Werrej
Fittex fil-gwida

Proġett ta’ mobilità għall-persunal tal-edukazzjoni skolastika

Il-proġetti ta’ mobilità jippermettu lill-iskejjel jagħtu lill-għalliema tagħhom u persunal edukattiv ieħor opportunitajiet u inċentivi biex jiksbu kompetenzi ġodda marbuta mal-ħtiġijiet tal-iskola. Il-maniġment tal-iskola għandu jkollu rwol attiv fl-ippjanar, l-appoġġ u s-segwitu tal-proġett ta’ mobilità.

Sabiex jiġi żgurat u massimizzat l-impatt ta’ dawn l-attivitajiet fuq l-iżvilupp professjonali tal-persunal kollu, l-iskejjel għandhom jiżguraw li wara l-mobilità, il-kompetenzi miksuba mill-persunal tagħhom jixxerrdu sew fl-iskejjel kollha u jiġu integrati fil-prattika ta’ tagħlim tal-iskejjel.

Qabel ma japplikaw, l-iskejjel għandhom jaħsbu b’attenzjoni dwar kemm mill-persunal tagħhom jista’ realistikament jieħu sehem fid-durata tal-proġett (jiġifieri sena jew sentejn), x’tip ta’ attivitajiet jieħdu sehem fihom u kif dawn l-attivitajiet jistgħu jingħataw segwitu effettiv lura f’pajjiżhom. Fl-istadju ta’ applikazzjoni, l-organizzazzjonijiet applikanti sejjer ikollhom jipprovdu n-numri, it-tipi u l-pajjiżi ta’ destinazzjoni indikattivi tal-attivitajiet ta’ mobilità ppjanati.

Jekk l-Aġenzija Nazzjonali tagħżel il-proġett ta’ mobilità u tikkonferma l-baġit mitlub, il-benefiċjarji jistgħu jibdew l-għażla tal-parteċipanti u l-organizzazzjoni ddettaljata tal-attivitajiet.

Appoġġ organizzazzjonali

L-għotja għal appoġġ organizzazzjonali hija kontribuzzjoni għall-ispejjeż imġarrba mill-istituzzjoni fir-rigward tal-attivitajiet bħala appoġġ tal-mobilità tal-persunal. Pereżempju:

  • it-tħejjija u s-segwitu tal-Pjan Ewropw għall-Iżvilupp;
  • l-arranġamenti organizzazzjonali mal-istituzzjonijiet sħab (prinċipalment fil-każ tal-monitoraġġ tal-impjiegi u l-inkarigi ta’ tagħlim);
  • l-għoti ta’ informazzjoni u assistenza lill-persunal;
  • l-għażla tal-persunal għall-attivitajiet ta’ mobilità;
  • it-tħejjija tal-ftehimiet ta’ mobilità biex tiġi żgurata l-kwalità u r-rikonoxximent tal-attivitajiet ta’ mobilità;
  • it-tħejjija lingwistika u interkulturali għall-persunal mobbli;
  • it-tħaffif tal-integrazzjoni tal-persunal mobbli li ġej fl-iskola;
  • l-iżgurar ta’ arranġamenti ta’ mentoraġġ u superviżjoni effiċjenti tal-parteċipanti mobbli;
  • l-appoġġ tal-integrazzjoni mill-ġdid tal-parteċipanti mobbli u l-bini tal-kompetenzi ġodda li kisbu għall-benefiċċju tal-iskola, it-tagħlim tal-persunal u t-tfal tal-iskola.

Qabel il-mobilità

Pjan ewropew għall-iżvilupp

Qabel ma tapplika, skola jew koordinatur ta’ konsorzju tal-mobilità nazzjonali jridu jiżviluppaw Pjan Ewropew għall-Iżvilupp; dan il-pjan huwa parti mill-formola ta’ applikazzjoni. Din it-taqsima tindika kif l-attivitajiet ta’ mobilità ppjanati huma inklużi fi strateġija usa’ u fit-tul ta’ żvilupp u modernizzazzjoni tal-iskola/skejjel involuti fil-proġett.

Il-Pjan Ewropew għall-Iżvilupp sejjer ikun parti importanti mill-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal għotja u għandu jipprovdi informazzjoni dwar:

  • il-ħtiġijiet tal-iskola/skejjel f’termini ta’ żvilupp tal-kwalità u internazzjonalizzazzjoni (eż. fir-rigward tal-kompetenzi tal-maniġment, il-kompetenzi tal-persunal, metodi ta’ tagħlim jew għodod ġodda, id-dimensjoni Ewropea, il-kompetenzi lingwistiċi, il-kurrikulu, l-organizzazzjoni tat-tagħlim u t-taħriġ, it-tisħiħ tar-rabtiet mal-istituzzjonijiet sħab) u kif l-attivitajiet ippjanati sejrin jikkontribwixxu biex jiġu ssodisfati dawn il-ħtiġijiet;
  • l-impatt mistenni fuq it-tfal tal-iskola, l-għalliema u persunal ieħor, u fuq l-iskola b’mod globali;
  • il-mod li bih l-iskejjel sejrin jintegraw il-kompetenzi u l-esperjenzi miksuba mill-persunal tagħhom fil-kurrikulu u/jew il-pjan ta’ żvilupp tal-iskola tagħhom;
  • il-mod li bih eTwinning sejjer jintuża b’rabta mal-attivitajiet ta’ mobilità ppjanati, jekk ikun rilevanti (ara wkoll it-taqsima ta’ hawn taħt).

