Introduzzjoni
![]() |
Dan hu n-NextGenerationEU. Dan hu aktar minn pjan ta’ rkupru. Hu opportunità ta’ darba li noħorġu aktar b’saħħitna mill-pandemija, nittrasformaw l-ekonomiji tagħna u noħolqu opportunitajiet u impjiegi għall-Ewropa li nixtiequ ngħixu fiha. Għandna dak kollu li hemm bżonn biex dan iseħħ.
Għandna l-viżjoni, għandna l-pjan, u qbilna li ninvestu €806.9 biljun* flimkien.
Issa wasal iż-żmien li nmiddu idejna għax-xogħol, biex nagħmlu l-Ewropa aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar reżiljenti.
*Din iċ-ċifra hija fi prezzijiet attwali. Din tammonta għal €750 biljun fi prezzijiet tal-2018. |
L-akbar pakkett ta’ stimolu li qatt ġie ffinanzjat
Il-baġit fit-tul tal-UE, flimkien man-NextGenerationEU (NGEU), l-istrument temporanju mfassal biex jagħti spinta lill-irkupru, se jkun l-akbar pakkett ta’ stimolu li qatt ġie ffinanzjat fl-Ewropa. B’kollox, €2.018 triljun fi prezzijiet attwali se jgħinu biex l-Ewropa tinbena mill-ġdid wara l-COVID-19. Din se tkun Ewropa aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar reżiljenti.
Il-baġit il-ġdid fit-tul se jkollu żieda fil-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà biex jiggarantixxi li għandu l-kapaċità li jindirizza ħtiġijiet mhux previsti. Dan hu baġit adattat mhux biss għar-realtajiet tal-lum iżda anke għall-isfidi ta’ għada.
L-aħħar pass tal-adozzjoni tal-baġit fit-tul li jmiss tal-UE ntlaħaq fis-17 ta’ Diċembru 2020.
*€1.8 triljun fi prezzijiet tal-2018
Fatti u figuri tal-QFP 2021-2027 u tan-NextGenerationEU
L-elementi ewlenin tal-ftehim
Aktar minn 50% tal-ammont se jappoġġja l-modernizzazzjoni, pereżempju permezz ta’:
![]() |
riċerka u innovazzjoni, permezz ta’ Orizzont Ewropa |
![]() |
il-klima ġusta u t-tranżizzjonijiet diġitali, permezz tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Programm Ewropa Diġitali |
![]() |
tħejjija, irkupru u reżiljenza, permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, rescEU u programm ġdid tas-saħħa, EU4Health |
Barra minn hekk, il-pakkett jagħti attenzjoni lil
![]() |
l-immodernizzar tal-politiki tradizzjonali bħall-koeżjoni u l-politika agrikola komuni, biex jiġi mmassimizzat il-kontribut tagħhom għall-prijoritajiet tal-Unjoni |
![]() |
il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, b’30% tal-fondi tal-UE, l-ogħla sehem li qatt kien hemm mill-baġit Ewropew |
![]() |
il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri |
Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u allokazzjonijiet totali tan-NextGenerationEU għal kull intestatura*
QFP | NextGenerationEU | |
---|---|---|
1. Suq uniku, innovazzjoni u diġitali | €149.5 biljun | €11.5-il biljun |
2. Koeżjoni, reżiljenza u valuri | €426.7 biljun | €776.5 biljun |
3. Riżorsi naturali u ambjent | €401 biljun | €18.9-il biljun |
4. Migrazzjoni u ġestjoni tal-fruntieri | €25.7 biljun | - |
5. Sigurtà u difiża | €14.9-il biljun | - |
6. Viċinat u d-dinja | €110.6 biljun | - |
7. Amministrazzjoni Pubblika Ewropea | €82.5 biljun | - |
QFP TOTALI | €1,099.7 biljun | €806.9 biljun |
L-ammonti kollha huma f’€, fi prezzijiet attwali. Sors: Il-Kummissjoni Ewropea
NextGenerationEU
![]() |
In-NextGenerationEU hu strument ta’ rkupru temporanju ta’ aktar minn €800 biljun biex jgħin biex tissewwa l-ħsara ekonomika u soċjali immedjata kkawżata mill-pandemija tal-coronavirus. L-Ewropa ta’ wara l-COVID-19 se tkun aktar ekoloġika, aktar diġitali, aktar reżiljenti u aktar adatta għall-isfidi attwali u futuri. |
- Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza: il-qofol tan-NextGenerationEU b’€723.8 biljun f’self u għotjiet disponibbli biex jiġu appoġġjati r-riformi u l-investimenti mwettqa mill-pajjiżi tal-UE. L-għan huwa li jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-coronavirus u li l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej isiru aktar sostenibbli, reżiljenti u mħejjija aħjar għall-isfidi u l-opportunitajiet tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. L-Istati Membri qed jaħdmu fuq il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza biex jaċċessaw il-fondi taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
- Assistenza ta’ Rkupru għall-Koeżjoni u t-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU): In-NextGenerationEU jinkludi wkoll €50.6 biljun għar-REACT-EU. Din hija inizjattiva ġdida li tkompli u testendi r-rispons għall-kriżijiet u l-miżuri ta’ rimedju għall-kriżi mwassla permezz tal-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus u l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus. Se tikkontribwixxi għal irkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija. Il-fondi se jkunu disponibbli għal
- il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR)
- il-Fond Soċjali Ewropew (FSE)
- il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD)
Dawn il-fondi addizzjonali se jingħataw fil-perjodu 2021-2022. - In-NextGenerationEU se jġib ukoll flus addizzjonali għal programmi jew fondi Ewropej oħra bħall-Orizzont 2020, l-InvestEU, l-iżvilupp rurali jew il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF).
Tqassim tan-NextGenerationEU
Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) | €723.8 biljun |
li minnhom, self | €385.8 biljun |
li minnhom, għotjiet | €338.0 biljun |
ReactEU | €50.6 biljun |
Orizzont Ewropa | €5.4 biljun |
InvestEU | €6.1 biljun |
Żvilupp Rurali | €8.1 biljun |
Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) | €10.9 biljun |
RescEU | €2 biljun |
TOTAL | €806.9 biljun |
L-ammonti kollha huma f’€, fi prezzijiet attwali. Sors: Il-Kummissjoni Ewropea
Figuri
Ċifri tal-NextGenerationEU għal kull pajjiż tal-UE
- Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza: allokazzjoni ta’ għotjiet għal kull Stat Membru
- REACT-EU: allokazzjonijiet 2021
- Fond għal Tranżizzjoni Ġusta: allokazzjonijiet lill-Istati Membri
- Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali: allokazzjonijiet għal kull Stat Membru
Ċifri tal-QFP għal kull pajjiż tal-UE
- QFP 2021-2027 Diżaggregazzjoni tal-allokazzjonijiet tal-Politika ta’ Koeżjoni għal kull Stat Membru (prezzijiet kurrenti)
- QFP 2021-2027 Diżaggregazzjoni tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija għal kull Stat Membru (prezzijiet attwali)
- QFP 2021-2027 Diżaggregazzjoni tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali għal kull Stat Membru (QFP biss, prezzijiet kurrenti)
Il-finanzjament tal-baġit fit-tul tal-UE u n-NextGenerationEU
![]() |
Il-baġit fit-tul tal-UE se jkompli jiġi ffinanzjat permezz tar-riżorsi tad-dħul magħrufa sew tal-baġit tal-UE:
Barra minn hekk, mill-1 ta’ Jannar 2021, se tiġi introdotta kontribuzzjoni nazzjonali ġdida bbażata fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat bħala sors ta’ dħul tal-baġit tal-UE. |
Self għall-finanzjament tal-irkupru
Biex tiffinanzja n-NextGenerationEU, il-Kummissjoni Ewropea - f’isem l-Unjoni Ewropea - se tissellef fis-swieq b'rati aktar favorevoli minn ħafna Stati Membri u tqassam mill-ġdid l-ammonti.
Il-Kummissjoni Ewropea diġà toħroġ bonds biex tiffinanzja self lill-UE u lil pajjiżi terzi taħt erba’ programmi, inkluż sa €100 biljun għall-programm SURE biex jiġu appoġġjati l-impjiegi u n-nies jibqgħu jaħdmu.
