-organizzazzjonijiet lil hinn mis-sħubija. Is-sħubija tikkonsisti minn HEIs u intrapriżi, inklużi l-SMEs u l-intrapriżi soċjali, biex tiġi żgurata l-kompetenza meħtieġa kif ukoll l-adegwatezza tal-ħiliet żviluppati fi ħdan il-kurrikulu konġunt.

Żvilupp lokali/reġjonali integrat

L-elaborazzjoni ta' pjanijiet ta' żvilupp lokali/reġjonali tista' tkun ta' benefiċċju kbir mill-involviment tal-partijiet interessati rilevanti kollha. Sħubija Strateġika se tiżviluppa, tittestja u timplimenta pakketti ta' korsijiet innovattivi li jarrikkixxu kull kurrikulu tal-HEIs sħab bl-għan li jwasslu għal ċertifikati doppji jew lawrji doppji. Il-proġett se jinvolvi l-partijiet ikkonċernati ewlenin u jserraħ fuq is-sorveljanza kontinwa tagħhom, b'mod partikolari permezz ta' Grupp ta' Tmexxija speċifiku biex jiżgura li l-bżonnijiet tal-atturi lokali/reġjonali jiġu ssodisfati b'mod konvenjenti. Il-proġett se jimplika wkoll attivitajiet ta' tagħlim, kif ukoll skambju ta' persunal bejn l-HEIs u l-mobilità "mħallta" tal-istudenti. Ir-riżultat finali huwa l-integrazzjoni ta' dawn il-pakketti ta' korsijiet f'kurrikulu u l-għoti ta' ċertifikat/lawrja doppju/a. Is-sħubija tinkludi istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, kif ukoll atturi lokali u awtoritajiet pubbliċi fil-livell lokali.

L-involviment ta' sħab b'inqas esperjenza fl-attivitajiet imwettqa jista' jkun gradwali, filwaqt li jiġi żgurat li, sa mhux aktar tard mill-aħħar sena tal-proġett, is-sħab kollha jiġu integrati fil-pakkett ta' attivitajiet kollu.

Kreattività u innovazzjoni

L-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jaffaċċjaw l-isfidi tal-iżvilupp tal-ħiliet u l-innovazzjoni mingħajr ma neċessarjament ikollhom riżorsi xierqa jew il-viżjoni strateġika biex ilaħħqu mal-kompetizzjoni qawwija tas-suq. Sħubija Strateġika tappoġġja l-firxa ta' kultura kreattiva u innovattiva ġewwa n-negozji żgħar billi tittrasferixxi u timplimenta metodoloġiji, għodod u kunċetti li jħaffu l-iżvilupp organizzazzjonali u l-ħolqien tal-prodotti. Is-sħab mis-setturi kreattivi u mill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jgħinu lil xulxin biex jitgħallmu kif japplikaw il-ħsieb kreattiv b'suċċess fl-organizzazzjonijiet tagħhom u kif jiżviluppaw il-kapaċità għall-innovazzjoni u l-bidla.

Eżitu wieħed tanġibbli hu l-produzzjoni ta' pjanijiet imfassla apposta għall-iżvilupp tal-kreattività u l-innovazzjoni abbażi ta' analiżi preċedenti ta' każijiet u metodoloġiji li rnexxew. Is-sħubija tinkludi setturi kreattivi, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, assoċjazzjonijiet ta' impjegaturi, kmamar tal-kummerċ, l-industrija u l-artiġjanat.