eTwinning

b. etwinning

eTwinning jippromwovi l-kollaborazzjoni bejn l-iskejjel u n-netwerking tal-iskejjel fl-Ewropa permezz tal-użu tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT). Jipprovdi pariri, ideat u għodod biex jagħmilha aktar faċli għall-iskejjel biex jistabbilixxu sħubijiet u jibdew proġetti kollaborattivi fi kwalunkwe qasam ta’ suġġett.

B’rabta ma’ proġett ta’ mobilità, eTwinning jippermetti li:

  • jinstabu sħab/organizzazzjonijiet riċeventi potenzjali minn barra ’l pajjiż u jaħdmu magħhom qabel ma japplikaw għal finanzjament, sabiex tittejjeb il-kwalità u l-impatt tal-proġetti ppjanati;
  • jintużaw l-għodod tal-proġett disponibbli biex jiġu implimentati proġetti aktar strateġiċi u jiġu sfruttati aħjar il-kontributi mill-isħab;
  • jiġi ppreparat il-persunal li sejjer, pereżempju permezz ta’ komunikazzjoni mal-organizzazzjoni riċeventi (aktar tagħlim dwar il-pajjiż riċeventi u l-organizzazzjoni riċeventi, diskussjoni u qbil fuq attivitajiet li għandhom jitwettqu), parteċipazzjoni f’avvenimenti ta’ tagħlim online relatati mal-mobilità tagħhom;
  • kooperazzjoni intensiva bejn l-iskejjel kollha involuti matul u wara l-proġett ta’ mobilità tal-persunal.

Ma hemm bżonn tal-ebda applikazzjoni formali biex jintuża eTwinning; kulma jridu jagħmlu l-iskejjel huwa li jirreġistaw fil-portal ta’ eTwinning: http://www.etwinning.net. Il-portal Ewropew tal-eTwinning huwa websajt kompletament multilingwali li toffri għodod u servizzi kollaborattivi li bihom l-għalliema jirreġistraw, isibu sħab u jaħdmu flimkien. Iservi wkoll bħala punt ta’ kuntatt fejn l-għalliema interessati kollha jistgħu jaqsmu r-riżorsi, jiddiskutu u jsibu skejjel sħab.

eTwinning jassisti lill-iskejjel kemm fil-livell Ewropew, permezz tas-Servizz ta’ Appoġġ Ċentrali, u fil-livell nazzjonali, permezz tas-Servizzi ta’ Appoġġ Nazzjonali. L-għalliema kollha jistgħu jibbenefikaw mis-servizzi, it-taħriġ, ir-rikonoxximent u l-għodod ipprovduti mis-Servizzi ta’ Appoġġ nazzjonali u Ewropej ta’ eTwinning. Għal aktar informazzjoni dwar dawn is-Servizzi, ara wkoll it-taqsima "X’korpi oħra huma involuti fl-implimentazzjoni tal-Programm?". fil-Parti A ta’ din il-Gwida.

Il-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-persunal

Għażla

L-iskola mittenti hija responsabbli għall-għażla tal-persunal li jwettaq l-attivitajiet ta’ mobilità. Il-proċedura ta’ għażla trid tkun ġusta, trasparenti, koerenti u ddokumentata u għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet kollha involuti. Il-profil tal-parteċipanti għandu jikkorrispondi għall-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fil-Parti B ta’ din il-gwida. L-iskola mittenti għandha tiddefinixxi l-proċedura ta’ għażla, jiġifieri kif il-persunal sejjer ikun mistieden japplika, id-dokumentazzjoni li l-applikanti jeħtieġ li jissottomettu u kif sejra tiġi ttrattata.

L-iskola għandha tiddefinixxi l-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati fil-proċess tal-għażla. Il-kriterji ġenerali jistgħu jkunu: il-motivazzjoni, miri ċari għall-mobilità, ir-rieda li tinqasam l-esperjenza mar-ritorn lura. Huwa ferm rrakkomandat li jitwaqqaf kumitat għall-għażla, li jista’ jinvolvi wkoll persuni esterni, aktar milli jitħalla membru tal-persunal wieħed jieħu d-deċiżjoni waħdu.

