Werrej
Fittex fil-gwida

Proġett ta’ Mobilità għaż-żgħażagħ u għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ

L-Azzjonijiet appoġġjati mill-Programm Erasmus+ fil-qasam taż-żgħażagħ jipprovdu ħafna opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jiksbu kompetenzi u jikbru bħala individwi, permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali.

It-tagħlim mhux formali jirreferi għat-tagħlim li jsir barra l-kurrikulu edukattiv formali. Għandu approċċ parteċipattiv u ffokat fuq l-istudent; jitwettaq mill-istudenti fuq bażi volontarja u għalhekk huwa marbut mill-qrib mal-ħtiġijiet, l-aspirazzjonijiet u l-interessi taż-żgħażagħ. Dawn l-azzjonijiet jipprovdu sors addizzjonali u forom ġodda ta’ tagħlim u għalhekk huma wkoll mezzi importanti biex jittejbu l-kisbiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ formali, biex jiġu indirizzati n-NEETs żgħażagħ (jiġifieri ż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ) jew iż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, u biex tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali.

It-tagħlim informali jirreferi għat-tagħlim fl-attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum, fix-xogħol, mal-kollegi, eċċ. Prinċipalment ifisser li wieħed jitgħallem billi jagħmel. Fis-settur taż-żgħażagħ, it-tagħlim informali jista’ jieħu l-forma ta’ inizjattivi taż-żgħażagħ, fi gruppi ta’ diskussjoni bejn il-pari, permezz ta’ attivitjajiet volontarji u f’firxa sħiħa ta’ sitwazzjonijiet oħra.

It-tagħlim mhux formali u informali jippermetti liż-żgħażagħ jiksbu kompetenzi essenzjali li jikkontribwixxu għall-iżvilupp soċjoedukattiv u personali tagħhom u jrawwem il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-soċjetà, u b’hekk itejjeb il-prospetti ta’ impjieg tagħhom. L-attivitajiet ta’ tagħlim fil-qasam taż-żgħażagħ għandu jkollhom impatt pożittiv sinifikanti fuq iż-żgħażagħ kif ukoll fuq l-organizzazzjonijiet involuti, il-komunitajiet fejn isiru dawn l-attivitajiet, fil-qasam taż-żgħażagħ stess u s-setturi Ewropej ekonomiċi u soċejtali b'mod ġenerali.

Dimensjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali ta’ kwalità għolja hija aspett ewlieni tal-proġetti taż-żgħażagħ kollha appoġġjati mill-Programm Erasmus+. Il-proġetti taż-żgħażagħ iffinanzjati mill-Programm Erasmus+ għandhom isegwu l-prinċipji ta’ tagħlim mhux formali u informali li ġejjin:

  • it-tagħlim f’kuntesti mhux formali huwa ppjanat u volontarju;
  • iż-żgħażagħ u l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ qegħdin jieħdu sehem b’mod attiv fl-ippjanar, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-proġett;
  • l-attivitajiet ta’ tagħlim isiru f’medda varjata ta’ ambjenti u sitwazzjonijiet;
  • l-attivitajiet jitwettqu bl-appoġġ ta’ faċilitaturi professjonali (bħal trainers, persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, esperti fil-qasam taż-żgħażagħ) jew voluntieri (bħal mexxejja taż-żgħażagħ, trainers taż-żgħażagħ, eċċ.);
  • l-attivitajiet ġeneralment jiddokumentaw it-tagħlim b’mod speċifiku, orjentat lejn il-qasam.

L-attivitajiet għandhom ukoll ikunu ppjanati bil-quddiem, u jkunu bbażati fuq metodi parteċipatorji li:

  • joffru spazju għall-interazzjoni tal-parteċipanti, il-qsim tal-ideat, l-evitar ta’ smigħ passiv;
  • jippermettu lill-parteċipanti jikkontribwixxu għall-attivitajiet bl-għarfien u l-ħiliet tagħhom u b’hekk ireġġgħu lura r-rwoli tradizzjonali tal-"esperti" ta’ barra (tibdil fir-rwoli tat-tagħlim, mill-estrazzjoni sal-għoti tas-setgħat);
  • jippermettu lill-parteċipanti jwettqu l-analiżijiet tagħhom, inklużi riflessjonijiet dwar il-kompetenzi miksuba matul l-attività (jiġifieri l-eżiti tat-tagħlim tagħhom);
  • jiżguraw li l-parteċipanti għandhom influwenza fuq id-deċiżjonijiet tal-proġett, mhux sempliċement involviment.

