X'qed tagħmel il-Kummissjoni

Iċ-ċittadini Ewropej jeħtieġ li jkollhom aċċess għal ikel sikur u bnin tal-ogħla standard.

Sensiela ta’ inċidenti tal-ikel fi tmiem is-snin 1990 ġibdu l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jiġu stabbiliti prinċipji u rekwiżiti ġenerali dwar il-liġi tal-ikel u tal-għalf fil-livell tal-UE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea żviluppat approċċ integrat għas-sikurezza alimentari “mill-impriża agrikola għall-furketta”, primarjament stipulat fil-White paper dwar is-sikurezza alimentari. Dan ikopri s-setturi kollha tal-katina alimentari, inkluż il-produzzjoni tal-għalf, il-produzzjoni primarja, l-ipproċessar tal-ikel, il-ħżin, it-trasport u l-bejgħ lill-konsumatur.

Objettivi
  • tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u s-s-saħħa tal-bniedem u l-protezzjoni tal-interessi tal-konsumatur, il-prattiki ġusti fil-kummerċ tal-ikel filwaqt li tqis is-saħħa u l-benessri tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u l-ambjent
  • tiżgura l-moviment liberu ta’ ikel u għalf manifatturat u mqiegħed fis-suq fl-UE, skont ir-regolament tal-liġi ġenerali dwar l-ikel
  • tiffaċilita l-kummerċ globali ta’ għalf sikur u ta’ ikel sikur u bnin filwaqt li tqis l-istandards u l-ftehimiet internazzjonali fl-iżvilupp tal-liġi tal-UE, ħlief meta din tista’ thedded il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur imfittex mill-UE