Minbarra dawn il-kriterji ġenerali, jaf ikun hemm kriterji speċifiċi marbuta man-natura jew l-iskop tal-proġett ta’ mobilità (jiġifieri r-rilevenza tal-attivitajiet ippjanati minn membru tal-persunal individwali għall-ħtiġijiet tal-iskola u kriterji oħra ddefiniti mill-iskola).

Kemm il-kriterji ġenerali kif ukoll dawk speċifiċi għandhom ikunu maqbula u kondiviżi minn dawk kollha involuti fil-proċess tal-għażla u għandhom jiġu kkomunikati b’mod ċar lill-applikanti. Il-qsim u d-diskussjoni tal-kriterji ta 'għażla u l-ġustifikazzjoni tagħhom mal-organizzazzjoni riċeventi jistgħu jiffaċilitaw it-tħejjija tal-attivitajiet. Għandu jkun hemm rekord bil-miktub tal-proċess ta’ għażla fil-każ ta' ilmenti interni possibbli.

Ftehim ta’ mobilità

Meta l-parteċipant jintgħażel, bl-għajnuna tal-iskola mittenti (u l-organizzazzjoni sieħba, jekk il-mobilità hija inkarigu ta’ tagħlim jew monitoraġġ tal-impjieg) dan għandu jaqbel formalment fuq it-tip ta’ taħriġ li għandu jitwettaq u l-kontenut tiegħu, jiċċara kif ser jipprepara għal dan it-taħriġ, kif l-għarfien/kompetenzi miksuba sejrin jixxerrdu fl-iskola u barra, u x’sejrin ikunu l-benefiċċji tal-parteċipazzjoni fil-livell istituzzjonali u individwali. Għandhom jaqblu wkoll fuq kif it-taħriġ sejjer jiġi evalwat u rikonoxxut mill-iskola mittenti. Dan il-ftehim għandu jiġi stabbilit qabel il-bidu ta’ attività ta’ mobilità. L-għan tiegħu huwa li l-iskola mittenti, l-organizzazzjoni riċeventi u l-parteċipant jiċċaraw l-aspettattivi u jiżguraw li s-soġġorn barra ’l pajjiż iħalli l-frott.

Għodda għall-mobilità+

Malli jkun possibbli meta jintgħażlu l-pateċipanti, l-organizzazzjoni benefiċjarja trid tikkodifika informazzjoni ġenerali dwar il-parteċipant u t-tip ta’ attività(jiet) ta’ mobilità li ser iwettaq (eż. isem il-parteċipant, destinazzjoni, dewmien tal-mobilità, eċċ.) fl-Għodda ta’ Mobilità+. L-Għodda ta’ Mobilità+ ser issostni lill-benefiċjarju fil-ġestjoni tal-attivitajiet ta’ mobilità Erasmus+. L-organizzazzjoni benefiċjarja hija responsabbli wkoll mill-aġġornament tal-Għodda ta’ Mobilità+ bi kwalunkwe bidla li sseħħ għall-parteċipanti jew l-attivitajiet tul il-ħajja tal-proġett ta’ mobilità. Il-benefiċjarji sejrin ikunu jistgħu jiġġeneraw rapporti mimlija minn qabel mill-Għodda għall-Mobilità+ abbażi tal-informazzjoni li jkunu pprovdew. L-Għodda ta’ Mobilità+ ser tiġġenera wkoll rapporti sabiex jimtlew mill-parteċipanti f’attivitajiet ta’ mobilità. Aktar informazzjoni dwar l-Għodda tal-Mobilità+ u kif għandek taċċessaha sejra tiġi pprovduta fil-ftehim ta’ għotja bejn l-Aġenzija Nazzjonali u l-benefiċjarju.

Wara l-mobilità

Rikonoxximent tar-riżultati ta’ tagħlim

L-organizzazzjonijiet mittenti u riċeventi involuti għandhom jaqblu fuq il-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ mobilità Europass fi tmiem il-mobilità. Għal aktar informazzjoni dwar kif għandek tipproċedi, ikkonsulta l-websajt tal-Europass: http://europass.cedefop.europa.eu/mt/home.

Rapportar

Fi tmiem il-perjodu barra ’l pajjiż, il-membri tal-persunal kollha li wettqu attività ta’ mobilità huma meħtieġa li jimlew u jissottomettu rapport finali. Dawk li jonqsu milli jissottomettu r-rapport jistgħu jintalbu jroddu lura b’mod parzjali jew sħiħ l-għotja tal-UE li rċivew. Ma għandux jintalab rimborż meta membru tal-persunal ma jitħalliex ilesti l-attivitajiet ippjanati tiegħu barra ’l pajjiż minħabba każ ta’ force majeure. Tali każijiet għandhom jiġu rrapportati mill-iskola mittenti jew mill-koordinatur ta’ konsorzju tal-mobilità nazzjonali u jkunu soġġetti għal aċċettazzjoni bil-miktub mill-Agenzija Nazzjonali.