Fl-aħħar nett, l-attivitajiet għandu jkollhom dimensjoni interkulturali/Ewropea u:

  • iħeġġu lill-parteċipanti biex jirriflettu fuq temi Ewropej u jinvolvu ruħhom fil-bini tal-Ewropa;
  • joffru lill-parteċipanti l-opportunità li jidentifikaw valuri komuni ma’ persuni minn pajjiżi differenti minkejja d-differenzi kulturali tagħhom;
  • jisfidaw l-opinjonijiet li jxerrdu l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni;
  • jippromwovu r-rispett tad-diversità kulturali u l-ġlieda kontra r-razziżmu jew il-ksenofobija.

 Skambji taż-Żgħażagħ u l-Mobilità tal-Persuni li jaħdmu maż-Żgħażagħ

Ftehim bejn is-sħab tal-proġett

Huwa ferm rakkomandat li l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha involuti fi proġett ta' mobilità taż-żgħażagħ jiffirmaw ftehim intern bejniethom. Ftehim bħal dan għandu l-għan li jiddefinixxi b'mod ċar ir-responsabbilitajiet, il-kompiti u l-kontribuzzjoni finanzjarja għall-partijiet kollha involuti fil-proġett. Huwa f'idejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti li jiddeċiedu b'mod konġunt fuq kif se titqassam l-għotja tal-UE u liema spejjeż se tkopri.

Ftehim intern jikkostitwixxi strument ewlieni biex jiżgura kooperazzjoni soda u bla xkiel fost is-sħab fi proġett ta' mobilità taż-żgħażagħ, kif ukoll biex jevita jew jittratta kunflitti potenzjali. B'mod indikattiv, għandu jinkludi tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

  • it-titlu u r-referenza tal-proġett tal-ftehim tal-għotja bejn l-organizzazzjoni parteċipanti applikanti u l-Aġenzija li qed tagħmel l-għotja;
  • l-ismijiet u l-kuntatti tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha involuti fil-proġett;
  • ir-rwol u r-responsabbiltajiet ta' kull organizzazzjoni parteċipanti; kif se tinqasam l-għotja tal-UE (skont ir-responsabbiltajiet ta' hawn fuq);
  • il-modalitajiet tal-pagament u t-trasferimenti tal-baġit fost l-organizzazzjonijiet parteċipanti.

Sigurtà u Protezzjoni tal-parteċipanti

Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea

Jekk ikun applikabbli, huwa ferm rakkomandat li ż-żgħażagħ u l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ li jieħdu sehem fil-proġetti ta' mobilità taż-żgħażagħ ikollhom Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea. Din hija kard bla ħlas li tagħti aċċess għall-kura tas-saħħa neċessarja medikament u pprovduta mill-Istat matul soġġorn temporanju fi kwalunkwe wieħed mit-28 pajjiż tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, bl-istess kundizzjonijiet u bl-istess prezz (bla ħlas f'xi pajjiżi) bħal dawk għan-nies assigurati f'dak il-pajjiż. Hi disponibbli aktar informazzjoni dwar il-kard u dwar kif takkwistaha fuq http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=559.

Skambji taż-Żgħażagħ

Il-parteċipanti kollha fi Skambju ta' Żgħażagħ iridu jkunu assigurati kontra r-riskji marbuta mal-parteċipazzjoni tagħhom f'dawn l-attivitajiet. Il-Programm Erasmus+ ma jiddefinixxix format uniku ta' assikurazzjoni, u lanqas ma jirrakkomanda kumpaniji tal-assikurazzjoni speċifiċi. Il-Programm iħalli f'idejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti li jfittxu l-polza ta' assikurazzjoni l-aktar adattata għat-tip ta' attività mwettqa u l-formati tal-assikurazzjoni disponibbli fil-livell nazzjonali.

