Introduzzjoni
It-teknoloġija diġitali qed tibdel ħajjet in-nies. L-istrateġija diġitali tal-UE għandha l-għan li din it-trasformazzjoni tkun tgħodd għan-nies u n-negozji, filwaqt li tgħin biex tintlaħaq il-mira tagħha ta’ Ewropa newtrali għall-klima sal-2050.
Il-Kummissjoni tinsab determinata li tasal biex dan ikun id-“Deċennju Diġitali” tal-Ewropa. L-Ewropa issa trid issaħħaħ is-sovranità diġitali tagħha u tistabbilixxi l-istandards, minflok ma ssegwi dawk tal-oħrajn – b’enfasi ċara fuq id-data, it-teknoloġija, u l-infrastruttura.
Punti ewlenin

Jintlaħaq ftehim politiku dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali
23 ta’ April 2022 - Il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri tal-UE laħqu ftehim politiku dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA), proposta mressqa mill-Kummissjoni f’Diċembru 2020. Id-DSA jistabbilixxi standard ġdid mingħajr preċedent għar-responsabbiltà tal-pjattaformi online, filwaqt li jipproteġi aħjar lill-utenti tal-internet u d-drittijiet fundamentali tagħhom. Ladarba r-regoli l-ġodda jiġu adottati formalment, id-DSA se japplika direttament fl-UE kollha u jidħol fis-seħħ wara 15-il xahar jew mill-1 ta’ Jannar 2024, skont liema jiġi l-aħħar.
Azzjonijiet
Sfond
Il-Kummissjoni ilha mill-2014 tieħu passi biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ekonomija versatili fl-użu tad-data, bħalma huma
- ir-Regolament dwar il-moviment liberu tad-data mhux personali
- l-Att tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà
- id-Direttiva dwar id-Data Miftuħa
- ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data
Fl-2018, il-Kummissjoni ppreżentat strateġija dwar l-Intelliġenza Artifiċjali għall-ewwel darba, u ftehmet mal-Istati Membri dwar pjan koordinat. Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali ppreżenta l-Linji Gwida dwar l-Etika għal Intelliġenza Artifiċjali ta’ Fiduċja tiegħu f’April 2019. Dawn kienu bbażati fuq il-qafas għall-Intelliġenza Artifiċjali ppreżentat fid-19 ta’ Frar 2020.
Fil-Linji Gwida Politiċi tagħha, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen saħqet fuq il-bżonn li l-Ewropa tmexxi t-tranżizzjoni lejn pjaneta f’saħħitha u dinja diġitali ġdida. F’dak il-kuntest, tat bidu għad-dibattitu dwar l-Intelliġenza Artifiċjali etika, u dwar l-użu tal-big data għall-ħolqien tal-ġid għas-soċjetajiet u għan-negozji, matul l-ewwel 100 jum tax-xogħol tagħha.