Biex tiġbor sa madwar €800 biljun fi prezzijiet attwali sal-2026 għan-NextGenerationEU taħt l-aħjar termini finanzjarji – 5% tal-PDG tal-UE – il-Kummissjoni se tuża strateġija ta’ finanzjament diversifikat.
Pjan direzzjonali ċar lejn sorsi ġodda ta’ dħul biex jgħinu fil-ħlas lura tas-self.
F’Diċembru 2021, il-Kummissjoni pproponiet tliet sorsi ġodda ta’ dħul għall-baġit tal-UE, biex tgħin tħallas lura l-parti tal-għotjiet tan-NextGenerationEU u tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-Fond Soċjali għall-Klima, bil-għan li tiżgura li t-tranżizzjoni lejn ekonomija dekarbonizzata ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura.
![]() |
Riżorsa proprja tas-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet |
![]() |
Riżorsa proprja tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera |
![]() |
Riżorsa proprja bbażata fuq il-profitti riallokati ta’ kumpaniji multinazzjonali kbar ħafna |
Il-Kummissjoni issa se taħdem mal-Parlament Ewropew u mal-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill lejn approvazzjoni rapida tas-sorsi ġodda ta’ dħul.
Il-Kummissjoni se tipproponi riżorsi proprji ġodda addizzjonali sa tmiem l-2023.
Sorsi ta’ dħul għall-baġit tal-UE għall-2021-2027
Il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ riżorsi proprji tal-UE
Il-passi li jmiss
Il-Kummissjoni Ewropea bdiet timpenja l-fondi taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (il-baġit fit-tul tal-UE) mill-1 ta’ Jannar 2021, wara l-adozzjoni tar-regoli rilevanti speċifiċi għas-settur kif ukoll tal-baġit annwali għall-2021 mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.
Fil-31 ta’ Mejju 2021, l-Istati Membri kollha rratifikaw id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni issa tista’ tibda tiffinanzja l-irkupru taħt in-NextGenerationEU. Fil-15 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ġabret €20 biljun fl-ewwel tranżazzjoni tagħha tan-NextGenerationEU .
Il-benefiċjarji
Kulħadd jista’ jibbenefika mill-baġit tal-UE. Sib sejħiet miftuħin u li se jinfetħu dalwaqt għal proposti ta' finanzjament, ikseb informazzjoni ta' sfond dwar il-proċessi u l-programmi ta' finanzjament, u applika online.
Kuntest
Il-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha għall-baġit fit-tul li jmiss tal-UE fit-2 ta’ Mejju 2018. Il-proposta ta’ qafas ġiet segwita immedjatament minn proposti leġiżlattivi għas-37 programm settorjali (eż. koeżjoni, agrikoltura, Erasmus, Orizzont Ewropa, eċċ). Bejn l-2018 u l-bidu tal-2020, il-Kummissjoni ħadmet id f’id mal-Presidenzi b’rotazzjoni tal-Kunsill, u f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew, biex tmexxi n-negozjati ’l quddiem.
Fis-27 ta’ Mejju 2020, b’reazzjoni għall-kriżi bla preċedent ikkawżata mill-coronavirus, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet l-istrument ta’ rkupru temporanju NextGenerationEU, kif ukoll rinforzi mmirati għall-baġit fit-tul tal-UE għall-2021-2027.
Fil-21 ta’ Lulju 2020, il-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-UE laħqu ftehim politiku dwar il-pakkett.
Fl-10 ta’ Novembru 2020, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu qbil dwar il-pakkett.
Fl-10 ta’ Diċembru 2020, l-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill Ewropew qablu li jiffinalizzaw l-adozzjoni tar-Regolament QFP u tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, fil-livell tal-Kunsill.
Fis-17 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill iddeċieda li jadotta l-baġit fit-tul li jmiss tal-UE għall-perjodu 2021-2027. Dan kien l-aħħar pass fil-proċess ta’ adozzjoni wara l-votazzjoni fil-Parlament Ewropew fis-16 ta’ Diċembru, li approva r-Regolament QFP b’maġġoranza sinifikanti.
Fit-18 ta’ Diċembru 2020, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-istrument ewlieni fil-qalba tan-NextGenerationEU.