Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-UE stabbilixxew il-Portal Globali, strateġija Ewropea ġdida biex tingħata spinta lill-konnessjonijiet intelliġenti, nodfa u siguri fis-setturi diġitali, tal-enerġija u tat-trasport u biex jissaħħu s-sistemi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tar-riċerka fid-dinja kollha.

L-UE qed iżżid l-offerta tagħha lis-sħab tagħha b’investimenti maġġuri fl-iżvilupp tal-infrastruttura madwar id-dinja. Bejn l-2021 u l-2027, it-Tim Ewropa, jiġifieri l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri tal-UE b’mod konġunt, se jimmobilizza investimenti sa €300 biljun f’dawn l-oqsma:

  • is-settur diġitali
  • il-klima u l-enerġija
  • it-trasport
  • is-saħħa
  • l-edukazzjoni u r-riċerka
”Se nappoġġjaw investimenti intelliġenti f’infrastruttura ta’ kwalità, li tħares l-ogħla standards soċjali u ambjentali, b’mod konformi mal-valuri u l-istandards tal-UE. L-istrateġija tal-Portal Globali hija mudell għal kif l-Ewropa tista’ tibni konnessjonijiet aktar reżiljenti mad-dinja."

Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea
President von der Leyen

Il-Portal Globali se jwassal proġetti sostenibbli u ta’ kwalità għolja, filwaqt li jqis il-ħtiġijiet tal-pajjiżi sħab u jiżgura benefiċċji dejjiema għall-komunitajiet lokali. Il-Portal Globali se jippermetti lis-sħab tal-UE jiżviluppaw is-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħhom, iżda joħolqu wkoll opportunitajiet biex is-settur privat tal-Istati Membri tal-UE jinvesti u jibqa’ kompetittiv, filwaqt li jiżgura l-ogħla standards ambjentali u tax-xogħol, kif ukoll il-ġestjoni finanzjarja tajba.

Il-Portal Globali huwa l-kontribuzzjoni tal-UE biex tnaqqas id-distakk globali fl-investiment fid-dinja kollha. Huwa konformi mal-impenn tal-mexxejja tal-G7 minn Ġunju 2021 li jniedu sħubija infrastrutturali mmexxija mill-valuri, ta’ standard għoli u trasparenti biex jintlaħqu l-ħtiġijiet globali tal-iżvilupp tal-infrastruttura. Il-Portal Globali huwa wkoll allineat bis-sħiħ mal-Aġenda 2030 tan-NU u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha, kif ukoll mal-Ftehim ta’ Pariġi.

Prinċipji tal-Portal Globali

Il-mudell Ewropew ta’ konnettività fdata fil-pajjiżi sħab huwa fit-tul u konformi mal-interessi u l-valuri tal-UE: l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u n-normi u l-istandards internazzjonali. Huwa dwar

  • investimenti intelliġenti, nodfa u siguri f’infrastruttura ta’ kwalità
  • konnettività tal-oġġetti, tan-nies u tas-servizzi madwar id-dinja b’mod sostenibbli

Is-sħubijiet tal-Portal Globali se jkunu bbażati fuq 6 prinċipji:

  • democracy
    valuri demokratiċi u standards għoljin
  • rules
    governanza tajba u trasparenza
  • partnership
    sħubijiet bejn partijiet ugwali
  • sustainability
    ekoloġiku u nadif
  • security
    iffukat fuq is-sigurtà
  • Investment
    xprunar tal-investiment tas-settur privat

Oqsma ewlenin ta’ sħubija

Settur diġitali

Digital

Permezz tal-Portal Globali, l-UE se ssaħħaħ il-konnessjonijiet bejn l-Ewropa u d-dinja u tgħin lill-pajjiżi sħab jindirizzaw id-distakk diġitali u jintegraw aktar fl-ekosistema diġitali globali.

Klima u enerġija

Energy

L-investiment fil-mitigazzjoni u fir-reżiljenza, kif ukoll f’enerġija nadifa, huwa neċessità iżda wkoll opportunità ekonomika maġġuri f’pajjiżi bi dħul baxx u medju. Il-Portal Globali se jappoġġja din it-trasformazzjoni ekoloġika, fit-triq lejn il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi. Se jippromwovi skambji ta’ teknoloġija ekoloġika u jsaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija.