Kwalità tal-edukazzjoni

L-awtoritajiet skolastiċi fl-Iżvezja, id-Danimarka, u r-Renju Unit jissieħbu flimkien biex jipproponu Sħubija Strateġika. L-awtoritajiet lokali identifikaw il-ħtieġa li titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni fix-xjenza, il-matematika u t-teknoloġija, u fasslu proġett li għandu l-għan li jiżviluppa qafas konġunt bħala appoġġ għall-involviment tat-tfal tal-iskola fit-tagħlim. L-objettivi tal-proġett huma li jtejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni fil-matematika u x-xjenzi naturali, u li jżid l-għażla ta' dawn is-suġġetti fis-sekondarja għolja u fl-edukazzjoni għolja. Il-proġett jitmexxa miż-żewġ awtoritajiet lokali, u jinvolvi l-iskejjel primarji u sekondarji inferjuri kollha fl-oqsma rispettivi. Barra minn hekk, l-aworitajiet lokali involvew sħab oħra mill-komunitajiet lokali tagħhom: universitajiet, ċentru tal-midja kif ukoll diversi intrapriżi u assoċjazzjonijiet tan-negozju fl-oqsma tat-teknoloġija, ix-xjenza u l-ambjent. L-attivitajiet tal-proġett jinvolvu skambju ta' persunal bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, bl-għan li jiġu skambjati l-esperjenzi u l-prattiki tajba. Is-sħab jixxerjaw il-materjali u r-riżorsi, u jiżviluppaw unitajiet ta' xogħol transkurrikulari fil-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija li huma ttestjati/implimentanti fl-iskejjel primarji u sekondarji. Is-sħab tan-negozju jistiednu lill-klassijiet tal-iskola għal żjarat ta' studju biex it-tfal tal-iskola jingħataw esperjenza tal-applikazzjonjiet prattiċi varjati tas-suġġetti li qed jaħdmu fuqhom. L­ istudenti universitarji jikkontribwixxu bħala "buddies tal-istudju" għat-tfal tal-iskola, u jipprovdu għajnuna individwali addizzjonali fis-suġġetti kif ukoll iservu ta' rwoli mudell filwaqt li jimmotivaw lit-tfal tal-iskola biex jistudjaw ix-xjenza u t-teknoloġija. Il-proġett jirriżulta f'kooperazzjoni universitarja fuq l-edukazzjoni inizjali tal-għalliema kif ukoll kooperazzjoni pedagoġika ulterjuri u proġetti ġodda bejn l-iskejjel involuti.

Żieda fil-kisba edukattiva

Iż-żieda fil-livell tal-kisba terzjarja, aċċess usa' u l-iffaċilitar tat-tlestija ta' studji ta' edukazzjoni għolja huma sfidi kbar f'diversi pajjiżi. Sħubija Strateġika se tappoġġja l-iżvilupp ta' rotot ta' progress aħjar fl-edukazzjoni għolja u għall-gradwazzjoni, b'fokus speċifiku fuq l-istudenti mhux tradizzjonali, bħall-istudenti minn gruppi sottorappreżentati jew li ġejjin minn sfondi żvantaġġati, billi jiġu ttrasferiti u ttestjati approċċi innovattivi. Is-Sħubija se teżamina kif l-istudenti tas-sekondarja għolja bi sfondi speċifiċi huma ppreparati u ggwidati qabel ma jidħlu fl-edukazzjoni għolja permezz ta' kollaborazzjoni bejn l-HEIs, l-iskejjel u l-istituzzjonijiet attivi fil-qasam tal-ETV. Il-monitoraġġ u l-appoġġ ta' din il-popolazzjoni ta' studenti se jiġu eżaminati wkoll, b'mod partikolari permezz ta' servizzi mfassla apposta (gwida, pariri, taħriġ, eċċ) li jimmiraw lejn il-prevenzjoni tat-tluq bikri u l-inkoraġġiment tal-gradwazzjoni fiż-żmien mistenni. Il-proġett se jinvolvi l-HEIs kif ukoll l-iskejjel ġenerali sekondarja għolja u l-iskejjel tal-edukazzjoni vokazzjonali, filwaqt li jiżgura li s-servizzi offruti huma xierqa u jaqblu mal-ħtiġijiet identifikati. Il-proġett se jimplika wkoll attivitajiet ta' tagħlim, inkluża l-mobilità tal-istudenti "mħallta". Ir-riżultat finali hu l-adattament tal-mudell, l-implimentazzjoni tiegħu mill-HEIs parteċipanti u t-tixrid lill-organizzazzjonijiet li mhumiex parti mis-sħubija, bl-għan b'mod partikolari li jasal għand il-fornituri tal-edukazzjoni u l-persuni ewlenin li jfasslu l-politika.

