Werrej
Fittex fil-gwida

LAWRJI MASTER KONĠUNTI TAL-ERASMUS MUNDUS

Kundizzjonijiet relatati mat-tfassil tal-lawrja master konġunta tal-erasmus mundus

EMJMD għandha tiġi żviluppata kompletament meta ssir l-applikazzjoni u tkun lesta biex tintuża għal erba' edizzjonijiet konsekuttivi mit-tieni sena akkademika wara l-applikazzjoni jekk il-konsorzju jagħżel sena preparatorja wara l-għażla. Il-konsorzji EMJMD li jkunu għażlu li ma jimplimentawx preparatorju huma mistennija li jmexxu l-ewwel edizzjoni tal-Master immedjatament, u b'hekk l-ewwel sena akkademika li jkun jmiss wara l-għażla tagħhom.

Sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi stabbiliti f'Parti B u fejn assigurazzjoni ta' kwalità esterna fil-livell ta' programm hija obbligatorja, (skont il-ġurisdizzjoni din tista' tkun pereżempju akkreditazzjoni jew valutazzjoni) prova ta' dan mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tista':

  • tirriżulta milli jkun ġie implimentat b'suċċess l-Approċċ Ewropew għall-Assigurazzjoni ta' Kwalità ta' Programmi Konġunti (jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti), jew
  • tkun ibbażata fuq akkreditazzjoni ta' deċiżjonijiet individwali għal kull komponent nazzjonali li abbażi tiegħu l-EMJMD huwa kompost.

Għall-akkreditazzjoni ta' sistema/istituzzjoni jiġifieri HEIs jakkreditaw il-programmi ta' studju tagħhom, provi ta' akkreditazzjonijiet validi jistgħu jieħdu l-forma ta':

  • evidenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali korrispondenti li tagħti d-dritt lill-HEIs joffru programmi ta' studju u jagħtu Lawrji Masters, u/jew
  • evidenza tad-deċiżjonijiet interni rilevanti tal-HEIs biex iwettqu l-komponenti nazzjonali tal-EMJMD propost tal-programm ta' studju.

Barra min hekk, programmi nazzjonali li jwasslu għal-lawrja Master għandhom ikunu rikonoxxuti b'mod reċiproku mill-imsieħba tal-konsorzju tal-HEI mill-Pajjiżi tal-Programm. L-applikanti għandhom jinnotaw li l-proċess ta' rikonoxximent tal-perjodi ta' studju EMJMD fi ħdan il-konsorzju għandu jkun mifthiem qabel jibda l-ewwel dħul ta' studenti tal-EMJMD.

L-HEIs tal-Pajjiżi tal-Programm li jaġixxu bħala sħab fil-konsorzju għandhom ikunu istituzzjonijiet li joħorġu lawrji ta' Master bil-kapaċità li joħorġu lawrja konġunta jew multipla (tal-inqas lawrja doppja) għal gradwati EMJMD. Il-konsorzji għandhom jiżguraw ukoll li l-istudenti gradwati kollha jiġu pprovduti b' Suppliment tad-Diploma konġunta fi tmiem il-perjodu ta' studju tagħhom, li jkopri l-kontenut kollu tal-programm tal-Master.

Sakemm l-applikanti jagħżlu mod ieħor b'mod espliċitu, l-ewwel sena ser tkun waħda preparatorja u ta' promozzjoni/sensibilizzazzjoni li matulha l-programm ser jiġi reklamat u jintgħażel l-ewwel grupp ta' studenti. L-EMJMDs iridu jiżguraw proċeduri konġunti/komuni għar-rekwiżiti ta' ammissjoni tal-istudenti1, attivitajiet ta' tagħlim/taħriġ, mekkaniżmi ta' garanzija tal-kwalità, eżaminazzjoni tal-istudenti u evalwazzjoni tal-prestazzjoni tagħhom, ġestjoni amministrattiva u finanzjarja tal-konsorzju, għamla/l-ambitu tas-servizzi offruti lill-istudenti (eż. korsijiet fil-lingwa, appoġġ għall-viża), eċċ. L-istudenti kollha jridu jkunu koperti minn skema tas-saħħa u assigurazzjoni magħżula mill-konsorzju. Din l-iskema trid tirrispetta r-rekwiżiti minimi tal-EMJMD kif iddefiniti fil-linji gwida rispettivi disponibbli fuq is-sit tal-Aġenzija Eżekuttiva.

