Werrej
Fittex fil-gwida

Proġett ta' mobilità għall-istudenti u l-persunal tal-edukazzjoni għolja

1.Qabel il-Mobilità

A: Akkreditazzjoni tal-organizzazzjonijiet parteċipanti

Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja

Il-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja (ECHE) tipprovdi l-qafas tal-kwalità ġenerali għall-attivitajiet ta' kooperazzjoni Ewropej u internazzjonali li istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja (HEI) tista' twettaq fil-Programm. L-għotja ta' Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja hija prerekwiżit għall-HEIs kollha li qegħdin fi Programm tal-Pajjiż u li lesti li jieħdu sehem fil-mobilità għat-tagħlim ta' individwi u/jew kooperazzjoni għall-innovazzjoni u l-prattika tajba skont il-Programm. Għall-HEIs li qegħdin f'Pajjiżi Sħab, l-ECHE mhix meħtieġa, u l-qafas tal-kwalità se jiġi stabbilit permezz ta' ftehmiet interistituzzjonali (ara hawn taħt) bejn l-HEIs.

L-Aġenzija Eżekuttiva fi Brussell tniedi sejħa annwali għal proposti għall-għoti tal-ECHE. Jekk tingħata, il-Karta hija valida għat-tul ta' żmien kollu tal-Programm. Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni biex tirċievi ECHE huma deskritti fuq is-sit tal-Aġenzija Eżekuttiva fuq: https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding/erasmus-charter-for-higher-education-2014-2020_e n

L-HEIs iridu jirrispettaw id-dispożizzjonijiet kollha tal-ECHE matul l-implimentazzjoni tal-proġett. Il-konformità tagħhom se tkun immonitorjata mill-Aġenzija Nazzjonali, li se tibbaża l-istrateġija ta' monitoraġġ tagħha fuq il-Gwida ta' Monitoraġġ tal-ECHE (https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/documents/erasmus-charter-higher-education-monitoring-guide_en), manwal ġdid li għandu l-għan li jipprovdi sett ta' linji gwida u eżempji ta' prattika tajba fil-qasam tal-monitoraġġ u t-titjib tal-konformità tal-ECHE. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li japplikaw u li jipparteċipaw fil-proġetti ta' Erasmus+ huma mħeġġa li jikkonsultaw din il-gwida għal informazzjoni dwar l-oqsma prijoritarji ta' konformità tal-ECHE, kif ukoll dwar l-għodod, il-linji gwida u l-links fuq il-web disponibbli.

Il-ksur ta' xi wieħed mill-prinċipji u l-impenji tal-ECHEs jista' jwassal għall-irtirar tagħha mill-Kummissjoni Ewropea.

Akkreditazzjoni tal-konsorzju

Konsorzju tal-mobilità nazzjonali għall-edukazzjoni għolja jista' jappoġġja kwalunkwe waħda mill-erba' attivitajiet ta' mobilità eliġibbli fi proġett ta' mobilità għall-edukazzjoni għolja.

L-għan tal-konsorzji tal-mobilità huwa li jiffaċilitaw l-organizzazzjoni tal-attivitajiet ta' mobilità u li joffru valur miżjud f'termini ta' kwalità tal-attivitajiet meta mqabbel ma' dak li kull istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja individwali li tibgħat tkun tista' tipprovdi waħidha. L-organizzazzjonijiet membri ta' konsorzju tal-mobilità nazzjonali jistgħu jiġbru jew jixxerjaw servizzi relatati mal-organizzazzjoni tal-mobilità. L-attivitajiet konġunti jistgħu jinkludu mmaniġġjar amministrattiv, kuntrattwali u finanzjarju konġunt tal-mobilità, l-għażla konġunta u/jew it-tħejjija u l-mentoraġġ tal-parteċipanti kif ukoll, fejn ikun rilevanti, punt ċentralizzat biex jinstabu l-intrapriżi u fejn jiltaqgħu l-intrapriżi u l-parteċipanti tajbin għal xulxin. Il-konsorzju tal-mobilità nazzjonali jista' jaġixxi wkoll bħala faċilitatur għall-istudenti u trainees tal-persunal li jkunu ġejjin. Dan jinkludi s-sejbien ta' organizzazzjoni li tilqa' fir-reġjun fejn ikunu jinsabu s-sħab tal-konsorzju tal-mobilità u l-għoti ta' assistenza fil-każ ta' bżonn.

