Nittrasformaw l-ekonomija u s-soċjetajiet tagħna

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew tana l-pjan iddettaljat għal din il-bidla trasformattiva.

Is-27 Stat Membru kollha tal-UE impenjaw ruħhom li jittrasformaw lill-UE fl-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. Biex jiksbu dan, huma wegħdu li jnaqqsu l-emissjonijiet b’mill-inqas 55% sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990. 

Dan se joħloq opportunitajiet ġodda għall-innovazzjoni, l-investiment, u l-impjiegi, kif ukoll:

  • electric car inaqqas l-emissjonijiet
  • worker joħloq l-impjiegi u t-tkabbir
  • House jindirizza l-faqar enerġetiku
  • wind farm inaqqas id-dipendenza fuq l-enerġija esterna
  • runner itejjeb is-saħħa u l-benessri tagħna

Fl-istess ħin, se jiżgura li jkun hemm opportunitajiet għal kulħadd, jappoġġja liċ-ċittadini vulnerabbli billi jindirizza l-inugwaljanza u l-faqar enerġetiku, u jsaħħaħ il-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej.

Nagħmlu t-trasport sostenibbli għal kulħadd

transport

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi miri aktar ambizzjużi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 tal-karozzi u l-vannijiet ġodda.

  • Tnaqqis ta’ 55% tal-emissjonijiet mill-karozzi sal-2030
  • Tnaqqis ta’ 50% tal-emissjonijiet mill-vannijiet sal-2030
  • Emissjonijiet 0 minn karozzi ġodda sal-2035

Il-Kummissjoni qed tippromwovi wkoll it-tkabbir tas-suq għal vetturi b’emissjonijiet żero jew baxxi. B’mod partikolari, qed tfittex li tiżgura li ċ-ċittadini jkollhom l-infrastruttura li għandhom bżonn biex jiċċarġjaw dawn il-vetturi għal vjaġġi twal jew qosra.

Barra minn hekk, mill-2026, it-trasport bit-triq se jkun kopert mis-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, li tpoġġi prezz fuq it-tniġġis, tistimola l-użu ta’ karburanti aktar nodfa u tinvesti mill-ġdid f’teknoloġiji nodfa.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll l-ipprezzar tal-karbonju għas-settur tal-avjazzjoni, li sa issa gawda minn eċċezzjoni. Qed tipproponi wkoll li jiġu promossi l-karburanti tal-avjazzjoni sostenibbli – b’obbligu li l-ajruplani jkollhom karburanti mħallta sostenibbli għal kull tluq mill-ajruporti tal-UE.

Biex tiġi żgurata kontribuzzjoni ġusta mis-settur marittimu għall-isforz biex l-ekonomija tagħna tiġi dekarbonizzata, il-Kummissjoni qed tipproponi li testendi l-ipprezzar tal-karbonju għal dan is-settur. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll miri biex il-portijiet ewlenin jipprovdu lill-bastimenti b’enerġija mill-art, biex b’hekk jitnaqqas l-użu ta’ karburanti niġġiesa li jagħmlu l-ħsara lill-kwalità tal-arja lokali.

Immexxu t-tielet rivoluzzjoni industrijali

industry

Dawn il-proposti ġodda se jkollhom impatt tul ktajjen tal-valur sħaħ f’setturi bħall-enerġija u t-trasport, u l-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni, u b’hekk jgħinu biex jinħolqu impjiegi sostenibbli, lokali u mħallsa tajjeb fl-Ewropa kollha.

  • Jistgħu jiġu rinnovati 35 miljun binja sal-2030
  • Jistgħu jinħolqu 160,000 impjieg ekoloġiku addizzjonali fis-settur tal-kostruzzjoni sal-2030

L-elettrifikazzjoni tal-ekonomija u l-użu akbar tal-enerġija rinnovabbli huma mistennija li jiġġeneraw aktar impjiegi f’dawn is-setturi. Żieda fl-effiċjenza enerġetika tal-bini se toħloq ukoll impjiegi fil-kostruzzjoni, b’domanda akbar għax-xogħol lokali.

