Edukazzjoni għall-adulti

Ħarsa ġenerali

Erasmus+ jappoġġja perjodi ta' taħriġ f'organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni għall-adulti barra l-pajjiż.

Dawn l-opportunitajiet jikkonsistu f'korsijiet strutturati, perjodi ta' taħriġ barra l-pajjiż, monitoraġġ tal-impjieg jew perjodi ta' osservazzjoni fl-iskejjel jew f'organizzazzjonijiet oħra rilevanti.

Eżempji ta' organizzazzjonijiet bħal dawn jinkludu istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, korpi pubbliċi, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet ta' riċerka li jipprovdu korsijiet u taħriġ.

Hi disponibbli aktar informazzjoni għall-professjonisti fit-tagħlim tal-adulti permezz tal-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa (EPALE).

Tul ta' żmien

Inkarigu ta' taħriġ irid idum minimu ta' jumejn u ma jistax idum iktar minn xahrejn. Dan jeskludi ż-żmien tal-ivvjaġġar.

Kundizzjonijiet

Biex titħarreġ barra l-pajjiż ma' Erasmus+, l-organizzazzjoni tiegħek trid tapplika biex tipparteċipa fi proġett ta' mobilità.

Il-mobilità tal-persunal tal-edukazzjoni għall-adulti hi mfassla fi ħdan Pjan ta' Żvilupp Ewropew tal-organizzazzjonijiet li qed jibagħtu bil-għan li jimmodernizzaw u jagħtu xeħta internazzjonali lill-missjoni tagħhom. Il-proġett ta' mobilità jrid jistabbilixxi l-għanijiet ta' żvilupp professjonali bħala membru tal-persunal u jiżgura li dak li titgħallem hu rikonoxxut b'mod xieraq u maqsum mal-instituzzjoni tiegħek kollha.

Appoġġ finanzjarju

L-għotjiet tal-UE huma mfassla biex ikopru l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u sussistenza tiegħek matul iż-żmien li tqatta' barra l-pajjiż u t-tariffi tal-korsijiet jekk meħtieġ, kif ukoll joffru appoġġ organizattiv lill-istituzzjonijiet parteċipanti.

Għalkemm iffinanzjati mill-UE, l-għotjiet huma mmaniġġjati mill-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni għall-adulti involuti u huma responsabbli biex iwettqu l-pagamenti lill-individwi

Kif tapplika

Int ma tistax tapplika għal għotja bħala individwu. L-applikazzjonijiet iridu jsiru mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għall-adulti li min-naħa tagħhom jagħżlu l-kandidati għall-perjodi ta' taħriġ barra l-pajjiż mill-persunal tagħhom.

L-għażla tal-persunal biex jitħarreġ barra l-pajjiż għandha tkun ġusta, trasparenti u ddokumentata kif xieraq.

Kun af aktar

Staqsi fl-organizzazzjoni tal-edukazzjoni għall-adulti tiegħek biex issir taf jekk dawn l-opportunitajiet humiex disponibbli għalik.

Il-Gwida tal-Programm Erasmus+ ukoll toffri informazzjoni dettaljata dwar dawn l-opportunitajiet:

  • ikkonsulta l-Parti B għall-kriterji tal-għoti, il-kriterji ta' eliġibbiltà, u r-regoli ta' finanzjament.

L-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jgħinuk bil-mistoqsijiet u l-applikazzjonijiet.

Aqsam din il-paġna

Aħbarijiet u Avvenimenti Relatati