Il-koordinatur tal-konsorzju, possibbilment flimkien ma' organizzazzjonijiet intermedjari/oħra, jista' jkollu rwol attiv biex irawwem il-kuntatti mal-intrapriżi u jsib opportunitajiet għat-traineeships u l-postijiet ta' taħriġ għall-persunal, fil-promozzjoni ta' dawn l-attivitajiet u biex tingħata l-informazzjoni, eċċ.

Il-koordinatur tal-konsorzju hu mistieden jikkoordina mal-konsorzji ta' pajjiżi oħra biex iżid id-disponibbiltà u l-kwalità tat-traineeships u biex jappoġġja t-traineeships tal-istudenti ta' Erasmus+.

Kull HEI li tibgħat tibqa' responsabbli mill-kwalità, il-kontenut u r-rikonoxximent tal-perjodi ta' mobilità. Kull membru tal-konsorzju huwa meħtieġ jiffirma ftehim mal-koordinatur tal-konsorzju biex jispeċifika r-rwoli u r-responsabbiltajiet u l-arranġamenti amministrattivi u finanzjarji; il-modalitajiet ta' kooperazzjoni għandhom jispeċifikaw kwistjonijiet bħall-mekkaniżmi għat-tħejjija, l-assigurazzjoni tal-kwalità u s-segwitu għall-perjodi ta' mobilità. Barra minn hekk, kull HEI li tibgħat hija responabbli għall-iffirmar ta' ftehimiet interistituzzjonali (ara t-taqsima li jmiss) mal-HEIs li jilqgħu l-istudenti u l-persunal tagħhom.

Il-konsorzju tal-mobilità nazzjonali jista' jirċievi finanzjament biss jekk ikun ingħata l-akkreditazzjoni ta' konsorzju. Jekk il-valutazzjoni tal-konsorzju tal-mobilità nazzjonali ma tkunx sodisfaċenti, il-konsorzju se jkollu japplika mill-ġdid għall-akkreditazzjoni u għall-finanzjament fis-sena ta' wara.

Il-konformità mal-akkreditazzjoni ta' konsorzju għandha tkun soġġetta għas-sorveljanza mill-Aġenzija Nazzjonali. Kwalunkwe problema kbira (eż. użu ħażin tal-fondi, nuqqas ta' rispett tal-obbligi u dgħjufijiet fil-kapaċità finanzjarja) jew xi ksur mill-konsorzju tal-impenji tiegħu jistgħu jwasslu għall-irtirar tal-akkreditazzjoni mill-Aġenzija Nazzjonali. L-Aġenzija Nazzjonali għandha titlob lill-koordinatur tal-konsorzju biex jinnotifika lill-Aġenzija Nazzjonali mingħajr dewmien dwar kwalunkwe bidla fil-kompożizzjoni, is-sitwazzjoni jew l-istatus tal-konsorzju li jaf tkun teħtieġ bidliet fl-akkreditazzjoni jew l-irtirar tagħha.

B: Ftehim interistituzzjonali

Il-mobilità tal-istudenti għall-istudji u l-mobilità tal-persunal għat-tagħlim bejn l-HEIs għandha ssir bħala parti ta' ftehim interistituzzjonali bejn l-HEIs. Il-ftehimiet mudell huma disponibbli fuq https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/documents/applicants/inter-institutional-agreement_en. Il-ftehimiet interistituzzjonali jistgħu jiġu ffirmati minn żewġ HEIs jew aktar.

Dan il-ftehim interistituzzjonali, fil-każ tal-mobilità bejn il-Pajjiżi tal-Programm u l-Pajjiżi Sħab, jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li jiġu segwiti f’ECHE u jiżgura li ż-żewġ naħat jew in-naħat kollha jimpenjaw ruħhom biex jimplimentawhom.

Il-ftehim interistituzzjonali jista’ jiġi estiż ukoll biex ikopri l-mobilità tal-istudenti għat-traineeships u/jew il-mobilità tal-persunal għat-taħriġ, filwaqt li jibbażaw fuq l-għarfien tal-intrapriżi min-naħa tal-istituzzjonijiet sħab tagħhom biex jidentifikaw l-intrapriżi/organizzazzjonijiet barra l-pajjiż.