Barra minn hekk, mhuwiex meħtieġ li tiġi stipulata assikurazzjoni aktar speċifika għall-proġetti, jekk il-parteċipanti jkunu diġà koperti minn poloz ta' assikurazzjoni li ġew stipulati preċedentement minnhom jew mill-organizzazzjonijiet parteċipanti. Fi kwalunkwe ċirkostanza, għandhom jiġu koperti l-oqsma li ġejjin:

  • ir-responsabbiltà tal-pajjiżi terzi għall-mexxejja żgħażagħ (inkluż, fejn ikun xieraq, indennizz professjonali jew assikurazzjoni għar-responsabbiltà);
  • aċċident u mard serju (inkluża l-inkapaċità permanenti jew temporanja);
  • mewt (inkluża r-ripatrijazzjoni fil-każ ta' attivitajiet imwettqa barra l-pajjiż);
  • kull meta jkun rilevanti, assistenza medika, anki wara l-kura u l-assikurazzjoni speċjali għal ċirkostanzi partikolari bħall-attivitajiet fl-apert.

Rekwiżiti tal-viża

Iż-żgħażagħ u l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ li jieħdu sehem fil-proġetti ta' mobilità taż-żgħażagħ jaf ikollhom bżonn jiksbu viża biex jibqgħu barra minn pajjiżhom, fil-Pajjiż tal-Programm jew fil-Pajjiż Sieħeb li jkun qed jospita l-attività.

Hija r-responsabbiltà kollettiva tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha li jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa (viżi ta' soġġorn jew permessi ta' residenza qosra/twal) ikunu kif suppost qabel ma ssir l-azzjoni ppjanata. Huwa ferm rakkomandat li l-awtorizzazzjonijiet jintalbu mill-awtoritajiet kompetenti minn żmien twil qabel, peress li l-proċess jista' jieħu bosta ġimgħat. L-Aġenziji Nazzjonali u l-Aġenzija Eżekuttiva jistgħu jagħtu aktar pariri u appoġġ dwar il-viżi, il-permessi ta' residenza, is-sigurtà soċjali, eċċ.

Rikonoxximent tal-eżiti tat-tagħlim – Youthpass

Kull żagħżugħ, jew ħaddiem żagħżugħ li jieħu sehem fi proġett ta' mobilità taż-żgħażagħ huwa intitolat li jgħaddi mill-proċess tal-Youthpass u mat-tmiem jirċievi ċertifikat tal-Youthpass. Il-Youthpass jidentifika u jiddokumenta l-eżiti tat-tagħlim mhux formali u informali miksuba matul il-proġett. Huwa rakkomandat li tinkorpora l-Youthpass fil-kontenut tat-tagħlim mill-bidu tal-proġett u tużah matul l-attivitajiet tal-proġett bħala għodda biex tgħin il-parteċipanti jsiru aktar konxji ta', jirriflettu fuq u jivvalutaw il-proċess tat-tagħlim tagħhom. Għal appoġġ u aktar informazzjoni dwar il-Youthpass, jekk jogħġbok ikkonsulta l-gwida tal-Youthpass u materjal rilevanti ieħor fuq www.youthpass.eu.

Attivitajiet ta' Volontarjat taħt Proġetti tal-Bini tal-Kapacità fil-qasam taż-żgħażagħ

Akkreditazzjoni

L-akkreditazzjoni hija rekwiżit minimu biex jingħata aċċess għal attivitajiet ta’ volontarjat u biex jiġi żgurat li l-prinċipji u l-istandards tal-kwalità minimi jiġu sodisfatti. Dawn l-istandards huma stabbiliti fil-Karta tal-volontarjat ta’ Erasmu+ u fil-Linji Gwida tal-Akkreditazzjoni.