Irridu nippreservaw l-ambizzjoni klimatika tagħna billi nevitaw li l-isforzi mill-industrija tagħna biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ma jiddgħajfux minn kompetizzjoni inġusta minn barra.

Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi mekkaniżmu li jiżgura li, anke meta jkunu minn pajjiżi b’regoli klimatiċi inqas stretti, il-kumpaniji li jimportaw fl-UE jkollhom iħallsu prezz tal-karbonju wkoll.

Innaddfu s-sistema tal-enerġija tagħna

energy

Il-Kummissjoni qed tipproponi li żżid il-mira vinkolanti ta’ sorsi rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-UE għal 40%. Il-proposti jippromwovu l-użu ta’ karburanti rinnovabbli, bħall-idroġenu fl-industrija u t-trasport, b’miri addizzjonali.

Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija huwa essenzjali biex jitnaqqsu kemm l-emissjonijiet kif ukoll l-ispejjeż tal-enerġija għall-konsumaturi u l-industrija. Il-Kummissjoni qed tipproponi li żżid il-miri tal-effiċjenza enerġetika fil-livell tal-UE u tagħmilhom vinkolanti, biex sal-2030 jinkiseb tnaqqis ġenerali ta’ 36-39% għall-konsum finali u primarju tal-enerġija.

  • Mira ġdida ta’ 40% ta’ enerġija rinnovabbli għall-2030
  • 36-39% miri ġodda tal-effiċjenza enerġetika għall-2030 għall-konsum finali u primarju tal-enerġija

Is-sistema tat-taxxa għall-prodotti tal-enerġija għandha tappoġġja wkoll it-tranżizzjoni ekoloġika billi tagħti l-inċentivi t-tajba. Il-Kummissjoni qed tipproponi li tallinja r-rati minimi tat-taxxa għat-tisħin u t-trasport mal-objettivi klimatiċi tagħna, filwaqt li jittaffa l-impatt soċjali u jiġu appoġġjati ċ-ċittadini vulnerabbli.

Ir-rinnovazzjoni tal-bini għal stili ta’ ħajja aktar ekoloġiċi

buildings

Il-Fond Soċjali għall-Klima l-ġdid se jappoġġja liċ-ċittadini tal-UE l-aktar milquta jew f’riskju ta’ faqar enerġetiku jew ta’ mobbiltà. Se jgħin biex jittaffew l-ispejjeż għal dawk l-aktar esposti għal bidliet, biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tkun ġusta u ma tħalli lil ħadd lura.

Se jipprovdi €72.2 biljun fuq 7 snin f’finanzjament għar-rinnovazzjoni tal-bini, l-aċċess għal mobbiltà b’żero emissjonijiet u b’livell baxx ta’ emissjonijiet, jew saħansitra appoġġ għad-dħul.

Minbarra d-djar, il-bini pubbliku jrid jiġi rinnovat ukoll biex juża aktar enerġija rinnovabbli, u biex ikun aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

Il-Kummissjoni tipproponi li:

  • tirrikjedi lill-Istati Membri li kull sena jirrinovaw mill-inqas 3% tal-erja totali tal-art tal-bini pubbliku kollu
  • tistabbilixxi livell ta’ referenza ta’ 49% ta’ użu ta’ enerġija rinnovabbli fil-bini sal-2030
  • tirrikjedi lill-Istati Membri biex iżidu l-użu tal-enerġija rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessiħ b’+1.1 punt perċentwali kull sena, sal-2030

Naħdmu man-natura biex nipproteġu l-pjaneta u s-saħħa tagħna

nature

Ir-restawr tan-natura u l-abilitazzjoni tal-bijodiversità biex terġa’ tirnexxi joffru soluzzjoni rapida u rħisa biex jiġi assorbit u maħżun il-karbonju.