Dawn l-elementi huma kruċjali biex juru integrazzjoni sħiħa ta' kors tal-EMJMD u l-konsorzju ta' implimentazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, huwa mistenni li abbozz ta' Ftehim ta' Konsorzju jiġi pprovdut fl-istadju ta' applikazzjoni li jkopri dawn l-affarijiet u affarijiet importanti oħrajn b'mod ċar u trasparenti. L-eżistenza ta' abbozz aġġornat, komprensiv u robust tal-Ftehim tal-Konsorzju huwa sinjal li s-sieħba huma lesti u li l-applikazzjoni hija msejsa b'maturità.

Il-konsorzju EMJMD sejjer ikollu bżonn ifassal attivitajiet ta' promozzjoni u sensibilizzazzjoni konġunti sabiex jiżgura l-viżibbiltà madwar id-dinja tal-programm ta' studju konġunt kif ukoll skemi ta' boroż ta' studju Erasmus+: Dawn l-attivitajiet neċessarjament se jinkludu l-iżvilupp ta' websajt integrata u komprensiva tal-kors (bl-Ingliż, kif ukoll fil-lingwa(i) tat-tagħlim ewlenija jekk differenti) li tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-EMJMD għall-istudenti u impjegaturi futuri, qabel l-ewwel rawnd ta' applikazzjoni għall-borża ta' studju.

Il-proċedura tal-applikazzjoni tal-istudenti u d-data ta' skadenza għas-sottomissjoni għandhom jitfasslu b'tali mod li jipprovdu lill-istudenti bit-tagħrif meħtieġ kollu minn ferm qabel u b'biżżejjed żmien biex iħejju u jissottomettu applikazzjoni (jiġifieri, mill-inqas 4 xhur qabel id-data ta' skadenza tal-borża ta' studju). Il-konsorzju huwa mħeġġeġ ukoll sabiex jorganizza korsijiet fil-lingwa tal-istituzzjonijiet riċeventi u joffri korsijiet f'lingwi oħrajn mitkellma b'mod komuni. Il-viżibbiltà sejra tiġi appoġġjata permezz tal-websajts tal-Kummissjoni u l-Aġenzija Eżekuttiva, permezz tal-Aġenziji Nazzjonali u d-Delegazzjonijiet tal-UE. Il-linji gwida dwar il-websajts tal-EMJMD jistgħu jinstabu fuq il-websajt tal-Aġenzija Eżekuttiva.

Il-kundizzjonijiet relatati mal-istudenti tal-master

L-istudenti tal-Masters li jixtiequ jirreġistraw f'EMJMD għandhom ikunu kisbu preċedentement l-ewwel lawrja ta' edukazzjoni għolja2 jew juru livell ekwivalenti rikonoxxut ta' tagħlim skont il-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali. Kull konsorzju EMJMD sejjer ikun responsabbli għad-definizzjoni tal-proċedura speċifika għall-applikazzjoni tal-istudenti u l-kriterji tal-għażla skont ir-rekwiżiti u l-linji gwida disponibbli fuq il-websajt tal-Aġenzija Eżekuttiva. F'dan il-kuntest, il-kandidati studenti jistgħu japplikaw għal borża ta' studju EMJMD għal kwalunkwe mill-korsijiet tal-Erasmus+ Erasmus Mundus tal-għażla tagħhom (il-katalgu tal-EMJMD huwa disponibbli fuq il-paġna li ġejja: http://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/library/emjmd-catalogue_en).

Il-boroż ta' studju EMJMD Erasmus+ jistgħu jiġu offruti lill-istudenti minn kwalunkwe reġjun tad-dinja Il-konsorzji se jkollhom iqisu l-bilanċ ġeografiku - jiġifieri mhux aktar minn 3 kandidati mill-istess pajjiż (/bl-istess nazzjonalità) għandhom jingħataw borża ta' studju tal-EMJMDs matul l-istess ammissjoni ta' grupp ta' studenti. Din il-kundizzjoni ma tapplikax għal studenti Ġappuniżi fi ħdan il-konsorzji kofinanzjati mill-UE u mill-MEXT. L-istudenti b'ċittadinanza doppja jridu jispeċifikaw in-nazzjonalità li biha jissottomettu l-applikazzjoni għall-borża ta' studju tagħhom. Madankollu, jistgħu jkunu japplikaw regoli partikolari fil-każ ta' finanzjament addizzjonali għal reġjuni speċifiċi tad-dinja. Il-konsorzji tal-EMJMDs huma mħeġġa sabiex jirreġistraw ukoll studenti li jiffinanzjaw lilhom infushom3 li jirrappreżentaw indikativament tal-anqas 25% tad-detenturi ta' boroż ta' studju tal-Erasmus+.