Kwalunkwe organizzazzjoni minn Pajjiż tal-Programm, pajjiż tal-Balkani tal-Punent, pajjiż min-Nofsinhar tal-Mediterran, pajjiż tas-Sħubija tal-Lvant jew mit-Territorju tar-Russja kif rikonoxxut mil-liġi internazzjonali li tixtieq tibgħat jew tilqa' voluntieri għandha tkun akkreditata.

Il-korpi responsabbli mill-akkreditazzjoni jistgħu jwettqu kontrolli regolari jew puntwali biex jivverifikaw li l-organizzazzjonijiet akkreditati għadhom jissodisfaw l-istandards ta' kwalità tal-volontarjat. Wara dawn il-kontrolli, l-akkreditazzjoni tista' tiġi sospiża jew irtirata b'mod temporanju.

Mill-2019 'il quddiem, l-organizzazzjonijiet ma jistgħux japplikaw għal akkreditazzjoni taħt Erasmus+. Organizzazzjonijiet li ma għandhomx akkreditazzjoni u jixtiequ jieħdu sehem f'attivitajiet ta' volontarjat għandhom japplikaw għal Tikketta ta' Kwalità fil-kuntest tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Tikketta ta' Kwalità tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà bħal din hija valida fil-kuntest tal-attivitajiet ta' volontarjat ta' Erasmus+.

Għażla

L-għażla tal-voluntieri tista' ssir minn kwalunkwe organizzazzjoni involuta fil-proġett (ġeneralment dan il-kompitu jitwettaq mill-organizzazzjoni li tibgħat jew li tikkoordina).

L-attivitajiet ta' Volontarjat taħt il-Bini ta' Kapaċotà fil-qasam taż-żgħażagħ huma miftuħin għaż-zgħażagħ kollha, inklużi l-persuni b'inqas opportunitajiet. Il-voluntieri jridu jintgħażlu b'mod ġust, trasparenti u oġġettiv, irrispettivament mill-grupp etniku, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali, l-opinjoni politika tagħhom eċċ. Ma għandhom ikunu meħtieġa l-ebda kwalifiki preċedenti, livell ta' edukazzjoni, esperjenza speċifika jew għarfien lingwistiku. Jista' jitfassal profil aktar speċifiku tal-voluntier, jekk dan ikun iġġustifikat min-natura tal-kompiti tal-attività jew mill-kuntest tal-proġett.

Ftehim mal-voluntier

Qabel ma jitlaq, kull voluntier irid jiffirma Ftehim tal-Volontarjat mal-organizzazzjoni li tikkoordina. Dan il-ftehim jiddefinixxi l-kompiti li l-voluntier se jwettaq matul l-attività ta' volontarjat, l-eżiti tat-tagħlim maħsuba, eċċ. Il-Ftehim tal-Volontarjat jibqa' dokument intern fost is-sħab u l-voluntieri; madankollu jista' jintalab mill-Aġenzija Eżekuttiva.

Sigurtà u Protezzjoni tal-parteċipanti

Il-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea

Il-voluntieri għandu jkollhom Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea. Din hija karta bla ħlas li tagħti aċċess għall-kura tas-saħħa neċessarja medikament u pprovduta mill-Istat matul soġġorn temporanju fi kwalunkwe wieħed mit-28 pajjiż tal-UE u l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, bl-istess kundizzjonijiet u bl-istess spiża (bla ħlas f'xi pajjiżi) bħal persuni assigurati f'dak il-pajjiż. Aktar informazzjoni dwar il-karta u kif tiksibha hija disponibbli fuq is-sit http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=559&langId=mt.

Assigurazzjoni tal-Volontarjat

Kull voluntier għandu jkun irreġistrat fl-Assigurazzjoni1 tal-volontarjat prevista mill-Programm Erasmus+, li tikkumplimenta l-kopertura tal-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea obbligatorja u/jew is-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali.

Dawk il-voluntieri li mhumiex eliġibbli għall-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea huma intitolati li jirċievu kopertura sħiħa permezz tal-Assigurazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea. L-organizzazzjoni li tikkoordina, b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet li jibagħtu u li jirċievu, hija responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-voluntier(i). Din ir-reġistrazzjoni għandha ssir qabel it-tluq tal-voluntier(i) u tkopri t-tul ta' żmien tal-attività.

Informazzjoni dwar il-kopertura u l-appoġġ disponibbli permezz tal-assigurazzjoni għall-voluntieri, kif ukoll l-istruzzjonijiet għar-reġistrazzjoni huma disponibbli fuq is-sit web tal-Aġenzija Eżekuttiva.

Rekwiżiti tal-viża

Il-voluntieri jistgħu jkunu meħtieġa jiksbu viża biex imorru joqogħdu fil-Pajjiż tal-Programm jew fil-Pajjiż Sieħeb li jospita l-attività.

Hija r-responsabbiltà kollettiva tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha li jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa (viżi ta' soġġorn jew permessi ta' residenza għal żmien qasir/fit-tul) ikunu kif suppost qabel ma ssir l-attività ppjanata. Huwa rakkomandat bis-sħiħ li l-awtorizzazzjonijiet jintalbu mill-awtoritajiet kompetenti minn qabel sew, peress li l-proċess jista' jieħu bosta ġimgħat. L-Aġenzija Eżekuttiva tista' tagħti aktar pariri u appoġġ dwar il-viżi, il-permessi ta' residenza, is-sigurtà soċjali, eċċ.

Mentoraġġ

Appoġġ personali permezz tal-mentoraġġ għandu jiġi pprovdut lill-voluntieri. Il-persuna ewlenija responsabbli għall-mentoraġġ hi mentor, maħtur mill-Organizzazzjoni li Tirċievi jew li Tikkoordina. Il-mentoraġġ jikkonsisti f'laqgħat regolari biex jiġi segwit il-benesseri personali tal-voluntier fi ħdan l-Organizzazzjoni Li Tirċievi kif ukoll barra minnha. Il-mentoraġġ huwa mmirat lejn il-voluntier individwali u għalhekk il-kontenut u l-frekwenza tal-laqgħat ivarjaw skont il-ħtiġijiet individwali. Suġġetti possibbli tal-laqgħat tal-mentoraġġ: benesseri personali, benesseri fit-tim, sodisfazzjon tal-kompiti, prattikalitajiet eċċ. Proċess ta' Mentoraġġ Intensifikat "Mentoraġġ Imsaħħaħ" jista' jkun neċessarju biex jappoġġja liż-żgħażagħ b'anqas opportunitajiet, jekk ma jistgħux jimplimentaw attività volontarja indipendentament/b'mentoraġġ regolari jew b'appoġġ ta' tutoraġġ. Il-Mentoraġġ Imsaħħaħ jinvolvi kuntatt eqreb u aktar laqgħat mal-voluntieri kif ukoll iħalli aktar żmien biex jiġu implimentati l-kompiti tal-mentoraġġ regolari, filwaqt li jiggarantixxi appoġġ pass b'pass għall-voluntieri matul l-attivitajiet tal-proġetti kif ukoll barra mill-ħin tax-xogħol. Il-Mentoraġġ Imsaħħaħ huwa mmirat lejn l-implimentazzjoni b'suċċess tal-proġett u jgħin lill-voluntier biex jikseb l-akbar awtonomija possibbli f'dan.

Taħriġ qabel it-tluq

Il-kwalità tat-tħejjija tal-parteċipanti hi element essenzjali għall-implimentazzjoni ta' proġett li jirnexxi. F'dan ir-rigward, jingħata taħriġ qabel it-tluq lill-voluntieri. It-taħriġ qabel it-tluq huwa r-responsabbiltà tal-organizzazzjonijiet parteċipanti (ġeneralment l-organizzazzjoni li tibgħat jew l-organizzazzjoni li tikkoordina) u jagħti lill-voluntieri opportunità biex jitkellmu dwar l-aspettattivi tagħhom, jiżviluppaw il-motivazzjoni u l-objettivi ta' tagħlim tagħhom, jifhmu aħjar il-proċess tal-Youthpass u l-valur tal-validazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim tagħhom, u jiksbu informazzjoni dwar il-pajjiż li qed jilqagħhom u dwar il-Programm Erasmus+.

