Werrej
Fittex fil-gwida

Proġett ta’ mobilità għall-persunal tal-edukazzjoni għall-adulti

Il-mobilità għat-tagħlim għall-persunal edukattiv għall-adulti għandha l-għan li żżid il-kompetenzi u l-ħiliet ewlenin tal-persunal fl-edukazzjoni tal-adulti sabiex iżżid il-kwalità tat-tagħlim fil-forom kollha u tagħmilhom rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u s-soċjetà inġenerali. Attenzjoni partikolari se tingħata lil proġetti li jindirizzaw il-bżonnijiet tat-tagħlim ta’ studenti adulti żvantaġġati (inklużi refuġjati, applikanti għall-ażil u migranti). Huwa mistenni li l-organizzazzjonijiet ta’ edukazzjoni għall-adulti jużaw il-mobilità tat-tagħlim tal-persunal tagħhom b’mod strateġiku u f’termini ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-organizzazzjoni tagħhom u biex iżidu l-kapaċità tagħha.

Appoġġ organizzazzjonali

L-għotja ta’ appoġġ organizzattiv hija kontribuzzjoni għall-ispejjeż imġarrba mill-organizzazzjonijiet fir-rigward tal-attivitajiet ta’ mobilità tal-persunal. L-iskop tal-għotja huwa li tħaffef l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobilità ta’ kwalità għolja bl-għan li żżid il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet ta’ edukazzjoni għall-adulti. Pereżempju:

  • it-tħejjija u s-segwitu tal-Pjan Ewropw għall-Iżvilupp;
  • l-għoti ta’ informazzjoni u assistenza lill-persunal;
  • l-għażla tal-persunal għall-attivitajiet ta’ mobilità;
  • l-arranġamenti organizzazzjonali mal-istituzzjonijiet sieħba (b’mod partikolari fil-każ tal-monitoraġġ tal-impjiegi u l-inkarigi ta’ tagħlim);
  • it-tħejjija tal-ftehimiet ta’ mobilità biex tiġi żgurata l-kwalità u r-rikonoxximent tal-attivitajiet ta’ mobilità;
  • it-tħejjija lingwistika u interkulturali għall-persunal mobbli;
  • l-iżgurar ta’ arranġamenti ta’ mentoraġġ u superviżjoni effiċjenti tal-persunal mobbli;
  • l-appoġġ tal-integrazzjoni mill-ġdid tal-parteċipanti mobbli u l-bini tal-kompetenzi miksuba tagħhom biex itejbu l-kwalità tal-għoti ta’ tagħlim tal-organizzazzjoni ta’ edukazzjoni għall-adulti.

Il-kwalità tal-implimentazzjoni u s-segwitu tal-proġett mill-organizzazzjoni sejra titqies meta tiġi deċiża l-għotja finali. L-implimentazzjoni tal-kwalità tal-proġett ta’ mobilità għandha ssegwi l-linji gwida stabbiliti f’dan l-Anness dwar il-Mobilità għall-persunal tal-edukazzjoni għall-adulti.

Qabel il-mobilità

Pjan ewropew għall-iżvilupp

Qabel ma tapplika, organizzazzjoni tal-edukazzjoni għall-adulti għandha tiżviluppa Pjan Ewropew għall-Iżvilupp; dan il-pjan huwa parti mill-formola ta’ applikazzjoni. Din it-taqsima tindika kif l-attivitajiet ta’ mobilità ppjanati huma inklużi f’strateġija usa’ u fit-tul ta’ żvilupp u modernizzazzazzjoni tal-organizzazzjoni.

Il-Pjan Ewropew għall-Iżvilupp sejjer ikun parti importanti mill-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal għotja u għandu jipprovdi informazzjoni dwar:

  • il-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni f’termini ta’ żvilupp tal-kwalità u internazzjonalizzazzjoni (eż. fir-rigward tal-kompetenzi tal-maniġment, il-kompetenzi tal-persunal, metodi ta’ tagħlim jew għodod ġodda, id-dimensjoni Ewropea, il-kompetenzi lingwistiċi, il-kurrikulu, l-organizzazzjoni tat-tagħlim u t-taħriġ, it-tisħiħ tar-rabtiet mal-organizzazzjonijiet sħab) u kif l-attivitajiet ippjanati sejrin jikkontribwixxu biex jiġu sodisfatti dawn il-ħtiġijiet;
  • l-impatt mistenni fuq l-istudenti adulti, l-għalliema, il-ħarrieġa u persunal ieħor, u fuq l-organizzazzjoni b’mod globali;
  • il-mod li bih l-organizzazzjoni sejra tintegra l-kompetenzi u l-esperjenzi miksuba mill-persunal tagħhom fil-kurrikulu u/jew il-pjan ta’ żvilupp tal-organizzazzjoni tagħhom.

