Tranżizzjoni lejn enerġija nadifa

Il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija jirrappreżentaw aktar minn 75% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE. Id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-UE hi għalhekk kruċjali biex nilħqu l-objettivi klimatiċi tagħna għall-2030 u l-istrateġija fit-tul tal-UE biex tinkiseb in-newtralità tal-karbonju sal-2050.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jiffoka fuq 3 prinċipji ewlenin għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, li se jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jtejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħna:

  1. jiżgura provvista tal-enerġija tal-UE sikura u bi prezz raġonevoli
  2. jiżviluppa suq tal-enerġija tal-UE kompletament integrat, interkonness u diġitalizzat
  3. jagħti prijorità lill-effiċjenza fl-enerġija, itejjeb il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini tagħna u jiżviluppa s-settur tal-enerġija bbażat l-aktar fuq sorsi rinnovabbli

L-għanijiet ewlenin tal-Kummissjoni biex tikseb dan huma:

  • il-bini ta’ sistemi tal-enerġija interkonnessi u grilji integrati aħjar biex jappoġġjaw sorsi tal-enerġija rinnovabbli
  • il-promozzjoni tat-teknoloġiji innovattivi u infrastruttura moderna
  • it-tisħiħ tal-effiċjenza fl-enerġija u l-ekodisinn tal-prodotti
  • id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-gass u l-promozzjoni tal-integrazzjoni intelliġenti bejn is-setturi
  • l-għoti ta’ aktar saħħa lill-konsumaturi u l-Istati Membri jiġu megħjunin jindirizzaw il-faqar
  • il-promozzjoni tal-istandards tal-enerġija u t-teknoloġiji tal-UE fuq livell globali
  • l-iżvilupp tal-potenzjal sħiħ tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta

Il-Kummissjoni Ewropea adottat sett ta’ proposti leġiżlattivi sabiex il-politiki tal-UE dwar il-klima, l-enerġija, t-trasport u t-tassazzjoni tagħmilhom tajbin biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mill-anqas 55% sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Aktar informazzjoni dwar it-Twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Fiċ-ċentru tal-attenzjoni

Azzjonijiet

Dokumenti