Integrazzjoni u traċċar tan-nefqa

Il-Kummissjoni Ewropea ssegwi diversi objettivi ta’ politika permezz tal-baġit tal-UE. Objettivi bħal dawn jirriżultaw minn:

  • politiki tal-Kummissjoni
  • prijoritajiet politiċi
  • ftehimiet internazzjonali

Xi wħud minn dawn huma segwiti permezz ta’ programm baġitarju ddedikat wieħed jew aktar, pereżempju l-politika agrikola komuni, l-iskambji tal-istudenti, jew ir-riċerka.

Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tintegra objettivi ta’ politika oħrajn. Dan ifisser li politiki bħall-klima, il-bijodiversità u l-ġeneru jitqiesu fit-tfassil, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ kull programm. Minflok ma jkun hemm programm wieħed dedikat, dawn il-prijoritajiet se jiġu integrati fit-tfassil tal-politiki tal-infiq kollha tagħha b’mod orizzontali.

Spiss, il-Kummissjoni hija meħtieġa tipprovdi tweġiba għall-mistoqsija dwar kemm qed tonfoq flus fuq objettivi ta’ politika speċifiċi. Filwaqt li dik il-mistoqsija hija faċli biex titwieġeb għal programmi ddedikati, hija aktar kumplessa għal prijoritajiet ta’ politika jew għal prijoritajiet li għalihom qed jikkontribwixxu aktar minn programm wieħed. Is-sejba u l-kalkolu tal-infiq rilevanti jissejħu traċċar tan-nefqa.

Bħalissa, il-Kummissjoni qed twettaq traċċar tan-nefqa marbuta ma’

  • il-klima
  • il-bijodiversità
  • l-ugwaljanza bejn il-ġeneri
  • l-arja nadifa
  • il-migrazzjoni

Għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), il-Kummissjoni diġà qed tipprovdi informazzjoni fil-qafas tal-Abbozz ta’ Baġit.

L-implimentazzjoni tal-integrazzjoni fil-politiki baġitarji timplika awtomatikament għadd doppju tan-nefqa. Dan mhuwiex żball iżda karatteristika tal-integrazzjoni. Euro li jintefaq permezz tal-politika agrikola komuni biex jipprovdi appoġġ lill-bdiewa li jħawlu sisien tal-ħaxix u ringieli tas-siġar fl-għelieqi tagħhom jgħin l-agrikoltura, il-bijodiversità u l-klima. Dan għandu jkun rifless fl-ammont mill-baġit tal-UE li ntefaq fuq kull suġġett.

Il-kontribut għal diversi prijoritajiet fl-istess ħin huwa inerenti għall-idea ta’ integrazzjoni sinifikanti u mfassla tajjeb. Trikkib bħal dan juri l-effiċjenza tal-infiq baġitarju tal-UE fejn ir-riżorsi jikkontribwixxu għal għadd ta’ objettivi politiċi fl-istess ħin. Madankollu, dan ifisser li n-nefqiet fuq prijoritajiet orizzontali ma jistgħux sempliċiment jingħaddu flimkien.

Metodoloġija ekoloġika

Metodoloġija komprensiva hija l-ewwel pass lejn traċċar xieraq. Mingħajrha, il-programmi ma jistgħux jirrapportaw b’mod xieraq dwar il-kontributi tagħhom.

Il-metodoloġija għall-klima, il-bijodiversità u l-arja nadifa hija bbażata fuq il-Koeffiċjenti klimatiċi tal-UE. Dawn huma koeffiċjenti għat-traċċar u r-rappurtar tal-flussi ta’ finanzjament għall-iżvilupp, abbażi tal-indikaturi ta’ Rio tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) li tfasslu fl-1998 biex jimmiraw it-temi tal-Konvenzjonijiet ta’ Rio. Il-koeffiċjenti tal-UE jiġu mfassla biex jikkwantifikaw in-nefqa li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-klima, tal-bijodiversità u tal-arja nadifa.

