Traineeships għall-edukazzjoni vokazzjonali, apprendistati, u gradwati reċenti

Ħarsa ġenerali

Erasmus+ jappoġġja traineeships (kollokamenti f'impjieg jew perjodi ta' studji barra l-pajjiż) għal studenti rreġistrati fl-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET).

Dawn l-opportunitajiet huma miftuħa wkoll għal apprendisti bbażati f'kumpaniji u għal gradwati reċenti.

Tkun ospitat jew f'post tax-xogħol jew f'istituzzjoni VET oħra b'perjodi ta' tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol bħala parti mill-istudji tiegħek.

Għal traineeships li jdumu aktar minn xahar, l-aċċess għall-Appoġġ Lingwistiku Onlajn se jgħinek titgħallem il-lingwa użata fuq il-post tax-xogħol tiegħek jew fl-istudji tiegħek.

Tul ta' żmien

It-traineeships jistgħu jdumu bejn ġimagħtejn u 12-il xahar.

Kundizzjonijiet

Qabel ma tibda bħala trainee, int, l-istituzzjoni jew l-organizzazzjoni tiegħek u l-organizzazzjoni riċeventi se tagħmlu Ftehim ta' Tagħlim u tiffirmaw Impenn għall-Kwalità. Dan id-dokument jistabbilixxi l-għanijiet ta' tagħlim, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tiegħek u kif it-traineeship tiegħek se tiġi formalment rikonoxxuta.

L-organizzazzjoni jew l-istituzzjoni tiegħek u l-organizzazzjoni riċeventi jridu jkunu stabbiliti f'Pajjiżi tal-programm Erasmus+.

Biex tirċievi appoġġ ta' Erasmus+ bħala gradwat reċenti, it-traineeship tiegħek trid issir fi żmien sena mill-gradwazzjoni.

Appoġġ Finanzjarju

L-għotjiet tal-UE huma mfassla biex ikopru l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u sussistenza tiegħek matul iż-żmien li tqatta' barra l-pajjiż.

Għalkemm iffinanzjati mill-UE, l-għotjiet huma mmaniġġjati mill-organizzazzjoni li qed tibgħat inkwistjoni u hija responsabbli biex twettaq il-pagamenti lill-individwi

Jista' jkun li tkun tista' tirċievi l-flus biex jgħinuk titgħallem il-lingwa lokali tax-xogħol.

Kif tapplika

Int ma tistax tapplika għal għotja bħala individwu. L-applikazzjonijiet iridu jsiru mill-organizzazzjonijiet li min-naħa tagħhom jagħżlu l-kandidati għat-traineeships barra l-pajjiż.

Ikkuntattja lill-organizzazzjoni VET tiegħek biex issir taf jekk dawn l-opportunitajiet humiex disponibbli għalik.

Kun af aktar

Il-Gwida tal-Programm Erasmus+ ukoll toffri informazzjoni dettaljata dwar dawn l-opportunitajiet:

  • Ikkonsulta l-Parti B għall-kriterji tal-għoti, il-kriterji ta' eliġibbiltà, u r-regoli ta' finanzjament.

L-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jgħinuk bil-mistoqsijiet u l-applikazzjonijiet.

Aqsam din il-paġna