Taħriġ meta jaslu u Evalwazzjoni f'Nofs it-terminu

Il-voluntieri għandhom id-dritt u l-obbligu li jipparteċipaw f'taħriġ meta jaslu u evalwazzjoni f'nofs it-terminu. Ir-responsabbiltà għall-organizzazzjoni tat-taħriġ tiddependi fuq fejn se jsiru l-avvenimenti:

  • fil-Pajjiżi tal-Programm: it-taħriġ/l-evalwazzjoni huma organizzati mill-Aġenziji Nazzjonali;
  • f'Pajjiżi Sħab ġirien tal-UE (ir-reġjun 1-4): it-taħriġ/l-evalwazzjoni hija organizzata rispettivament miċ-Ċentri ta' Riżorsi SALTO SEE, SALTO EECA u SALTO Euromed2 fil-pajjiżi koperti minn kull wieħed miċ-ċentri rispettivament;
  • f'Pajjiżi Sħab oħra: ma jiġux organizzati sessjonijiet ta' taħriġ u evalwazzjoni mill-Aġenziji Nazzjonali jew SALTOs. Hija responsabbiltà tal-organizzazzjonijiet parteċipanti li jiżguraw li l-voluntieri jirċievu taħriġ mal-wasla u li jingħataw post fejn iwettqu evalwazzjoni ta' nofs il-perjodu tal-esperjenza tagħhom. F'dan ir-rigward, għall-attivitajiet organizzati fi ħdan il-qafas tal-Bini ta' Kapaċità fil-qasam taż-żgħażagħ, l-ispejjeż marbutin ma' din it-tħejjija jistgħu jiġu koperti taħt l-element "spejjeż tal-attività".

Fi kwalunkwe każ, il-benefiċjarji dejjem huma mħeġġa jipprovdu opportunitajiet ta' taħriġ u evalwazzjoni addizzjonali lill-voluntieri, anki jekk ma jiġu allokati ebda fondi speċifiċi għal dak l-għan fl-għotja għall-proġett. Il-fornituri rilevanti kollha tal-attivitajiet ta' taħriġ u evalwazzjoni għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-Youthpass.

Barra minn hekk, f'każijiet ta' bżonnijiet ġustifikati, jista' jiġi organizzat taħriġ mal-wasla għall-attivitajiet għal żmien qasir li jinvolvu żgħażagħ b'inqas opportunitajiet mill-organizzazzjonijiet parteċipanti. L-ispejjeż marbuta ma' sessjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu koperti taħt l-element "spejjeż eċċezzjonali" għal attivitajiet li jinvolvu żgħażagħ b'inqas opportunitajiet (ara t-taqsima "regoli dwar il-finanzjament" fil-Parti B ta' din il-Gwida).

Rikonoxximent tal-eżiti tat-tagħlim – Youthpass

Kull voluntier li jieħu sehem fi proġett ta' attivitajiet ta' volontarjat huwa intitolat li jgħaddi mill-proċess tal-Youthpass u mat-tmiem jirċievi ċertifikat tal-Youthpass. Il-Youthpass jidentifika u jiddokumenta l-eżiti tat-tagħlim mhux formali u informali miksuba matul il-proġett. Huwa rakkomandat li tinkorpora l-Youthpass fil-kontenut tat-tagħlim mill-bidu tal-proġett u tużah matul l-attivitajiet tal-proġett bħala għodda biex tgħin il-parteċipanti jsiru aktar konxji ta', jirriflettu fuq u jivvalutaw il-proċess tat-tagħlim tagħhom. Għal appoġġ u aktar informazzjoni dwar il-Youthpass, jekk jogħġbok ikkonsulta l-gwida tal-Youthpass u materjal rilevanti ieħor fuq www.youthpass.eu/.