Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) hu l-ewwel pilastru tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF).

Dan se jkun għodda ewlenija biex jiġu appoġġjati t-territorji l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika billi jipprovdilhom appoġġ imfassal apposta. Hu implimentat taħt ġestjoni kondiviża, taħt il-qafas ġenerali tal-Politika ta’ Koeżjoni, li hi l-politika ewlenija tal-UE biex jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali u biex jiġu indirizzati l-bidliet strutturali fl-UE.

Il-Fond se jkun mgħammar b’€17.5 biljun (fi prezzijiet tal-2018; €19.2 biljun fi prezzijiet attwali). Dan l-ammont jikkorrispondi għal flus ġodda disponibbli biex jappoġġjaw lill-pajjiżi tal-UE fit-tranżizzjoni ekoloġika tagħhom, li minnhom €7.5 biljun se jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-UE għall-2021-2027, filwaqt li l-€10 biljun li jifdal se jikkostitwixxu dħul assenjat estern li ġej mill-Istrument Ewropew għall-Irkupru (u, bħala tali, se jkun disponibbli mill-2021 sal-2023).

L-Istati Membri jistgħu, fuq bażi volontarja, jittrasferixxu lill-JTF riżorsi addizzjonali mill-allokazzjonijiet nazzjonali tagħhom taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), dment li l-ammont totali trasferit ma jaqbiżx 3 darbiet l-allokazzjoni tal-JTF. L-infiq mill-baġit tal-UE se jkun issupplimentat minn kofinanzjament nazzjonali skont ir-regoli tal-politika ta’ koeżjoni.

Il-Fond se jtaffi l-ispejjeż soċjoekonomiċi kkawżati mit-tranżizzjoni klimatika, filwaqt li jappoġġja d-diversifikazzjoni ekonomika u l-konverżjoni mill-ġdid tat-territorji kkonċernati. Dan ifisser kemm appoġġ għall-investimenti produttivi fl-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-ħolqien ta’ ditti ġodda, għar-riċerka u l-innovazzjoni, għar-riabilitazzjoni tal-ħaddiema, għall-enerġija nadifa, għat-titjib u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, għall-assistenza għat-tiftix ta’ impjieg u għall-inklużjoni attiva tal-programmi ta’ persuni li qed ifittxu impjieg, kif ukoll it-trasformazzjoni ta’ installazzjonijiet eżistenti b’livell għoli ta’ karbonju meta dawn l-investimenti jwasslu għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet u protezzjoni tal-impjiegi. Hu mistenni li jimmobilizza kważi €30 biljun f’investimenti.

Skema ddedikata taħt InvestEU

L-iskema ddedikata taħt InvestEU hi t-tieni pilastru tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta.

Dan se jiġi implimentat taħt il-programm InvestEU fl-4 sezzjonijiet ta’ politika kollha. Dan ifisser li InvestEU jista’ jappoġġja investimenti fil-qafas tal-Pjan ta’ Tranżizzjoni Ġusta Territorjali (TJTP) f’firxa usa’ ta’ proġetti, bħal proġetti għall-infrastruttura tal-enerġija u t-trasport, inklużi l-infrastruttura tal-gass u t-tisħin distrettwali, iżda wkoll proġetti ta’ dekarbonizzazzjoni, diversifikazzjoni ekonomika u infrastruttura soċjali.

Il-Kummissjoni Ewropea se tipprovdi garanzija baġitarja lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni biex jipprovdu finanzjament direttament jew indirettament lill-promoturi tal-proġetti li jinsabu f’territorji ta’ tranżizzjoni ġusta b’TJTP approvat. Proġetti li ma jinsabux f’dawk it-territorji jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-iskema sakemm dawk il-proġetti jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ żvilupp li jirriżultaw mit-tranżizzjoni ta’ dawk it-territorji kif stabbilit fit-TJTP rilevanti.

Iċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU se jaġixxi bħala punt ta’ dħul ċentrali għal talbiet għal appoġġ konsultattiv għal kwalunkwe proġett taħt it-tieni u t-tielet pilastri tal-JTM, kif ukoll għal xi proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati taħt il-JTF. Dan se jipprovdi assistenza teknika mfassla apposta u appoġġ għall-bini tal-kapaċità skont il-ħtieġa tal-promotur tal-proġett. L-appoġġ konsultattiv se jkun disponibbli għall-identifikazzjoni, it-tħejjija, l-iżvilupp, l-istrutturar, l-akkwist u l-implimentazzjoni ta’ proġetti, u għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-promoturi tal-proġetti biex jibnu sensiela qawwija ta’ proġetti f’dawk it-territorji.