C: Għodda ta’ Mobilità+

Malli jkun possibbli hekk kif jintgħażlu l-pateċipanti, l-organizzazzjoni benefiċjarja trid tikkodifika l-informazzjoni ġenerali dwar il-parteċipant u t-tip ta' attività(jiet) ta' mobilità li se jwettaq (eż. isem il-parteċipant, id-destinazzjoni, it-tul ta' żmien tal-mobilità, eċċ.) fl-Għodda ta' Mobilità+. L-organizzazzjoni benefiċjarja hi responsabbli biex taġġorna l-Għodda ta' Mobilità+ mill-inqas darba fix-xahar matul il-ħajja tal-proġett ta' mobilità bi kwalunkwe informazzjoni ġdida rigward il-parteċipanti u l-attivitajiet ta' mobilità.

Għal proġetti ta' mobilità bejn il-Pajjiżi tal-Programm u l-Pajjiżi Sħab, se jkun meħtieġ li jiġu identifikati l-HEIs tal-Pajjiż Sieħeb fi ħdan l-Għodda ta' Mobilità+ permezz ta' ID tal-Organizzazzjoni. Jekk l-HEI tal-Pajjiż Sieħeb ma jkollhiex ID tal-Organizzazzjoni bbażat fuq parteċipazzjoni preċedenti f’Erasmus+, din għandha tirreġistra għal wieħed permezz tas-sistema tar-Reġistrazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Erasmus+ u l-Korpi ta’ Solidarjetà Ewropej u tikkomunikah lill-benefiċjarju.Organizzazzjonijiet li diġà kisbu PIC u qabel kienu applikaw għal finanzjament fil-programmi tal-Erasmus+ jew tal-Korpi ta’ Solidarjetà Ewropej permezz tal-Aġenziji Nazzjonali jiġu assenjati ID tal-Organizzazzjoni awtomatikament. Dan jista’ jiġi vverifikat fis-sisterma tar-Reġistrazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Erasmus+ u l-Korpi ta’ Solidarjetà Ewropej.

L-Għodda ta' Mobilità+ se tappoġġja lill-benefiċjarju fl-immaniġġjar tal-attivitajiet ta' mobilità ta' Erasmus+. Il-benefiċjarji se jkunu jistgħu jiġġeneraw rapporti mimlija minn qabel mill-Għodda ta' Mobilità+ abbażi tal-informazzjoni li jkunu pprovdew. L-Għodda ta' Mobilità+ se tiġġenera wkoll rapporti sabiex jimtlew mill-parteċipanti f'attivitajiet ta' mobilità.

D: Kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-istudenti

Għażla

L-istudenti japplikaw mal-HEI tagħhom li tagħżel il-parteċipanti fl-azzjoni ta' mobilità. L-għażla tal-istudenti - kif ukoll il-proċedura biex jirċievu għotja - għandha tkun ġusta, trasparenti, koerenti u ddokumentata u għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet kollha involuti fil-proċess tal-għażla.

L-HEI għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tevita kwalunkwe kunflitt ta' interess fir-rigward tal-persuni li jistgħu jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-korpi tal-għażla jew fil-proċess tal-għażla tal-istudenti.

Il-kriterji tal-għażla - bħal pereżempju: il-prestazzjoni akkademika tal-kandidat, l-esperjenzi ta' mobilità preċedenti, il-motivazzjoni, l-esperjenza preċedenti fil-pajjiż li jilqa' (jiġifieri ir-ritorn lejn il-pajjiż ta' oriġini) eċċ. - għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Għall-istudenti minn Pajjiżi Sħab, l-ewwel kriterju għall-għażla tal-istudenti se jkun il-mertu akkademiku, iżda f'każ ta' livell akkademiku ekwivalenti, il-preferenza għandha tingħata lil studenti minn sfondi soċjoekonomiċi inqas vantaġġati (inklużi refuġjati, applikanti għall-ażil u migranti).

Se tingħata prijorità iktar baxxa lil dawk li diġà pparteċipaw fl-azzjonijiet ta' mobilità fl-istess ċiklu ta' studju taħt il-Programm LLP-Erasmus, il-Programm Erasmus Mundus jew il-Programm Erasmus+. Fil-każ tal-Korsijiet ta' Master Erasmus Mundus u Lawrji Masters Konġunti tal-Erasmus Mundus, il-parteċipazzjoni preċedenti titqies biss għal min għandu borża ta' studju.