Boroż ta' studju għal studenti EMJMD jingħataw għal parteċipazzjoni fi programm EMJMD komplut. Id-detenturi ta' borża ta' studju ma jistgħux jittrasferixxu krediti tal-università minn korsijet meħuda qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom fil-EMJMD tagħhom sabiex inaqqsu l-attivitajiet obbligatorji fil-programm konġunt. Barra minn hekk, id-detenturi ta' boroż ta' studju ma jistgħux fl-istess ħin ikunu l-benefiċjarji ta' għotja għal mobilità ta' student jew persunal fil-qafas ta' programmi oħrajn ta' edukazzjoni għolja ffinanzjati mill-baġit tal-UE.

Sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza sħiħa fir-regoli ta' implimentazzjoni tal-EMJMD, kif ukoll biex jiġu ddefiniti d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-istudenti rreġistrati lejn il-konsorzji EMJMD, iż-żewġ partijiet (jiġifieri l-istudenti aċċettati u l-konsorzji EMJMD) sejjer ikollom jiffirmaw Ftehim tal-Istudenti (ara l-mudell fuq il-websajt tal-Aġenzija Eżekuttiva) qabel ir-reġistrazzjoni tal-istudenti fil-EMJMD. Dan il-Ftehim tal-Istudenti sejjer ikopri l-aspetti akkademiċi, finanzjarji, amministrattivi, tal-imġiba, eċċ. relatati mal-implimentazzjoni tal-EMJMD u, għad-detenturi ta' boroż ta' studju, il-ġestjoni tal-boroż ta' studju. Għandha tinkludi indikaturi tal-prestazzjoni għall-kisba b'suċċess tal-krediti ECTS minimi (u l-konsegwenzi f'każ li dawn ma jinkisbux), l-informazzjoni dwar is-servizzi pprovduti lill-istudent, kif ukoll id-dettalji relatati mas-saħħa/sigurtà soċjali, ir-rekwiżiti ta' mobilità, u r-regoli dwar it-teżi/eżamijiet/gradwazzjoni, eċċ. Għat-trasparenza, il-mudell tal-Ftehim tal-Istudenti għandu jiġi ppubblikat fuq il-websajt tal-EMJMD tal-konsorzju (EMJMDs kollha għandu jkollhom webpage).

Kundizzjonijiet relatati mas-sorveljanza u l-assigurazzjoni tal-kwalità;

Sabiex jissorveljaw b'mod effettiv l-implimentazzjoni tal-korsijiet EMJMD, il-konsorzji benefiċjarji sejjer ikollhom japplikaw numru ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ u Assigurazzjoni tal-Kwalità (QA):

  • definizzjoni ta' pjan QA konġunt b'metodi u kriterji ta' evalwazzjoni komuni, skeda ta' żmien/tragwardi ta' implimentazzjoni u azzjonijiet ta' segwitu miftiehma. Il-proċedura QA se tkun teħtieġ li tiġi inkorporati fil-tfassil tal-proġett EMJMD fil-fażi tal-applikazzjoni, b'mod partikolari eżerċizzji ta' evalwazzjoni interna u esterna, rispons dwar l-indikaturi (eż impjegabilità tal-gradwati, is-sostenibilità), eċċ sejbiet QA u konklużjonijiet meħuda għandhom jiġu rrapportati mill-konsorzju lill-Aġenzija Eżekuttiva;
  • sottomissjoni ta' rapporti ta' progress/interim regolari dwar l-implimentazzjoni tal-proġett;
  • sorveljanza kwantitattiva u kwalitattiva tal-mobilità u l-prestazzjoni tal-istudenti (f'termini tal-attivitajiet implimentanti, krediti ECTS miksuba u lawrja mogħtija) permezz tal-Għodda għall-Mobilità online (EMT) tal-Aġenzija Eżekuttiva;
  • kollegament u kooperazzjoni (fejn ikun applikabbli u mistenni) mal-Assoċjazzjoni tal-Alunni tal-EM (websajt tal-EMA: http://www.em-a.eu);
  • laqgħat konġunti tal-HEIs parteċipanti, ir-rappreżentanti tal-istudenti, l-Uffiċjal(i) tal-Programm tal-Aġenzija Eżekuttiva, persunal tal-Aġenziji Nazzjonali kkonċernati u, fejn ikun meħtieġ, esperti esterni; tal-inqas sejjer ikun meħtieġ li tnejn mil-laqgħat jiġu organizzati mill-konsorzju EMJMD matul il-perjodu kopert mill-ftehim ta' għotja;
  • rispons mill-istudenti rreġistrati;
  • parteċipazzjoni f'laqgħat ta' raggruppamenti tematiċi organizzati mill-Kummissjoni, l-Aġenziji Nazzjonali jew l-Aġenzija Eżekuttiva biex jiġi appoġġjat l-iskambju ta' prattika tajba u tagħlim reċiproku. a.