 

Faċilità ġdida ta’ self għas-settur pubbliku ingranata mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

Il-Faċilità ta’ Self għas-Settur Pubbliku hi t-tielet pilastru tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta (MTĠ). Se tgħaqqad €1.5 biljun f’għotjiet, iffinanzjati mill-baġit tal-UE, b’€10 biljun ta’ self mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), biex timmobilizza bejn €25 u €30 biljun ta’ investiment pubbliku li se tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ żvilupp tat-territorji ta’ tranżizzjoni ġusta. Il-Faċilità tista’ tiġi estiża fil-futur biex tiffinanzja sħab oħrajn minbarra l-BEI.

Dan l-istrument se jimmira esklużivament lejn entitajiet pubbliċi, billi jipprovdi appoġġ għal proġetti li ma jiġġenerawx fluss suffiċjenti ta’ riżorsi proprji biex jiġu ffinanzjati kummerċjalment. Il-proġetti huma mistennija li jinkludu investimenti f’kull tip ta’ infrastruttura pubblika, bħal fil-qasam tal-enerġija u t-trasport, networks ta’ tisħin distrettwali, miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija inkluża r-rinnovazzjoni tal-bini, kif ukoll infrastruttura soċjali. L-appoġġ għal investimenti relatati mal-karburanti fossili hu eskluż.

Eliġibbiltà għall-finanzjament

Fil-Pjanijiet Territorjali tat-Tranżizzjoni Ġusta, il-pajjiżi tal-UE se jkollhom bżonn jidentifikaw it-territorji u s-setturi eliġibbli għall-finanzjament taħt il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. L-identifikazzjoni ta’ dawn it-territorji ssir permezz ta’ djalogu mal-Kummissjoni. Hi se tibbaża fuq l-analiżi pprovduta fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u b’mod partikolari fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal reġjuni u setturi ta’ prijorità f’termini ta’ eliġibbiltà, kif stabbilit fl-Anness D tar-Rapporti tas-Semestru Ewropew għall-2020. L-approvazzjoni tal-pjanijiet mill-Kummissjoni se tiftaħ il-bieb għal finanzjament iddedikat mhux biss mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, iżda wkoll mill-iskema ddedikata ta’ InvestEU għal tranżizzjoni ġusta u l-faċilità ta’ self tas-settur pubbliku mill-BEI. Il-pjanijiet se jiġu annessi mal-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni li jinvolvu appoġġ għall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, u se jiġu adottati mill-Kummissjoni flimkien ma’ dawn il-programmi.

Assistenza teknika

Il-Pjattaforma għal Tranżizzjoni Ġusta se jkollha rwol ewlieni fil-provvediment ta’ appoġġ tekniku mfassal apposta għall-awtoritajiet li qed jabbozzaw il-Pjan Territorjali tat-Tranżizzjoni Ġusta matul il-proċess kollu, sabiex jiġi żgurat li huma jirriflettu l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull reġjun.

F’Marzu 2020, il-Kummissjoni nediet sejħa għal talbiet taħt il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali biex tassisti lill-Istati Membri fit-tħejjija tal-pjanijiet territorjali tat-tranżizzjoni ġusta tagħhom biex jilliberaw il-finanzjament mill-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta. Bħalissa, l-appoġġ tekniku hu pprovdut lil 18-il Stat Membru.

Matul l-aħħar sentejn, il-Kummissjoni permezz tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali pprovdiet ukoll appoġġ prattiku lir-reġjuni biex tgħin fit-tħejjija ta’ strateġiji ekonomiċi fit-tul għat-tranżizzjoni tagħhom mill-faħam, bħal fir-reġjun ta’ Horna Nitra tas-Slovakkja, il-Maċedonja tal-Punent tal-Greċja jew il-Wied ta’ Jiu tar-Rumanija.

L-Istati Membri se jkollhom l-opportunità li jitolbu appoġġ tekniku addizzjonali taħt l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku futur 2021-2027, inklużi r-riformi regolatorji u amministrattivi relatati mal-aġenda għal tranżizzjoni ġusta.

Assistenza teknika titwassal ukoll lil numru ta’ territorji fl-UE permezz  tal-Inizjattiva għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni.

Flussi ta’ finanzjament possibbli rilevanti oħrajn

Numru ta’ strumenti oħrajn ta’ finanzjament tal-UE huma disponibbli għal programmi ta’ appoġġ u għal proġetti li huma ffukati fuq tranżizzjoni ġusta: