Ir-rappreżentanza f'Malta

Bauhaus Ewropew Ġdid: il-Kummissjoni tniedi l-fażi tad-disinn

/malta/file/countryreportjpg-0_mtcountryreport.jpg

Illum, il-Kummissjoni nediet il-fażi tad-disinn tal-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropew Ġdid, li tħabbret mill-President von der Leyen fid-diskors tagħha tal-2020 dwar l-Istat tal-Unjoni. Il-Bauhaus Ewropew Ġdid huwa proġett ambjentali, ekonomiku u kulturali, li għandu l-għan li jgħaqqad id-disinn, is-sostenibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-affordabbiltà u l-investiment, sabiex jgħin biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

18/01/2021

Għalhekk, il-valuri fundamentali tal-Bauhaus Ewropew Ġdid huma s-sostenibbiltà, l-estetika u l-inklużività. L-għan tal-fażi tad-disinn huwa li jintuża proċess ta' kokreazzjoni biex jissawwar il-kunċett billi jiġu esplorati l-ideat, jiġu identifikati l-iktar ħtiġijiet u sfidi urġenti, u jiġu konnessi l-partijiet ikkonċernati. Bħala element wieħed tal-fażi tad-disinn, din ir-rebbiegħa l-Kummissjoni se tniedi l-ewwel edizzjoni tal-premju tal-Bauhaus Ewropew Ġdid.

Din il-fażi tad-disinn se twassal għall-ftuħ ta' sejħiet għall-proposti fil-ħarifa ta' din is-sena biex l-ideat tal-Bauhaus Ewropew Ġdid isiru realtà f'mill-inqas ħames postijiet fl-Istati Membri tal-UE, permezz tal-użu tal-fondi mill-UE fil-livell nazzjonali u reġjonali.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, stqarret: “Il-Bauhaus Ewropew Ġdid huwa proġett ta' tama li jesplora kif nistgħu ngħixu aħjar flimkien wara l-pandemija. Il-proġett ilaqqa' s-sostenibbiltà mal-istil, sabiex il-Patt Ekoloġiku Ewropew ikun eqreb tan-nies f'moħħhom u fi djarhom. Għandna bżonn l-imħuħ kreattivi kollha: id-disinjaturi, l-artisti, ix-xjentisti, l-arkitetti u ċ-ċittadini, sabiex il-Bauhaus Ewropew Ġdid ikun suċċess.”

Mariya Gabriel, il-Kummissarju għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, stqarret: “Permezz tal-Bauhaus Ewropew Ġdid l-ambizzjoni tagħna hi li niżviluppaw qafas innovattiv biex tiġi appoġġata, iffaċilitata u aċċellerata t-trasformazzjoni ekoloġika billi nikkombinaw is-sostenibbiltà u l-estetika. Billi jservi ta' pont bejn id-dinja tal-arti u tal-kultura minn naħa u d-dinja tax-xjenza u tat-teknoloġija min-naħa l-oħra, se niżguraw li tiġi involuta s-soċjetà kollha kemm hi: l-artisti tagħna, l-istudenti tagħna, l-arkitetti tagħna, l-inġiniera tagħna, l-akkademiċi tagħna, u l-innovaturi tagħna. Se jagħti bidu għal bidla sistemika.”

Il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira kkummentat: “Il-Bauhaus Ewropew Ġdid huwa proġett dwar kif ngħixu flimkien, dwar il-valuri tagħna, dwar l-ispazji komuni tax-xogħol u tad-divertiment tagħna, u dwar l-esperjenzi kollettivi u privati tagħna. Dan huwa proġett għar-reġjuni u għat-territorji kollha fl-Ewropa. Filwaqt li jippromwovi soluzzjonijiet għall-but ta' kulħadd, għandu jikkontribwixxi għall-koeżjoni soċjali u għas-soluzzjoni tal-problemi tas-settur tal-abitazzjoni. Jekk irridu nwasslu bidla reali madwarna, għal ħajja iktar sabiħa u sostenibbli flimkien, hemm bżonn naħsbu dwar kif il-Bauhaus Ewropew Ġdid jista' jservi ta' pont għall-ġenerazzjoni ta' ideat ġodda li jiġu implimentati f'postijiet fiżiċi. Għalhekk, fil-Kummissjoni qed nesploraw kif l-għodod tagħna jistgħu jiġu mmobilizzati biex inniedu l-ewwel sett ta' azzjonijiet konkreti għal Bauhaus Ewropew Ġdid.”

Sfond

Il-Bauhaus Ewropew Ġdid huwa inizjattiva kreattiva, li tkisser il-konfini bejn ix-xjenza u t-teknoloġija, l-arti, il-kultura u l-inklużjoni soċjali, sabiex id-disinn ikun jista' jsib soluzzjonijiet għall-problemi ta' kuljum. 

Fuq is-sit web li tnieda apposta għalhekk illum, l-artisti, id-disinjaturi, l-inġiniera, ix-xjentisti, l-imprendituri, l-arkitetti, l-istudenti, u l-persuni interessati kollha jistgħu jikkondividu eżempji ta' kisbiet ta' ispirazzjoni għall-Bauhaus Ewropew Ġdid, l-ideat tagħhom dwar kif dan għandu jissawwar u kif għandu jevolvi, kif ukoll it-tħassib u l-isfidi tagħhom.

Dan huwa l-bidu ta' proċess innovattiv ta' kodisinn. L-organizzazzjonijiet li jridu jagħmlu iktar sforz fl-involviment tagħhom f'dan il-proċess jistgħu jsiru “Sħab tal-Bauhaus Ewropew Ġdid”, billi jwieġbu għas-sejħa fuq is-sit web.

Fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni se tagħti premjijiet lil eżempji eżistenti li jirrappreżentaw l-integrazzjoni tal-valuri ewlenin tal-inizjattiva, u li jistgħu jispiraw id-diskussjonijiet dwar il-postijiet fejn ngħixu u t-trasformazzjoni tagħhom.

Fil-fażi li jmiss tal-inizjattiva – il-fażi tat-“twassil”, se jiġu stabbiliti ħames proġetti pilota biex ikun hemm proċess ta' kodisinn ta' soluzzjonijiet sostenibbli u inklużivi ġodda bi stil. L-objettiv tat-tielet fażi, it-“tixrid”, huwa li jinxterdu l-ideat u l-kunċetti li jiddefinixxu l-Bauhaus Ewropew Ġdid permezz ta' proġetti ġodda, in-networking u l-kondiviżjoni tal-għarfien, fl-Ewropa u lil hinn minnha.

Għal iktar informazzjoni

Is-sit web tal-Bauhaus Ewropew Ġdid u “l-Bauhaus Ewropew Ġdid spjegat”

Il-Bauhaus Ewropew Ġdid fuq Instagram

Il-Bauhaus Ewropew Ġdid fuq Pinterest