Ladarba jintgħażlu l-istudenti, dawn għandhom jirċievu l-Karta tal-Istudenti ta' Erasmus mingħand l-istituzzjoni li tibgħat tagħhom, li tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-istudenti fir-rigward tal-perjodu ta' studju jew it-traineeship tagħhom barra l-pajjiż, u tispjega l-istadji differenti li jridu jsiru qabel, matul u wara l-mobilità.

Ftehim mal-istudent

Qabel jitlaq, kull student magħżul irid jiffirma ftehim li jinkludi wkoll "ftehim tat-tagħlim" li jistabbilixxi l-programm ta' studju u/jew it-traineeship li jrid isegwi, bi qbil mill-istudent, l-organizzazzjoni li tibgħat u l-organizzazzjoni li tilqa'. Il-ftehim mudell huwa disponibbli fuq http://ec.europa.eu/education/opportunities/higher-education/quality-framework_en.htm.

Dan il-ftehim tat-tagħlim jiddefinixxi l-eżiti tat-tagħlim fil-mira għall-perjodu tat-tagħlim barra l-pajjiż u jispeċifika d-dispożizzjonijiet formali ta’ rikonoxximent. Il-ftehim jispeċifika wkoll il-post tal-perjodu ta’ studju u/jew tat-traineeship. F’dan il-ftehim tat-tagħlim, l-istituzzjoni li tibgħat u l-istudent għandhom jaqblu wkoll dwar il-livell tal-lingwa (il-lingwa ewlenija tal-istruzzjoni jew tal-post tax-xogħol) li l-istudent irid jikseb qabel jibda l-perjodu ta’ studju/traineeship, skont il-livell rakkomandat fil-ftehim interistituzzjonali bejn l-istituzzjoni li tibgħat u dik li tilqa’ (jew skont dak li qed tistenna l-intrapriża fil-każ ta’ traineeships).

Meta dan ikun applikabbli, l-istituzzjoni li tibgħat u l-istudent se jaqblu dwar l-iktar appoġġ lingwistiku adattat li jrid jingħata, sabiex l-istudent ikun jista’ jilħaq il-livell maqbul (ara l-paragrafu li jmiss dwar is-servizz onlaijn għall-appoġġ lingwistiku).

Għotja għall-istudenti

L-istudenti jistgħu jirċievu “għotja għall-istudent” li tikkontribwixxi għall-ispejjeż miżjudin iġġenerati mill-perjodu ta’ mobilità barra l-pajjiż. Din l-għotja tista’ tikkonsisti f’waħda minn dawn li ġejjin jew it-tnejn f’daqqa:

  • għotja tal-UE, ikkalkulata fix-xahar u mħallsa bħala kost unitarju (ara t-taqsima "regoli dwar il-finanzjament" fil-Parti B ta’ din il-Gwida); u/jew
  • għotja nazzjonali, reġjonali u lokali mogħtija minn donatur pubbliku jew privat, jew skema ta’ self.

Studenti b’għotja żero mill-fondi tal-UE huma permessi (kemm għall-mobilità għall-istudju kif ukoll għall-mobilità għal traineeship), jiġifieri l-istudenti li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibilità tal-istudenti ta’ Erasmus u li jibbenefikaw mill-vantaġġi kollha tal-istudenti ta’ Erasmus mingħajr ma jirċievu għotja għall-mobilità mill-UE. Ir-regoli msemmija f’din il-Gwida tal-Programm, ħlief dawk relatati mal-allokazzjoni tal-għotjiet, japplikaw ukoll għal dawn l-istudenti ta’ Erasmus b’għotja żero mill-fondi tal-UE. In-numru ta’ studenti b’għotja żero mill-fondi tal-UE għall-perjodu tal-mobilità kollu jgħodd fl-istatistika għall-indikatur tal-prestazzjoni użat biex jalloka l-baġit tal-UE bejn il-pajjiżi.

L-istudenti li jieħdu sehem fi proġett ta’ mobilità fl-edukazzjoni għolja appoġġjat mill-Programm Erasmus+ - kemm jekk jirċievu għotja mill-UE ta’ Erasmus+ għall-parteċipazzjoni tagħhom kemm jekk le - huma eżentati milli jħallsu t-tariffi ta’ ħlas għat-tagħlim, għar-reġistrazzjoni, l-eżamijiet u l-aċċess għal-laboratorju u l-faċilitajiet tal-librerija fl-istituzzjoni li tilqa’.