Innovazzjoni

Sħubija Strateġija se tappoġġja l-iżvilupp ta' approċċi pedagoġiċi ġodda u b'mod partikolari għodod għat-tagħlim elettroniku u pjattaformi kollaborattivi online fejn it-tfal tal-iskola, l-istudenti u l-għalliema se jkunu jistgħu jitgħallmu, jgħallmu u joħolqu flimkien il-kontenut tal-korsijiet. Is-Sħubija magħmula minn universitajiet, skejjel, organizzazzjonijiet ta' riċerka u/jew intrapriżi se tiżviluppa l-għodod li l-iskejjel u l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja se jużaw biex jgħallmu u jitgħallmu dixxiplini speċifiċi f'livelli differenti. L-organizzazzjonijiet ta' riċerka u/jew l-intrapriżi se jkollhom rwol ewlieni jew biex jiżviluppaw l-għodod jew biex jagħmlu l-kontenut aktar rilevanti u konkret. Barra minn hekk, se jiġu organizzati programmi ta' studju intensivi biex jiġu ttestjati l-għodod żviluppati mis-sħubija mal-istudenti u l-għalliema. L-avvenimenti ta' taħriġ konġunti tal-persunal se jippermettu t-taħriġ tal-għalliema fl-użu tal-għodod.

Ħiliet lingwistiċi

Sħubija Strateġika transsettorjali għandha l-għan li tappoġġja dawk il-familji fejn hija mitkellma aktar minn lingwa waħda, billi tiżviluppa riżorsi lingwistiċi għat-tfal biex ikunu jistgħu jaraw il­ benefiċċji li jkunu jafu żewġ lingwi jew aktar, kemm f'termini ta' valur intrinsiku kif ukoll fid-dawl tal-użu konkret li jistgħu jagħmlu minnu. Il-proġett jindirizza lill-partijiet ikkonċernati kollha li jaħdmu mal-familji bilingwi biex b'hekk ikunu jistgħu jxerrdu r-riżorsi tal-proġett lilhom. Titwettaq riċerka biex tittestja l-effiċjenza tal-approċċi pedagoġiċi użati biex jissaħħu l-kompetenzi lingwistiċi ta' tfal multilingwi, kemm fit-tagħlim fil-klassi kif ukoll permezz ta' tagħlim informali. Is-sħab jinkludu università, diversi skejjel, intrapriża żgħira u ta' daqs medju (SME), NGO u assoċjazzjoni ta' istituzzjonijiet tat-tagħlim tal-adulti.

Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni

Proġett transettorjali li għandu l-għan li jiżviluppa viżjoni kondiviża dwar kif l-ICTs jista' jwassal biex it-tagħlim tul il-ħajja jsir realtà għal kulħadd abbażi ta' xenarji u opinjonijiet ibbażati fuq il-ħajja reali. L-użu tal-ICT għat-tagħlim fl-Ewropa qiegħed isir dejjem aktar popolari, iżda biex il-potenzjal tiegħu bħala xprun tal-bidla fl-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna jiġi sfruttat bl-aħjar mod, hemm bżonn li mill-frammentazzjoni u l-pilotaġġ ngħaddu għall-artikulazzjoni u l-adozzjoni ta' sistema. Is-sħab jinkludu firxa ta' istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, organizzazzjonijiet tal-ħiliet li jaħdmu f'għadd ta' oqsma edukattivi differenti.

Kooperazzjoin bejn ir-reġjuni

Awtorità lokali Spanjola, waħda Portugiża, waħda Taljana u oħra Ċeka jissieħbu biex jesploraw il-kawżi tat-tluq bikri mill-iskola fir-reġjuni tagħhom, u biex jiżviluppaw soluzzjonijiet ġodda biex jindirizzawhom. Huma jinvolvu lill-iskejjel sekondarji fir-reġjuni rispettivi tagħhom, kif ukoll żewġ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni tal-għalliema. Huma jixtiequ jindirizzaw aspetti diversi fil-ħajja taż-żgħażagħ billi jħarsu lejn il-problema tat-tluq bikri mill-iskola minn perspettiva usa'. Għalhekk, l-organizzazzjonijiet lokali taż-żgħażagħ u l-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri huma wkoll mistiedna jissieħbu fis-Sħubijia Strateġika. L-awtoritajiet lokali stess huma involuti fuq bażi wiesgħa u transettorjali, inklużi d-dipartimenti tal-edukazzjoni u s-servizzi taż-żgħażagħ u soċjali.

L-għan hu li jiġi stabbilit netwerk permanenti f'kull reġjun biex b'hekk jinġiebu flimkien l-atturi u s-servizzi differenti u jinħoloq mekkaniżmu effettiv ta' appoġġ għaż-żgħażagħ.

L-istituzzjonijiet sħab jaħdmu flimkien permezz ta' laqgħat regolari tal-proġett kif ukoll bħala komunità online. L-ewwel nett, huma jridu jistabbilixxu sa liema punt jeżisti t-tluq bikri mill-iskola fir-reġjun tagħhom u jesploraw il-kawżi għal dan. Imbagħad l-għan hu li jsibu u jimplimentaw modi effettivi kif jappoġġjaw liż-żgħażagħ li jirriskjaw l-esklużjoni. Bħala parti mill-attivitajiet tal-proġett huma jwettqu stħarriġ għat-tfal tal-iskola, l-għalliema u l-familji biex jinvestigaw ir-raġunijiet għat-tluq bikri mill-iskola fil-kuntest lokali. Huma jorganizzaw ukoll sessjonijiet ta' ħidma u seminars biex jesploraw firxa ta' suġġetti, pereżempju l-impatt tal-opportunitajiet tat-tagħlim informali.

B'riżultat ta' dan, jiżviluppaw metodoloġija komuni li hija implimentata fiż-żewġ reġjuni. Tiġi ppubblikata gwida għall-għalliema, it-trainers u l-awtoritajiet lokali b'appoġġ għal dan. Ir-riżultati u l-materjal jiġu xxerjati fuq is-sit web tal-proġett, permezz ta' pubblikazzjonijiet stampati, u permezz ta' konferenza f'kull wieħed mir-reġjuni. B'dan il-mod, il-metodoloġija u r-riżorsi żviluppati mill-proġett jiġu introdotti fi skejjel u awtoritajiet lokali oħrajn.

Ekwità u inklużjoni

L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-istituzzjonjiet, l-iskejjel, il-fornituri tal-ETV u l-awtoritajiet fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ li jaħdmu man-NEETs ("barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ) u ma' dawk li ma jibqgħux jistudjaw, jiltaqgħu bl-għan li jtejbu l-metodoloġija biex aktar żgħażagħ jirritornaw fl-edukazzjoni jew fix-xogħol. Fil-qafas tas-Sħubija Strateġika tagħhom huma jorganizzaw laqgħat transnazzjonali għall-persunal biex ikun hemm skambju tal-prattika u jitfassal il-proġett, kif ukoll biex isiru attivitajiet ta' monitoraġġ tal-impjiegi u żvilupp professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ. Fl-istess ħin, titwettaq kompilazzjoni ta' riċerka fil-qasam, li tiġi diskussa matul laqgħa transnazzjonali fejn jiġi żviluppat manwal finali u jsir l-ippjanar tal-ittestjar u tal-evalwazzjoni tal-metodoloġija mtejba. Biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà u t-tixrid tar-riżultati tal-proġett, is-Sħubija Strateġika tipprevedi konferenzi fil-livelli lokali, nazzjonali u Ewropew, kif ukoll tfassal b'mod konġunt strateġija ta' segwitu.

Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OER)

Il-pumpieri jistgħu jitilfu ħajjithom jew iweġġgħu meta jitfu nirien ġewwa bini li jkun qiegħed jaqbad. Taħriġ prattiku mfassal apposta biex jindirizza sitwazzjonijiet kritiċi ġewwa bini li jkun qiegħed jaqbad jista' jevita aċċidenti letali. Sħubija Strateġika toħloq pakkett tat-tagħlim ibbażat fuq metodoloġija u teknoloġija tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku. Ir-riżultat finali huwa programm ta' tagħlim elettroniku mħallat li jipprovdi taħriġ supplimentari fl-istrateġija għat-tifi tan-nar u tattiki biex tiġi indirizzata l-fażi inizjali tal-intervent biex tinħoloq kapaċità għal rispons ta' emerġenza bikri u effiċjenti. It-tagħlim elettroniku huwa kkombinat ma' eżerċizzji prattiċi. Is-Sħubija Strateġika tinkludi servizzi għat-tifi tan-nar u s-salvataġġ, l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għas-sigurtà pubblika u ovvjament il-fornituri tal-ETV.

Parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fis-soċjetà

Tliet skejjel sekondarji għolja mill-Finlandja, il-Ġermanja u n-Netherlands jsibu lil xulxin fuq il-pjattaforma tal-eTwinning peress li lkoll huma interessati fl-iżvilupp ta' proġett dwar id-demokrazija fl-iskola. It-tliet skejjel jiddeċiedu li japplikaw għal finanzjament għal Sħubija Strateġika. L-għan tal-proġett hu l-iżvilupp tat-tmexxija tal-iskola bl-involviment tal-għalliema, it-tfal tal-iskola u wkoll il-ġenituri fit-teħid tad-deċiżjonijiet fl-iskola. Il-proġett idum tliet snin u, kull sena, l-iskejjel parteċipanti jaraw kif kull wieħed minn dawn il-gruppi huwa involut attwalment fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-iskejjel u kif il-parteċipazzjoni tagħhom tista' realistikament tittejjeb abbażi ta' dak li jitgħallmu mis-sħab tagħhom. Il-proġett huwa appoġġjat mill-maniġment tal-iskola, l-għalliema u l-ġenituri u jinvolvihom b'mod attiv. It-tfal tal-iskola parteċipanti jiżviluppaw l-awtonomija u l-ħiliet tal-ħsieb kritiku tagħhom kif ukoll il-fehim tagħhom ta' kunċetti bħal-libertà, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet. Jirriflettu wkoll dwar kif jistgħu jikkontribwixxu biex jagħmlu l-iskola tagħhom aktar rilevanti għalihom. Permezz tal-attivitajiet tal-proġett, it-tfal tal-iskola jingħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom, jisimgħu l-opinjoni tal-oħrajn, jiddiskutu billi jużaw argumenti rilevanti u jispjegaw id-deċiżjonijiet b'raġunijiet validi. L-attivitajiet tal-proġett isiru kemm permezz tal-proġett TwinSpace fuq is-sit tal-eTwinning kif ukol fiżikament f'żewġ laqgħat fejn grupp ta' tfal tal-iskola minn kull skola jipparteċipaw mal-għalliema tagħhom. Il-maniġment tal-iskola u r-rappreżentanti tal-ġenituri jieħdu sehem ukoll fil-laqgħat. Bejn il-laqgħat dwar il-proġetti, is-sħab jużaw ukoll is-sit tal-eTwinning biex jikkollaboraw fuq l-iżvilupp tal-attivitajiet tal-proġett, jiddiskutu u jikkondividu r-riżorsi. It-tfal tal-iskola jiktbu blogg kollaborattiv fejn jippowstjaw stampi u aġġornamenti dwar l-attivitajiet tal-proġett, kif ukoll opinijonijiet u riflessjonijiet dwar is-suġġetti li qed jaħdmu fuqhom. Il-blogg, il-pjanijiet tat-tagħlim u l-materjal tat-tagħlim żviluppati fil-proġett, kif ukoll xi wħud mix-xogħlijiet tat-tfal tal-iskola, jiġu ppubblikati permezz tal-eTwinning u jkunu disponibbli bħala riżorsa għall-oħrajn li jixtiequ jwettqu proġett simili.

