Ir-rappreżentanza f'Malta

Jum l-Ewropa - 9 ta’ Mejju (u lil hinn)

/malta/file/jum-l-ewropa_mtJum l-Ewropa

Jum l-Ewropa
Jum l-Ewropa

Jum l-Ewropa jiċċelebra, kull sena fid-9 ta’ Mejju, il-paċi u l-għaqda fl-Ewropa. Id-data timmarka l-anniversarju tad-dikjarazzjoni Schuman. F’diskors storiku f’Pariġi fl-1950, Robert Schuman, li dak iż-żmien kien il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franċiż, stabbilixxa l-ħsieb tiegħu għal forma ġdida ta’ kooperazzjoni politika għall-Ewropa, li tagħmel il-gwerra bejn in-nazzjonijiet Ewropej inkonċepibbli.

Date: 
06/05/2018 - 09:00 to 10/05/2018 - 09:30

Il-viżjoni tiegħu kienet li tinħoloq istituzzjoni Ewropea li tiġbor flimkien u tmexxi l-produzzjoni tal-faħam u l-azzar. Dan seħħ permezz ta’ trattat li ġie ffirmat ftit inqas minn sena wara. Il-proposta ta’ Schuman hi meqjusa bħala l-bidu ta’ dik li llum hi l-Unjoni Ewropea.

Biex jitfakkar dan l-anniversarju, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, b’kollaborazzjoni ma’ l-Uffiċċju ta’ Kollaborazzjoni tal-Parlament Ewropew u tliet Uffiċċji Europe Direct (EDICs) f’Malta u Għawdex, qed torganizza għadd ta’ attivitajiet. L-avvenimenti prinċipali se jkunu:

  • Jum tal-familja f’Villa Rundle Garden, ir-Rabat Għawdex: Flimkien ma’ EDIC Għawdex, se nagħtu bidu liċ-ċelebrazzjonijiet nhar il-Ħadd is-6 ta’ Mejju mis-2:00pm sas-6.00pm, b’nofstanhar mimli attivitajiet ta’ pjaċir għall-familja kollha: mużika live, żfin, divertiment u logħob għat-tfal, ikel internazzjonali, stands tal-informazzjoni u aktar! Taħlita perfetta biex nibdew il-ġimgħa ta’ Jum l-Ewropa!
     
  • Lejla Kwiżż għal Jum l-Ewropa: Filgħaxija t-Tlieta t-8 ta’ Mejju (mis-7.00pm sad-9.00pm), l-EDIC tal-Università qed tistieden studenti minn Malta biex jieħdu sehem fi kwiżż dwar l-UE fis-Suq tal-Belt. Il-kwiżż se jkopri l-aspetti kollha tal-Ewropa mill-UE sal-futbol, il-mużika u ħafna aktar temi. Se jiġi pprovdut ikel b’xejn, u jistgħu jintrebħu erba’ vouchers tal-Air Malta għall-valur ta’ 100 euro. Mela ejjew ippreparati!
     
  • Iltaqa' mal-punti ta’ kuntatt UE tiegħek: f’Jum l-Ewropa (l-Erbgħa d-9 ta’ Mejju, bejn id-9.00am u s-2.00pm), l-EDIC Valletta qed jiġbor l-uffiċċji kollha f’Malta relatati mal-UE f’Misraħ il-Ħelsien, il-Belt, Valletta, quddiem il-bini tal-Parlament. Il-missjoni tagħhom? Jinfurmaw liċ-ċittadini dwar x’jistgħu jagħmlu għalihom: id-drittijiet taċ-ċittadini, id-drittijiet tal-konsumaturi, il-fondi tal-UE, opportunitajiet ta’ xogħol fl-UE u aktar.
     
  • L-identità Ewropea tagħna — Nimxu ’l quddiem flimkien : nhar l-Erbgħa d-9 ta’ Mejju, f’nofsinhar, flimkien ma’ EDIC Università, JEF Malta u l-Uffiċċju ta’ Kollaborazzjoni tal-Parlament Ewropew, se jkollna dibattitu l-Università dwar l-identità tagħna bħala ċittadini Ewropej, id-drittijiet u l-libertajiet li din toffrilna u l-mogħdijiet quddiemna lejn futur Ewropew komuni. F’dan id-dibattitu se jkun hemm diversi politiċi Ewropej prominenti, dinjitarji, u uffiċjali. L-ewwel siegħa se tkun sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba stil hot seat, u se jkun hemm bosta hemm ambaxxaturi Ewropej biex jaqsmu magħna xi tfisser l-Ewropa għalihom. Wara dan, jibda dibattitu vivaċi minn panel sas-1.00pm, fejn ikollok l-opportunità tistaqsi u tipparteċipa fid-dibattitu int ukoll. Il-panel ser jiġi segwit minn sessjoni ta’ diskussjoni interattiva li tibda fl-4.00 pm, fejn se nkunu qed niddiskutu it-toroq kollha possibbli għall-ġejjieni tal-Ewropa.
     
  • Kompetizzjoni Facebook #VallettaUpClose: l-2018 hii s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, u  mill-Erbgħa 9 ta’ Mejju se nkunu qed naraw kemm tafu dwar il-wirt kulturali tal-belt kapitali tagħna Valletta! Darbtejn fil-ġimgħa, għal madwar 6 ġimgħat, se nippubblikaw fuq il-paġna tal-Facebook tagħna (link estern) dettall mill-qrib ta’ karatteristika tal-Belt Valletta jew tal-madwar. F’idejk biex taqta’ r-ritratt ta’ xiex inhu, tirbaħ premijiet sbieħ, u jaf tkun iċ-ċampjin kulturali tagħna!