Lawrji tal-Masters Konġunt Erasmus Mundus

Kif tapplika

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura fil-kuntest ta' sejħa annwali għall-proposti.

X'inhi l-opportunità?

Il-Lawrji tal-Masters Konġunt Erasmus Mundus (EMJMD) jipprovdu l-opportunità lill-organizzazzjonijiet eleġibbli biex jorganizzaw u jmexxu flimkien programmi tal-lawrja tal-Masters. L-UE tipprovdi finanzjament għal dawn il-programmi biex issir selezzjoni ta’ studenti għal erba’ snin akkademiċi konsekuttivi. L-għan hu biex jiġu attirati studenti eċċellenti mid-dinja kollha, permezz ta’ boroż ta’ studju kompetittivi.

Kif jaħdem?

L-organizzazzjonijiet interessati li jipparteċipaw f’dawn l-opportunitajiet offruti mill-EMJMDs iridu jiffurmaw konsorzju ta' mill-anqas tliet istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja minn Pajjiżi tal-Programm differenti. Konsorzju jista' jinkludi istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja addizzjonali minn Pajjiż tal-Programm jew Pajjiż Sieħeb.

L-organizzazzjonijiet f'konsorzju jistgħu jagħmlu parti minn waħda minn tliet kategoriji prinċipali:

  • Applikant/Koordinatur - istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja stabbilita f’Pajjiż tal-Programm responsabbli biex tapplika għall-proġett u timmaniġġjah, jiġifieri biex tiffirma l-ftehim ta’ għotja, timmaniġġja l-aspetti finanzjarji u legali, u tikkoordina l-programm tal-lawrja tal-Masters mal-organizzazzjonijiet l-oħrajn,
  • Sħab - istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja li jagħtu lawrji tal-Masters rikonoxxuti mill-awtoritajiet rilevanti tal-Pajjiżi tal-Programm jew tal-Pajjiżi Sħab, kif ukoll kwalunkwe organizzazzjoni oħra li attivament tikkontribwixxi għall-preparazzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-EMJMD,
  • Sieħeb assoċjat - sħab opzjonali li jikkontribwixxu għal kompiti speċifiċi fl-implimentazzjoni tal-EMJMD.

L-impenn istituzzjonali meħtieġ tal-organizzazzjonijiet kollha li jkunu qed jipparteċipaw fil-konsorzju tal-EMJMD irid ikun attiv qabel ir-reġistrazzjoni tal-ewwel studenti tal-EMJMD u jrid ikopri l-aspetti akkademiċi, operazzjonali, amministrattivi u finanzjarji kollha relatati mal-implimentazzjoni tal-EMJMD.

It-tlestija b’suċċess tal-programm ta’ studju għandha twassal għall-għoti jew ta’ lawrja konġunta (jiġifieri ċertifikat wieħed ta’ lawrja maħruġ f’isem ta’ mill-anqas żewġ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja mill-konsorzju tal-EMJMD) jew lawrji multipli (jiġifieri tal-anqas żewġ ċertifikati tal-lawrja li joħorġu minn żewġ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla tal-konsorzju).

X'jeħtieġlek tkun taf aktar?

L-EMJMD hu programm ta’ studju ta’ 60, 90 u 120 kredits ECTS. Dan ifisser li jdum mhux anqas minn 12-il xahar u mhux aktar minn 24 xahar. L-EMJMDs magħżula se jirċievu livelli għoljin ta’ finanzjament għal perjodu ta’ tliet proċessi ta’ dħul ta’ studenti konsekuttivi.

Il-perjodu ta' studju għandu jsir f’tal-anqas żewġ Pajjiżi tal-Programm rappreżentati fil-konsorzju.

Il-proposti jridu jippreżentaw programm ta' studju konġunt żviluppat bis-sħiħ, lest biex jingħata u jiġi ppubbliċizzat mad-dinja kollha immedjatament wara s-selezzjoni.

Il-lawrji tal-Masters proposti jridu jkunu akkreditati u rikonoxxuti bis-sħiħ mill-awtoritajiet rilevanti fil-pajjiżi fejn huma stabbiliti l-HEIs.

L-HEIs parteċipanti mill-Pajjiżi tal-Programm irid ikollhom Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja valida.

Kif tapplika?

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura fil-kuntest ta' sejħa annwali għall-proposti.

Kun af aktar

Il-Gwida tal-Programm Erasmus+ hi s-sors ewlieni ta' informazzjoni għal dawn l-opportunitajiet.

Fuq is-sit web tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura hemm disponibbli aktar informazzjoni dwar il-proċess tal-applikazzjoni, kif ukoll mudelli u eżempji tad-dokumenti.

F’“24 Degrees”, l-akkademiċi jirrakkontaw l-istejjer tagħhom dwar il-programmi tal-Lawrja tal-Masters Konġunt Erasmus Mundus tagħhom.

Aqsam din il-paġna