Trasport

Transport

Il-Portal Globali se jippromwovi investimenti infrastrutturali fid-dinja kollha li se joħolqu networks sostenibbli, intelliġenti, reżiljenti, inklużivi u sikuri fil-modi kollha tat-trasport. Se jappoġġja networks bħall-estensjoni tan-Network tat-Trasport Trans-Ewropew.

Saħħa

Health

Il-Portal Globali se jagħti prijorità lis-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ manifattura lokali. L-UE se tkun qed taħdem ma’ pajjiżi sħab biex tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista farmaċewtika tagħhom. L-UE se tikkontribwixxi wkoll biex jiġu indirizzati l-ostakli fil-katina tal-provvista internazzjonali.

Edukazzjoni u riċerka

Education

L-UE se tinvesti f’edukazzjoni ta’ kwalità, inkluża fl-edukazzjoni diġitali, b'attenzjoni partikolari għall-inklużjoni tal-bniet u tan-nisa u ta’ gruppi vulnerabbli oħra. Se tassisti wkoll lill-pajjiżi sħab biex jittrasformaw is-sistemi edukattivi tagħhom u jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-istudenti, tal-istaff, tal-għalliema u tat-trainees. L-UE se taħdem mal-pajjiżi sħab biex issaħħaħ il-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Sorsi ta’ finanzjament

  • sa €300 biljunf’investimenti sal-2027

Il-Portal Globali se jitwassal permezz tal-approċċ tat-Tim Ewropa, li jgħaqqad flimkien lill-UE u l-Istati Membri tal-UE mal-istituzzjonijiet finanzjarji u tal-iżvilupp tagħhom, inkluż il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ). Huwa jfittex ukoll li jimmobilizza s-settur privat sabiex jingrana l-investimenti għal impatt trasformattiv.

Il-Portal Globali jistrieħ fuq l-għodod finanzjarji l-ġodda fil-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE 2021-2027, b’mod partikolari l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI)-Ewropa Globali, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) III, iżda wkoll Interreg, InvestEU u Orizzont Ewropa, il-programm ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE.

B’mod partikolari, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli+ (EFSD+), il-fergħa finanzjarja tal-NDICI-Ewropa Globali se jagħmel disponibbli sa €135 biljun għal investimenti garantiti għal proġetti ta’ infrastruttura bejn l-2021 u l-2027. Se jsiru disponibbli sa €18-il biljun f’għotjiet ta’ finanzjament mill-baġit tal-UE. L-istituzzjonijiet finanzjarji u dawk tal-finanzi għall-iżvilupp għandhom sa €145 biljun f’volumi ta’ investiment ippjanat.

Barra minn hekk, l-UE qiegħda wkoll tesplora l-possibbiltà li tiġi stabbilita Faċiltà Ewropea għall-Kreditu għall-Esportazzjoni biex jiġu kkumplimentati l-arranġamenti eżistenti dwar il-kreditu għall-esportazzjoni fil-livell tal-Istati Membri u tiżdied il-qawwa operattiva tal-UE f’dan il-qasam. Il-Faċilità tgħin biex tiżgura kundizzjonijiet aktar ekwi għan-negozji tal-UE fis-swieq ta’ pajjiżi terzi, u b’hekk tiffaċilita l-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti ta’ infrastruttura.

L-UE mhux biss se toffri kundizzjonijiet finanzjarji solidi għas-sħab, iżda se tippromwovi wkoll l-ogħla standards fil-protezzjoni ambjentali, fl-affarijiet soċjali u fil-ġestjoni strateġika. L-UE se tipprovdi assistenza teknika lis-sħab biex itejbu l-kapaċità tagħhom fit-tħejjija ta’ proġetti ta’ infrastruttura kredibbli li jiżguraw valur għall-flus.

Dokumenti

IddawnlowdjaPDF - 541.6 KB