Madankollu, jistgħu jintalbu tariffi żgħar għal spejjeż bħall-assigurazzjoni, l-għaqdiet tal-istudenti u l-użu ta’ materjal mixxellanju bħall-fotokopji, prodotti tal-laboratorju, fuq l-istess bażi bħalma dawn jintalbu mill-istudenti lokali. L-istudenti li sejrin ma għandhom iħallsu l-ebda tariffa addizzjonali jew tariffa b’rabta mal-organizzazzjoni jew l-amministrazzjoni tal-perjodu ta’ mobilità tagħhom.

Barra minn hekk, l-intitolament għal xi għotja jew self mogħti lill-istudenti biex jistudjaw fl-istituzzjoni li tibgħat tagħhom għandu jinżamm matul il-perjodu barra l-pajjiż.

Fil-każ ta’ traineeships, jekk l-intrapriża/organizzazzjoni riċeventi tagħti lill-istudent allowance jew xi tip ta’ remunerazzjoni, dan huwa kompatibbli mal-għotja mill-UE għal Erasmus+.

Perjodu ta’ mobilità huwa kompatibbli ma’ impjieg part-time u, jekk l-istudent jirċievi għotja mill-UE għal Erasmus+, huwa kompatibbli wkoll mad-dħul li l-istudent jirċievi dment li jwettaq l-attivitajiet previsti fil-programm ta’ mobilità miftiehem.

L-istudenti li jieħdu sehem fi proġett ta’ mobilità fl-edukazzjoni għolja (jew għal studju jew għal traineeship barra l-pajjiż) ma jistgħux fl-istess żmien ikunu benefiċjarji ta’ borża ta’ studju għal Lawrja Master Konġunta tal-Erasmus Mundus, u viċi versa.

L-istudenti li jirċievu għotja mill-UE ta’ Erasmus+ se jroddu lura parti mill-għotja mill-UE jew kollha kemm hi jekk ma jikkonformawx mat-termini tal-ftehim tal-għotja (sakemm ir-raġuni ma tkunx li ma tħallewx ilestu l-attivitajiet ippjanati tagħhom barra l-pajjiż minħabba force majeure). Jistgħu jintalbu jroddu lura parti mill-għotja riċevuta mill-UE jew kollha kemm hi jekk jonqsu milli jimlew u jissottomettu r-rapport finali onlajn.

Appoġġ lingwistiku onlajn

Meta jiffirmaw il-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja, l-HEIs jieħdu impenn li jipprovdu l-appoġġ kollu meħtieġ lill-parteċipanti fl-attivitajiet ta’ mobilità f’termini ta’ tħejjija lingwistika. F’dan ir-rigward, se jiġi implimentat appoġġ lingwistiku onlajn b’mod gradwali matul il-Programm għall-attivitajiet ta’ mobilità kollha li jdumu xahrejn u aktar. Il-Kummissjoni Ewropea tpoġġi dan l-appoġġ onlajn għad-dispożizzjoni tal-istudenti magħżula, bl-għan li tiġi vvalutata l-kompetenza tagħhom fil-lingwa li se jużaw biex jistudjaw jew isegwu t-traineeships tagħhom barra l-pajjiż.

Din l-għodda se toffrilhom ukoll, fejn ikun hemm bżonn, il-possibbiltà li jtejbu l-għarfien tal-lingwa qabel u/jew matul il-perjodu ta’ mobilità. Parteċipanti b'livell ta’ mill-inqas B2 fil-lingwa ewlenija tal-istruzzjoni jew tax-xogħol jistgħu jagħżlu li jsegwu kors tal-OLS fil-lingwa tal-pajjiż li jilqa’, jekk disponibbli. Id-dispożizzjoni ta’ appoġġ lingwistiku għandha tkun ibbażata fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-istituzzjonijiet li jibagħtu u dawk li jilqgħu. Il-livell rakkomandat ta’ kompetenza lingwistika huwa ddikjarat fil-Ftehimiet Interistituzzjonali u l-Ftehimiet tat-tagħlim, u b'hekk miftiehem mit-tliet partijiet. B’Erasmus+, l-HEIs li jibagħtu jimpenjaw ruħhom biex jiżguraw li l-istudenti tagħhom li jitilqu jkollhom il-livell tal-lingwa rikjest, u ftehim reċiproku bħal dan għandu jkun biżżejjed.