Ħiliet trasversali / ħiliet bażiċi

Bl-għan li jtejbu n-numeriżmu u l-kompetenzi tal-litteriżmu finanzjarju tal-gruppi ta' adulti żvantaġġati (il-migranti, dawk b'ħiliet baxxi, żvantaġġati soċjoekonomikament, eċċ.), l-organizzazzjonijiet ta' edukazzjoni għall-adulti, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali / reġjonali u s-sħab soċjali jiżviluppaw taħriġ aġġornat billi jużaw metodoloġiji u riżorsi ġodda u adegwati ta' taħriġ. L-outputs, bħall-kurrikuli, manwali għat-trainers, u kitts/għodod għall-istudenti adulti huma ttestjati mill-organizzazzjonijiet sħab u vvalidati mill-partijiet ikkonċernati rilevanti. Attività ta' tixrid immirata hija prerekwiżit għal impatt mhux biss fuq il-kompetenzi tal-istudenti adulti, iżda fil-livell lokali/reġjonali peress li l-proġett jista' joffri opportunitajiet ta' tagħlim imfassla apposta għall-gruppi żvantaġġjati li jwasslu għall-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà lokali.

Rikonoxximent u validazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim

L-organizzazzjonijiet sħab jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għall-proċess ta' validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali. Fid-dawl tas-sitwazzjoni differenti tas-sħab, tal-iskambju ta' ideat u tal-esperjenzi, is-Sħubija Strateġika tista' tanalizza l-istat attwali u tipproponi rakkomandazzjonijiet għall-validazzjoni fil-pajjiżi tagħhom.

Żvilupp professjonali u professjonalizzazzjoni fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ

Ispirat mill-prijoritajiet tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, grupp ta' persuni ta' esperjenza li jaħdmu maż-żgħażagħ jistabbilixxu Sħubija Strateġika ma' persuni responsabbli mill-ħidma fost iż-żgħażagħ fil-livell istituzzjonali, gruppi ta' riflessjoni fil-qasam taż-żgħażagħ, istituzzjonijiet edukattivi speċjalizzati fil-ħidma fost iż-żgħażagħ, u r-riċerkaturi, biex joħorġu b'sett ta' dokumenti ta' referenza li jappoġġjaw lill-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fl-attivitajiet tagħhom li jittrattaw is-saħħa mentali taż-żgħażagħ. Fil-qafas tal-proġett, is-sħab kollha jinġabru biex jindirizzaw u janalizza il-kunċetti ewlenin bħala bażi għar-riċerka tagħhom Huma jorganizzaw seminars mal-esperti, laqgħat u żjarat ta' studju biex jiddokumentaw xogħolhom, kif ukoll jiġbru flimkien liż-żgħażagħ u lill-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ li għandhom esperjenza fil-qasam tas-saħħa mentali biex ikun hemm skambju ta' prattika tajba u tal-ideat, bl-għan aħħari li jiġi ppubblikat ktieb hekk kif jintemm il-proġett u jitqassam fost il-prattikanti fil-qasam.

  • 1. Kontenut u tagħlim integrat tal-lingwi