Il-ħtieġa għas-solidarjetà

Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-14 ta’ Settembru 2016, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker ħabbar pjan għal Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

“Hemm bosta żgħażagħ b'orjentament soċjali fl-Ewropa li huma lesti jagħtu kontribuzzjoni sinifikanti lis-soċjetà u juru solidarjetà. Nistgħu noħolqu opportunitajiet għalihom biex jagħmlu dan ... Is-solidarjetà hija l-kolla li żżomm l-Unjoni tagħna flimkien,” huwa qal.

L-għan tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà hu li jagħti lin-nies ta’ bejn it-18 u t-30 sena l-opportunità li jieħdu sehem f’għadd ta’ attivitajiet biex jgħinu lil dawk milquta minn sitwazzjonijiet ta’ sfida madwar l-UE. Il-parteċipazzjoni ma tkunx biss ta’ benefiċċju għal dawk li jipprovdu għajnuna iżda tgħin ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u lill-kumpaniji fl-isforzi tagħhom biex jaffrontaw diversi sfidi u kriżijiet.

Objettivi

  • iqiegħed fil-prattika l-valuri ta’ solidarjetà tal-UE
  • jgħin biex jiġu indirizzati sfidi relatati mas-soċjetà, l-ambjent u d-diżastri naturali
  • jippermetti liż-żgħażagħ joffru għajnuna fejn hija l-aktar meħtieġa

Opportunitajiet għaż-żgħażagħ

  • jiksbu l-esperjenzi tal-ħajja u tax-xogħol
  • jitgħallmu ħiliet u lingwi ġodda
  • jgħinu u jappoġġjaw lill-oħrajn, inklużi dawk l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà

Iż-żgħażagħ se jkollhom l-opportunità li jiksbu esperjenza fl-indirizzar ta’ sitwazzjonijiet diffiċli – minn bini mill-ġdid ta' komunitajiet wara diżastri naturali sa għajnuna fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet bħall-esklużjoni soċjali jew biex jilqgħu u jintegraw lir-refuġjati u l-migranti.

Opportunitajiet għal organizzazzjonijiet ta’ solidarjetà

L-organizzazzjonijiet li jaħdmu f’attivitajiet relatati mas-solidarjetà, kemm jekk awtorità lokali, organizzazzjoni mhux governattiva jew kumpanija, se jkunu kapaċi jirreklutaw liż-żgħażagħ biex ikollhom kollokament ta' xogħol, internship jew apprendistat magħhom, sakemm dawn jissodisfaw il-kriterji biex issir organizzazzjoni ospitanti u jiffirmaw il-Karta tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

X'qed tagħmel il-Kummissjoni

Il-Kummissjoni qed tistabbilixxi 2 tipi ta’ kollokamenti għaż-żgħażagħ bħala parti mill-Korp ta’ Solidarjetà. Persuni bejn 18 u 30 sena jistgħu jipparteċipaw minn xahrejn sa 12-il xahar:

  • f'kollokament ta' volontarjat – li joffri opportunitajiet full-time mhux imħallsa
  • f'kollokament okkupazzjonali – li jipprovdi traineeships, apprendistati u impjiegi

L-età minima għal parteċipazzjoni f'xi proġett ta’ solidarjetà hi ta’ 18-il sena, iżda dawk li għandhom 17-il sena jistgħu japplikaw.

 

Dokumenti

IddawnlowdjaPDF - 344.3 KB