X’inhi l-Prospettiva Strateġika

Il-prospettiva hi d-dixxiplina tal-esplorazzjoni, l-antiċipazzjoni u t-tfassil tal-futur li tgħin tibni u tuża l-intelliġenza kollettiva b’mod strutturat, sistematiku u sistemiku biex jiġu antiċipati l-iżviluppi. Il-prospettiva strateġika, min-naħa l-oħra, tara li tinkorpora l-prospettiva fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni Ewropea.

Il-Prospettiva Strateġika se:

  • tantiċipa t-tendenzi, il-kwistjonijiet emerġenti, u l-implikazzjonijiet u l-opportunitajiet potenzjali tagħhom sabiex jinsilet għarfien utli għall-ippjanar strateġiku, it-tfassil tal-politika u t-tħejjija. Dan huwa wkoll l-għan tas-sensiela ta’ newsletters “Foresight On” li jappoġġjaw il-ħsieb futur fost dawk li jfasslu l-politika u jispiraw strateġiji dwar politiki fit-tul.
  • tinforma d-disinn ta’ inizjattivi ġodda u r-rieżami ta’ dawk eżistenti skont l-istrumenti tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar;
  • tibni intelliġenza kollettiva b’mod strutturat u sistematiku biex jiġu żviluppati aħjar il-mogħdijiet ta’ tranżizzjoni possibbli, tipprepara l-UE biex tirreżisti x-xokkijiet u ssawar il-futur li nixtiequ.

Il-Prospettiva Strateġika ma tipprevedix il-futur; tesplora futuri differenti possibbli, flimkien mal-opportunitajiet u l-isfidi li dawn jistgħu jippreżentaw. Fl-aħħar mill-aħħar, tgħinna naġixxu fil-preżent biex insawru l-futur li nixtiequ.

Atturi ewlenin

Il-Viċi President Maroš Šefčovič huwa l-ewwel membru tal-Kulleġġ tal-Kummissarji inkarigat mill-prospettiva strateġika. Fil-Kummissjoni, parti mill-missjoni tal-Viċi President Maroš Šefčovič hi li jmexxi l-isforzi biex jintegra l-prospettiva strateġika fil-qalba tat-tfassil tal-politika tal-UE. Is-Segretarjat Ġenerali u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka imexxu l-implimentazzjoni tal-mandat (dan tal-aħħar juża l-kapaċitajiet ta’ prospettiva interni tiegħu). In-Network ta’ Prospettiva Strateġika tal-Kummissjoni jiżgura koordinazzjoni tal-politika fit-tul bejn id-Direttorati Ġenerali kollha. Il-Kummissjoni se tibni kooperazzjoni u alleanzi ta’ prospettiva ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, l-aktar fil-kuntest tas-Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġiji u l-Politiki (ESPAS). Hi taħdem ukoll ma’ sħab internazzjonali, u tiżviluppa sħubiji li jibbażaw fuq il-kapaċitajiet ta’ prospettiva pubblika tal-Istati Membri permezz tan-Network ta’ Prospettiva għall-UE kollha.

Appoġġ għat-tfassil tal-politika tal-UE

Il-Prospettiva Strateġika tgħin ittejjeb it-tfassil tal-politika, l-iżvilupp ta’ strateġiji li jibqgħu validi għall-futur u tiżgura li l-azzjonijiet fuq terminu qasir ikunu koerenti mal-objettivi fit-tul bl-użu ta’ għadd ta’ tekniki differenti, inklużi:

landscape

Analiżi tal-prospettivi: analiżi sistematika u ġabra ta’ avvenimenti u tendenzi, bl-output li jkun hemm xenarju tal-futur jew immappjar viżwali ta’ sinjali ġodda ta’ bidla.

megatrends

Analiżi tal-megatendenzi: analiżi u diskussjoni ta’ ċaqliq fit-tendenzi u interazzjoni tat-tendenzi, bl-eżitu li tinħoloq storja tal-futur (waħda) u pjan ta’ azzjoni

frames

Ippjanar tax-xenarju: proċess interattiv u iterattiv, li jinvolvi intervisti, analiżi u mmudellar, bl-eżitu li jinħoloq sett ta’ stejjer ta’ futuri plawżibbli, jogħġbuniex jew le, u kif dawn jistgħu jseħħu

objective

Ħolqien ta’ viżjonijiet: identifikazzjoni ta’ direzzjoni ppreferuta, bl-eżitu li jkun hemm fehim kondiviż u deskrizzjoni espliċita tal-futur preferut u pjan direzzjonali fuq terminu medju li jagħti dettalji dwar azzjonijiet speċifiċi biex isir progress lejn il-viżjoni

Il-prospettiva strateġika se tiggwida lill-Kummissjoni biex tikseb is-sitt ambizzjonijiet ewlenin tal-President von der Leyen billi:

  • jitwettqu eżerċizzji ta’ prospettiva dwar kwistjonijiet li jħarsu ’l quddiem biex jiġu esplorati modi kif jinkisbu l-aspirazzjonijiet imsemmija fil-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni, jiġu analizzati t-tendenzi ewlenin u l-kwistjonijiet emerġenti u jiġu definiti suġġetti ta’ interess għall-UE. Dawn l-eżerċizzji se jinkludu l-pubblikazzjoni ta’ Rapport annwali ta' Prospettiva Strateġika. Bil-ħsieb li tibda mill-2021, it-tħejjija tagħha se tkun ibbażata fuq ċikli ta’ prospettiva sħaħ, bl-għan li jiggwidaw il-prijoritajiet tad-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, il-Programm ta' Ħidma Annwali tal-Kummissjoni u l-programmazzjoni pluriennali
  • li tappoġġja l-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni bħala parti mill-Aġenda riveduta dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar. L-inizjattivi ta’ politika ewlenin għandhom ikunu infurmati minn prospettiva strateġika, li tiżgura li l-politiki tal-UE jkunu bbażati fuq fehim ċar ta’ tendenzi futuri u kwistjonijiet emerġenti, xenarji possibbli u sfidi u opportunitajiet relatati
  • it-tisħiħ tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni Regolatorju, li jidentifika opportunitajiet biex jitnaqqas il-piż regolatorju tal-Ewropa, u jinforma l-valutazzjoni dwar jekk il-liġijiet eżistenti tal-UE għadhomx “adatti għall-futur”

Rapport ta’ Prospettiva Strateġika

Dan huwa l-ewwel wieħed mir-Rapporti ta’ Prospettiva Strateġika tal-Kummissjoni. Fil-Komunikazzjoni tagħha “Prospettiva Strateġika - Inwittu t-triq lejn Ewropa aktar reżiljenti”, il-Kummissjoni tippreżenta l-istrateġija tagħha biex tinkorpora l-prospettiva strateġika fit-tfassil tal-politika tal-UE. Din tiddiskuti l-ewwel tagħlimiet strutturali meħuda mill-kriżi tal-COVID-19, u tispjega kif il-prospettiva tista’ tgħin biex tissaħħaħ ir-reżiljenza fit-tul tal-Ewropa f’era ta’ bidla fundamentali u rapida. Dan tagħmlu billi tanalizza r-reżiljenza tal-UE f’erba’ dimensjonijiet: soċjali u ekonomika, ġeopolitika, ekoloġika u diġitali.

Rapport ta' Prospettiva Strateġika 2020

Network ta’ Prospettiva għall-UE kollha

It-tnedija ta’ Network ta’ Prospettiva għall-UE kollha tħabbret fir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-Kummissjoni tal-2020.

L-objettiv tiegħu huwa li tiġi żviluppata sħubija li tibni fuq il-kapaċitajiet ta’ prospettiva tal-amministrazzjoni pubblika, billi tiġbor flimkien l-għarfien espert tal-intelliġenza u tal-prospettiva mill-Istati Membri kollha u l-Kummissjoni Ewropea għal skambji strateġiċi u kooperazzjoni dwar kwistjonijiet li jħarsu ’l quddiem rilevanti għall-Ewropa. Dan jinkludi suġġetti bħall-awtonomija strateġika miftuħa, ir-reżiljenza u l-kapaċità tagħna li niksbu tranżizzjonijiet ekoloġiċi, diġitali u ġusti. In-Network ta’ Prospettiva għall-UE kollha għandu żewġ livelli. Il-“Ministri għall-Futur” indikati minn kull Stat Membru fuq stedina tal-Viċi President Šefčovič jiltaqgħu b’mod informali mill-inqas darba fis-sena. Ir-rwol ewlieni tagħhom huwa li jiddiskutu u jaqblu mal-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet strateġiċi ewlenin għall-aġenda ta’ prospettiva strateġika tal-Kummissjoni, jieħdu kont tal-progress, jiddiskutu kwistjonijiet ewlenin ta’ rilevanza għall-futur tal-Ewropa u jaqblu dwar is-segwitu. Din il-ħidma se tikkontribwixxi għall-ipprogrammar strateġiku tal-UE.

Il-ħidma tal-Ministri għall-Futur hija appoġġjata minn network ta’ uffiċjali għolja mill-amministrazzjonijiet nazzjonali, li jiltaqgħu mill-inqas darbtejn fis-sena biex iħejju laqgħat ministerjali u biex jieħdu kont tas-segwitu tal-konklużjonijiet tagħhom.

Il-passi li jmiss

  • Ir-Rapport Annwali ta' Prospettiva Strateġika 2021
  • Iktar żvilupp fit-tabelli ta’ indikaturi tar-reżiljenza
  • L-implimentazzjoni ta’ Aġenda ta’ Prospettiva Strateġika
  • Il-Konferenza annwali dwar is-Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġiji u l-Politiki (ESPAS)

Kuntatt

Għal kwalunkwe mistoqsija, jekk jogħġbok ikkuntattjana fuq SG-FORESIGHT@ec.europa.eu; JRC-FORESIGHT@ec.europa.eu

Dokumenti

IddawnlowdjaPDF - 2.3 MB
IddawnlowdjaPDF - 578.3 KB