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jibagħtu huma responsabbli biex jipprovdu lill-istudenti tagħhom bl-aktar appoġġ lingwistiku xieraq, kemm permezz tal-OLS jew kwalunkwe metodu ieħor li jista' jiġi ffinanzjat permezz tal-appoġġ tal-organizzazzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-istudenti tagħhom jiksbu l-livell rakkomandat miftiehem mal-istituzzjoni li tilqa' mill-bidu tal-mobilità. Għalhekk, l-HEIs li jibagħtu mhumiex meħtieġa li jibagħtu r-riżultati tal-valutazzjoni tal-lingwa tal-OLS lill-istituzzjonijiet li jilqgħu. Huwa f'idejn l-istudenti biex jiddeċiedu jekk jaqblux jew le li jiżvelaw ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-lingwa tal-OLS tagħhom lill-istituzzjoni li tilqa’.

Dan l-appoġġ lingwistiku onlajn se jiġi pprovdut kif ġej:

  • l-Aġenziji Nazzjonali jallokaw liċenzji onlajn lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja skont il-kriterji ġenerali speċifikati mill-Kummissjoni Ewropea;
  • ladarba jintgħażlu mill-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tagħhom l-istudenti kollha (minbarra l-kelliema nattivi u f’każijiet iġġustifikati b’mod xieraq) li jibbenefikaw mis-servizz onlajn iridu jwettqu test onlajn biex jiġu vvalutati l-kompetenzi tagħhom fil-lingwa prinċipali li se jużaw biex jistudjaw jew isegwu t-traineeship barra l-pajjiż. Dan huwa prerekwiżit qabel ma jitilqu għall-mobilità. Ir-riżultati ta’ dan it-test se jiġu kkomunikati lill-istudent u lill-HEI li tibgħat. Dan se jippermetti lill-HEI li tibgħat sabiex tikkwantifika n-numru ta’ studenti li potenzjalment se jkollhom bżonn kors lingwistiku onlajn;
  • abbażi tan-numru ta’ liċenzji onlajn disponibbli għall-korsijiet lingwistiċi, l-HEIs se jqassmu l-liċenzji skont il-ħtiġijiet tal-istudenti. L-istudenti se jerfgħu r-responsabbiltà tal-korsijiet onlajn li ġejjin, kif deskritt u maqbul fil-ftehim dwar l-għotja;
  • fi tmiem il-perjodu ta’ mobilità, l-istudenti se jwettqu valutazzjoni oħra biex jitkejjel il-progress li sar fil-lingwa. Ir-riżultati se jiġu kkomunikati lill-istudent u lill-HEI li tibgħat.

Fuq is-siti web tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Aġenziji Nazzjonali se jkun hemm aktar dettalji disponibbli.

Għat-tipi l-oħrajn kollha ta’ mobilità, jew jekk is-servizz onlajn tal-Kummissjoni ma jkunx disponibbli għal lingwa partikolari, l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jistgħu jipprovdu tipi oħra ta’ appoġġ lingwistiku lill-istudenti, li għandhom jiġu ffinanzjati mill-għotja għal "appoġġ organizzattiv".

E: Kundizzjonijiet ta' parteċipazzjoni tal-persunal

Għażla

Il-persunal li jieħu sehem fi proġett ta' mobilità fl-edukazzjoni għolja għandu jintgħażel mill-HEI li tibgħat tagħhom b'mod ġust u trasparenti. Qabel it-tluq tagħhom, iridu jkunu qablu fuq programm ta' mobilità mal-istituzzjonijiet/intrapriżi li jibagħtu u li jilqgħu.

L-għażla tal-għalliema u tal-persunal HEI għandha ssir mill-HEI. Il-proċedura tal-għażla u tal-għoti tal-għotja trid tkun ġusta, trasparenti, koerenti u ddokumentata u għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet kollha involuti fil-proċess tal-għażla. Il-kriterji tal-għażla (pereżempju l-prijorità mogħtija lill-persunal li sejjer barra l-pajjiż għall-ewwel darba, il-limitazzjoni fuq in-numru possibbli ta' attivitajiet ta' mobilità għal kull membru tal-persunal matul perjodu ta' żmien partikolari, eċċ.) għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

L-HEI għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tevita kwalunkwe kunflitt ta' interess fir-rigward tal-persuni li jistgħu jkunu mistiedna jieħdu sehem fil-korpi tal-għażla jew fil-proċess tal-għażla tal-benefiċjarji individwali.

Fil-każ ta' mobilità ta' persunal minn intrapriża lejn HEI, din għandha ssir bi stedina tal-istituzzjoni lill-membru tal-persunal tal-intrapriża; l-għotja hi mmaniġġjata mill-HEI li tilqa' jew, fil-każ ta' mobilità bejn Pajjiżi tal-Programm u Pajjiżi Sħab, il-benefiċjarju.

Ftehim tal-mobilità

L-għażla tal-persunal tal-HEI se ssir mill-istituzzjoni li tibgħat fuq il-bażi ta' abbozz ta' programm ta' mobilità sottomess mill-membru tal-persunal wara konsultazzjoni mal-istituzzjoni/intrapriża li tilqa'. Qabel it-tluq, għandu jintlaħaq qbil dwar il-programm ta' mobilità finali bejn l-istituzzjoni/intrapriża li tibgħat u l-istituzzjoni/intrapiża li tilqa' (bi skambju ta' ittri jew messaġġi elettroniċi).

Kemm l-istituzzjoni/intrapriża li tibgħat kif ukoll l-istituzzjoni/intrapiża li tilqa' għandhom ikunu responsabbli għall-kwalità tal-perjodu ta' mobilità barra l-pajjiż.

Għotja għall-persunal

Ir-regoli finanzjarji għaż-żewġ tipi ta' mobilità tal-persunal huma l-istess. L-għotja hija kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u s-sussistenza għal perjodu ta' tagħlim jew taħriġ barra l-pajjiż (ara t-taqsima "regoli dwar il-finanzjament" fil-Parti B ta' din il-Gwida).

Hija permessa mobilità b'għotja żero mill-fondi tal-UE għal persunal ta' edukazzjoni għolja.

2. Matul il-Mobilità

Interruzzjoni tal-mobilità tal-istudenti

Meta perjodu ta' mobilità jiġi interrott, pereżempju minħabba li jkun hemm perjodu ta' żmien bejn it-tmiem ta' kors lingwistiku u l-bidu tal-istudju/traineeship, in-numru ta' ġranet ta' interruzzjoni għandu jiġi kkodifikat fl-Għodda ta' Mobilità+ u l-ammont tal-għotja għandu jiġi addattat kif xieraq.

Għat-traineeships bejn Pajjiżi tal-Programm, il-perjodu ta' mobilità barra l-pajjiż jista' jkun interrott mill-vaganzi tal-intrapriża, jekk matul dan il-perjodu l-intrapriża tkun magħluqa. Matul dan il-perjodu l-għotja tinżamm. Il-perjodu ta' għeluq ma jgħoddx mat-tul ta' żmien minimu ta' perjodu ta' traineeship iżda jibda jgħodd lejn il-massimu ta' 12-il xahar għal kull ċiklu ta' studju li għalih, l-istess student, jista' jirċievi għotjiet għal perjodi ta' mobilità.

Possibbiltà li tittawwal il-mobilità tal-istudenti

Jista’ jintlaħaq qbil biex jittawwal perjodu ta’ mobilità li jkun għaddej bejn l-organizzazzjonijiet li jibagħtu u li jilqgħu soġġett għal dan li ġej:

  • it-talba biex jittawwal il-perjodu ta’ mobilità għandha tiddaħħal tal-inqas xahar qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ mobilità li kien ippjanat inizjalment;
  • jekk it-talba tiġi aċċettata mill-partijiet kollha, il-ftehim tal-għotja għandu jiġi emendat u għandhom jitlestew l-arranġamenti kollha relatati mal-fatt li se jittawwal it-tul ta' żmien;
  • jekk l-istudent jirċievi għotja ta’ Erasmus+, l-istituzzjoni li tibgħat tista’ jew temenda l-ammont tal-għotja biex jitqies it-tul ta' żmien itwal, jew tasal għal ftehim mal-istudent li l-jiem addizzjonali jiġu kkunsidrati bħala perjodu “ta’ għotja ta’ żero minn fondi tal-UE”;
  • id-dati tal-bidu u tat-tmiem proprji tal-perjodu tal-mobilità għandhom jiġu inklużi fit-Traskrizzjoni tar-Reġistrazzjonijiet tal-istituzzjoni li tilqa’ jew fiċ-Ċertifikat ta’ Traineeship tal-istudent skont id-definizzjonijiet li ġejjin:
    • id-data tal-bidu għandha tkun l-ewwel jum li fih l-istudent jeħtieġ li jkun preżenti fl-organizzazzjoni li tilqa' (pereżempju, din tista' tkun id-data tal-bidu tal-ewwel kors/l-ewwel jum tax-xogħol, avveniment ta' merħba organizzat mill-istituzzjoni li tilqa', jew korsijiet lingwistiċi u interkulturali);
    • id-data tat-tmiem għandha tkun l-aħħar jum li fih l-istudent jeħtieġ li jkun preżenti fl-organizzazzjoni li tilqa' (pereżempju, dan jista' jkun l-aħħar jum tal-perjodu ta' eżami/kors/perjodu ta' seduta obbligatorja).
  • it-tul ta’ żmien proprju definit kif indikat fuq huwa l-perjodu li għandu jiġi indikat mill-HEIs fir-rapporti finali tagħhom u huwa n-numru massimu ta’ xhur koperti mill-għotja tal-UE. Meta ż-żmien li bih tittawwal il-mobilità tal-istudent hija meqjusa bħala jiem ta’ “għotja ta’ żero mill-fondi tal-UE”, dawn il-jiem għandhom jitnaqqsu mit-tul ta' żmien total tal-perjodu ta’ mobilità sabiex tiġi kkalkulata l-għotja finali.
  • il-perjodu addizzjonali għandu jkompli eżattament mal-perjodu ta’ mobilità li jkun għaddej. Ma jistax ikun hemm distakki (il-btajjal u l-għeluq ta’ università/intrapriża ma jitqisux bħala "distakki") sakemm dawn ma jkunux iġġustifikati kif xieraq u approvati mill-Aġenzija Nazzjonali.

3. Wara l-Mobilità

A: Rikonoxximent tal-eżiti tat-tagħlim

Fi tmiem il-perjodu barra l-pajjiż, l-istituzzjoni/intrapriża li tilqa' trid tipprovdi lill-istudent u l-HEI tiegħu bi traskrizzjoni tar-rekords jew ċertifikat ta' traineeship ("traskrizzjoni tax-xogħol") li tikkonferma r-riżultati tal-programm miftiehem.

Is-segwitu għall-perjodu ta' mobililtà jinkludi r-rikonoxximent formali, mill-istituzzjoni li tibgħat, tal-kredits mogħtija barra l-pajjiż għat-tagħlim formali ta' kompetenzi miksubin ġodda (permezz ta' krediti tal-ECTS jew sistema ekwivalenti) inkluż għat-traineeships, fejn ikun applikabbli, u d-dokumentazzjoni tal-eżiti li jirriżultaw minn tagħlim mhux formali u informali barra mill-klassi jew il-post tax-xogħol (permezz tas-Suppliment tad-Diploma). Madankollu, dan ma japplikax għal traineeships imwettqa minn studenti li ggradwaw dan l-aħħar.

Ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-lingwa u l-korsijiet tal-lingwa onlajn se jiġu rrappurtati f'livell ċentrali iżda mhux se jipprovdu xi kwalifika formali.

Fir-rigward tal-mobilità tal-persunal, l-istituzzjonijiet li jibagħtu għandhom jiżguraw li jkun hemm rikonoxximent, tixrid u użu b'mod mifrux kif xieraq tal-eżiti tat-tagħlim tal-persunal parteċipanti fl-istituzzjoni.

B: Rappurtar

Fi tmiem il-perjodu barra l-pajjiż, l-istudenti kollha u l-persunal kollu li wettqu attività ta' mobilità huma meħtieġa li jimlew u jissottomettu rapport finali. Għall-attivitajiet ta' mobilità li jdumu xahrejn jew aktar, ir-rapport jinkludi wkoll evalwazzjoni kwalitattiva tal-appoġġ lingwistiku riċevut matul il-perjodu ta' mobilità.

Dawk l-istudenti u l-persunal li jonqsu milli jissottomettu r-rapport jaf ikunu mitluba mill-HEI li tibgħat tagħhom biex iroddu lura b'mod parzjali jew sħiħ l-għotja tal-UE li rċivew. Ma għandux jintalab rimborż meta student jew membru tal-persunal ma jitħalliex ilesti l-attivitajiet ippjanati tiegħu barra l-pajjiż minħabba każ ta' force majeure. Dawn il-każijiet għandhom jiġu rrappurtati mill-benefiċjarju u jkunu soġġetti għall-aċċettazzjoni bil-miktub mill-Aġenzija Nazzjonali.