L-iskop tal-Pjan Ewropew għall-Iżvilupp huwa li jiżgura li l-attivitajiet ippjanati huma rilevanti kemm għall-parteċipanti individwali kif ukoll għall-organizzazzjoni kollha kemm hi, peress li sejjer ikollhom impatt fuq il-kwalità tat-tagħlim, jekk ikunu integrati sew fl-iżvilupp strateġiku tal-organizzazzjoni.

Għodda għall-mobilità+

Mhux qabel ma jkunu ntgħażlu l-parteċipanti, l-organizzazzjoni benefiċjarja trid tikkodifika l-informazzjoni ġenerali dwar il-parteċipanti u t-tip ta’ attività ta’ mobilità li ser iwettaq (eż. l-isem tal-parteċipant, id-destinazzjoni, id-durata tal-mobilità, eċċ.) fl-Għodda għall-Mobilità+. L-Għodda għall-Mobilità+ sejra tappoġġja lill-benefiċjarju fil-ġestjoni tal-attivitajiet ta’ mobilità Erasmus+.

L-organizzazzjoni benefiċjarja hija responsabbli wkoll biex taġġorna l-Għodda għall-Mobilità+ bi kwalunkwe bidla li tkun seħħet fil-parteċipanti jew l-attivitajiet matul il-ħajja tal-proġett ta’ mobilità. Il-benefiċjarji ser ikunu jistgħu jiġġeneraw rapporti milija bil-lest minn Għodda ta’ Mobilità+ fuq il-bażi tal-informazzjoni li pprovdew. L-Għodda għall-Mobilità+ sejra tiġġenera wkoll rapporti li għandhom jimtlew mill-parteċipanti fl-attivitajiet ta’ mobilità.

Aktar informazzjoni dwar l-Għodda għall-Mobilità+ u kif għandek taċċessaha sejra tiġi pprovduta fil-ftehim ta’ għotja bejn l-Aġenzija Nazzjonali u l-benefiċjarju.

Il-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-persunal

Għażla

L-għażla tal-persunal għandha ssir mill-organizzazzjoni mittenti. L-proċedura ta’ għażla u għoti tal-għotja trid tkun ġusta, trasparenti, koerenti u ddokumentata u għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet kollha involuti fil-proċess tal-għażla.

L-organizzazzjoni mittenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tevita kwalunkwe kunflitt ta’ interess fir-rigward tal-persuni li jistgħu jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-korpi tal-għażla jew il-proċess tal-għażla tal-parteċipanti individwali.

 

Ftehim ta’ mobilità

Huwa rrakkomandat li l-organizzazzjoni mittenti u riċeventi, flimkien mal-parteċipanti, taqbel fuq l-attivitajiet imwettqa mill-membri mill-persunal qabel il-bidu tal-perjodu ta’ mobilità bi skambju ta’ ittri jew messaġġi elettroniċi. Dan il-ftehim sejjer jiddefinixxi r-riżultati ta’ tagħlim fil-mira għall-perjodu barra ’l pajjiż, jispeċifika d-dispożizzjonijiet ta’ rikonoxximent u jelenka d-drittijiet u l-obbligi ta’ kull parti.

Kemm l-organizzazzjoni mittenti kif ukoll dik riċeventi għandhom ikunu responsabbli għall-kwalità tal-mobilità barra ’l pajjiż.

Wara l-mobilità

Rikonoxximent tar-riżultati ta’ tagħlim

L-organizzazzjonijiet mittenti u riċeventi involuti għandhom jaqblu fuq il-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ mobilità Europass fi tmiem il-mobilità. Għal aktar informazzjoni dwar kif għandek tipproċedi, ikkonsulta l-websajt tal-Europass: http://europass.cedefop.europa.eu/mt/home.

Rapportar

Fi tmiem il-perjodu barra ’l pajjiż, il-membri tal-persunal kollha li wettqu attività ta’ mobilità huma meħtieġa li jimlew u jissottomettu rapport finali tal-parteċipant. Dawk li jonqsu milli jissottomettu r-rapport jistgħu jintalbu jroddu lura b’mod parzjali jew sħiħ l-għotja tal-UE li rċivew. Ma għandux jintalab rimborż meta membru tal-persunal ma jitħalliex ilesti l-attivitajiet ippjanati tiegħu barra ’l pajjiż minħabba każ ta’ force majeure. Tali każijiet għandhom jiġu rrapportati mill-organizzazzjoni mittenti u jkunu soġġetti għal aċċettazzjoni bil-miktub mill-Agenzija Nazzjonali.