Proċedura tal-għażla tal-konsorzji tal-emjmd

L-objettiv ewlieni tal-programm EMJMD huwa li jattira, jagħżel, u jiffinanzja l-eċċellenza; dan għandu jinftiehem kemm f'termini ta' kwalità akkademika tal-atturi ewlenin (organizzazzjonijiet parteċipanti u studenti tal-Master EMJMD), kif ukoll f'termini tal-kapaċità ta' implimentazzjoni tal-konsorzji li huma mistennija jwettqu programm ta' studju internazzjonali integrat mal-istudenti mill-Pajjiżi tal-Programm u dawk Sħab. Il-proposti se jiġu evalwati bis-sħiħ mill-esperti akkademiċi fi proċess ta' evalwazzjoni b'pass wieħed.

Abbażi tal-valutazzjoni tal-erba' kriterji tal-għoti, jiġifieri ir-Rilevanza tal-proġett, il-Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett, il-Kwalità tat-tim tal-proġett u l-arranġamenti ta' kooperazzjoni, l-Impatt u t-tixrid, se tiġi stabbilita lista ta' klassifikazzjoni tal-proposti kollha. Lista separata ta' klassifikazzjoni se tiġi stabbilita għal konsorzji li se jiġu kofinanzjati mill-UE u mill-MEXT. Dawk il-proposti biss li jkunu għaddew mil-limitu minimu ta' mill-inqas 30 punt minn 40 taħt il-kriterju tal-għoti "Rilevanza tal-proġett" u jkunu ġabu mill-inqas 70 punt minn 100 bħala total, se jiġu kkunsidrati għal finanzjament.

Dawk il-proposti li jgħaddu mil-limiti kollha se jiġu vvalutati għal boroż ta' studju addizzjonali għar-reġjuni tal-Pajjiżi Sħab fil-mira ddefiniti taħt it-taqsima "Boroż ta' studju addizzjonali għal studenti minn reġjuni fil-mira tad-dinja". L-esperti akkademiċi se janalizzaw u jevalwaw ir-risposti mogħtija għall-kriterji addizzjonali ta' għoti: "Relevanza tal-proġett fir-reġjun(i) fil-mira" u jindikaw, fuq bażi ta' iva/le, jekk l-informazzjoni hijiex rilevanti jew le.

Il-valutazzjoni tal-kriterju addizzjonali mhijiex ser tinfluwenza l-lista tal-klassifikazzjoni oriġinali li tirriżulta mill-evalwazzjoni tal-erba' kriterji ta' għoti (Relevanza tal-proġett, Kwalità tat-tifsila u l-implimentazzjoni tal-proġett, Kwalità tat-tim tal-proġett u l-arranġamenti ta' kooperazzjoni, Impatt u tixrid). Dan mhux ser japplika għal konsorzji li huma kofinanzjati mill-UE u mill-MEXT li mhumiex eliġibbli biex japplikaw għall-boroż ta' studju addizzjonali.

  • 1. Il-proċedura ta' għażla għandha tiġi organizzata b'tali mod li jiġi żgurat li jintagħżlu l-aħjar studenti mad-dinja kollha.
  • 2. Filwaqt li din il-kundizzjoni jeħtieġ li tiġi ssodisfat fil-ħin tar-reġistrazzjoni, il-konsorzji EMJMD jistgħu jiddeċiedu li jaċċettaw l-applikazzjonijiet ta' boroż ta' studju minn studenti fl-aħħar sena tal-ewwel grad tagħhom tal-edukazzjoni għolja.
  • 3. Studenti li jiffinanzjaw lilhom infushom huma jew studenti li jħallsu għall-istudji tagħhom jew studenti li jkunu ngħataw borża ta' studju minn skema oħra.