Il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi li tirrestawra l-foresti, il-ħamrija, l-artijiet mistagħdra u t-torbiera tal-Ewropa. Dan se jżid l-assorbiment tas-CO2 u se jagħmel l-ambjent tagħna aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

Ġestjoni ċirkolari u sostenibbli ta’ dawn ir-riżorsi se

  • ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħna
  • iżżomm ambjent b’saħħtu
  • toħloq impjiegi ta’ kwalità
  • tipprovdi riżorsi tal-enerġija sostenibbli

Miri ġodda għat-tneħħija tal-karbonju naturali:

  • mira antika: -225 Mt 
  • tneħħija tal-karbonju attwali: -268 Mt
  • mira ġdida: -310 Mt

Il-bijoenerġija tikkontribwixxi għat-tneħħija gradwali tal-karburanti fossili u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE. Iżda għandha tintuża b’mod sostenibbli. Il-Kummissjoni tipproponi kriterji ġodda stretti biex jiġi evitat il-ħsad mhux sostenibbli tal-foresti u biex jiġu protetti żoni ta’ valur għoli tal-bijodiversità.

Stimolu għal azzjoni klimatika globali

global action

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew diġà ta eżempju pożittiv u ggwida lil sħab internazzjonali ewlenin biex jistabbilixxu d-dati ta’ mira tagħhom għan-newtralità klimatika.

B’investiment fit-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, qed niżviluppaw għarfien espert u prodotti li se jkunu ta’ benefiċċju wkoll għall-bqija tad-dinja.

Biċ-ċaqliqa lejn trasport ekoloġiku, se noħolqu kumpaniji ewlenin fid-dinja li jistgħu jservu suq globali li qed jikber. Billi naħdmu mas-sħab internazzjonali tagħna, se nnaqqsu l-emissjonijiet flimkien fit-trasport marittimu u fl-avjazzjoni madwar id-dinja.

L-UE se tikkondividi dawn il-proposti u ideat mas-sħab internazzjonali tagħha fil-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima COP26 fi Glasgow f’Novembru.

  • 30% tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali tal-UE jappoġġjaw l-objettivi klimatiċi 
  • 1/3 tal-finanzjament pubbliku dinji għall-klima jiġi mill-UE u l-Istati Membri tagħha

Il-passi fundamentali

  • Diċembru 2019

    Il-Kummissjoni tippreżenta l-Patt Ekoloġiku Ewropew, li fih impenn għan-newtralità klimatika sal-2050

  • Marzu 2020

    Il-Kummissjoni tipproponi l-Liġi Ewropea dwar il-Klima sabiex il-mira tan-newtralità klimatika sal-2050 tkun minquxa f’leġiżlazzjoni vinkolanti

  • Settembru 2020

    Il-Kummissjoni tipproponi mira ġdida għall-UE biex l-emissjonijiet netti jitnaqqsu b’mill-inqas 55% sal-2030, u żżidha mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima

  • Diċembru 2020

    Il-mexxejja Ewropej japprovaw il-mira proposta tal-Kummissjoni li jitnaqqsu l-emissjonijiet netti b’mill-anqas 55% tal-2030.

  • April 2021

    Jintlaħaq qbil politiku dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri

  • Ġunju 2021

    Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima tidħol fis-seħħ

  • Lulju 2021

    Il-Kummissjoni tippreżenta pakkett ta’ proposti għat-trasformazzjoni tal-ekonomija tagħna, biex nilħqu l-miri klimatiċi tagħna tal-2030. Il-Parlament Ewropew u l-lstati Membri jinnegozjaw u jadottaw pakkett ta’ leġiżlazzjoni dwar it-twettiq tal-miri klimatiċi tagħna għall-2030.

  • 2030

    L-UE tasal għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ mill-anqas 55% mil-livelli tal-1990

  • 2050

    L-UE ssir newtrali għall-klima

Dokumenti

IddawnlowdjaPDF - 13.3 MB