Minħabba l-firxa ta’ proċeduri ta’ implimentazzjoni (pereżempju l-fondi mmaniġġjati b’mod ċentrali, il-ġestjoni kondiviża, l-istrumenti finanzjarji, l-azzjonijiet programmabbli), l-approċċ għall-implimentazzjoni jvarja minn programm għall-ieħor u l-metodoloġija ġiet irfinata biex tirrifletti l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni speċifiċi. Il-koeffiċjenti tal-UE għall-klima huma mogħtija skont il-kategoriji ta’ kriterji li ġejjin:

  • 100%: l-attività hi mistennija li tagħmel kontribut sostanzjali għall-objettivi tal-mitigazzjoni jew tal-adattament għat-tibdil fil-klima f’konformità mal-għanijiet klimatiċi tal-UE. Kontribut sostanzjali jista’ jingħata lil attività li tikkontribwixxi għal objettivi klimatiċi jew direttament (eż. enerġija rinnovabbli, trasport b’emissjonijiet żero jew soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura) jew indirettament (eż. riċerka u innovazzjoni, edukazzjoni relatata ma’ teknoloġiji nodfa jew attivitajiet oħra ta’ għajnuna għal dan). Għal numru ta’ attivitajiet, il-kolonna "bbażat fuq l-effetti" fl-Anness I tipprovdi aktar informazzjoni dwar in-natura tal-kontribut sostanzjali.
  • 40%: l-attività hi mistennija li tagħmel kontribut mhux marġinali, pożittiv għall-objettivi tal-mitigazzjoni jew tal-adattament għat-tibdil. Il-kontribut tal-attività għall-objettivi klimatiċi jista’ għal darb’oħra jkun kemm dirett kif ukoll indirett.
  • 0%: l-attività hi mistennija jkollha impatt newtrali fuq l-objettivi klimatiċi.

L-attivitajiet kollha jridu jirrispettaw il-prinċipju "la tagħmilx ħsara (sinifikanti)" irrispettivament mill-koeffiċjent klimatiku applikabbli.

Din il-metodoloġija hija applikata b’mod indipendenti biex tittraċċa n-nefqa fuq il-klima, il-bijodiversità u l-arja nadifa f’firxa wiesgħa ta’ programmi. Kull metodoloġija tapplika l-koeffiċjent f’livelli differenti ta’ granularità.

Klima

Il-baġit tal-UE jagħti kontribut kruċjali lill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 preċedenti, il-Kummissjoni implimentat approċċ innovattiv biex tiddedika riżorsi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima: “integrazzjoni tal-azzjoni klimatika”. Dan jirrikjedi li l-programmi tal-UE fl-oqsma kollha ta’ politika jikkunsidraw il-prijoritajiet klimatiċi fil-fażijiet tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tagħhom.

Skont l-aktar stimi riċenti, ġew dedikati €220.9 biljun mill-baġit tal-UE għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, jiġifieri 20.60%. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni tikkonferma li l-mira ta’ 20% għall-perjodu 2014-2020 intlaħqet.

Fil-kuntest il-ġdid tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027 u n-NextGenerationEU l-Kummissjoni żviluppat aktar l-approċċ tagħha għall-integrazzjoni tal-azzjoni klimatika, inkluż permezz ta’:

  • Mira ġenerali ta’ mill-inqas 30% għan-nefqa relevanti għall-klima;
  • “Mekkaniżmu ta’ aġġustament għall-klima” li jippermetti li tittieħed azzjoni f’każ li l-livelli tan-nefqa x’aktarx ikunu insuffiċjenti biex jintlaħqu l-miri tan-nefqa fuq il-klima (speċifika għall-programm);
  • L-iżvilupp ta’ traċċar effettiv tal-azzjoni klimatika biex jiġi ttraċċat il-livell ta’ nfiq;
  • L-applikazzjoni tal-prinċipju "la tagħmilx ħsara” biex jiġi żgurat li l-flus li jintefqu fil-baġit ma jwasslux biex l-UE ma tkunx tista’ tikseb l-għan klimatiku u ambjentali tagħha.

Għall-perjodu 2021-2027, il-baġit tal-UE – inkluż l-NGEU – hu pprojjetat li jiddedika €557 biljun jew 32% għan-nefqa fuq il-klima.

Integrazzjoni tal-azzjoni klimatika

Kif il-baġit tal-UE jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Bijodiversità

L-integrazzjoni tal-bijodiversità hija aktar kumplessa biex tiġi traċċata mill-klima, peress li ġiet stabbilita reċentement u inqas programmi għandhom objettivi tal-bijodiversità.

Il-Kummissjoni diġà qed twettaq traċċar tan-nefqa tal-bijodiversità f’għadd ta’ programmi abbażi tal-indikaturi ta’ Rio, iżda ma teżisti l-ebda mira. Il-Ftehim Interistituzzjonali ta’ Diċembru 2020 jistabbilixxi li l-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaħdmu lejn mira ta’ 7.5% tal-infiq annwali għall-objettivi tal-bijodiversità fl-2024, u 10% fl-2026 u l-2027. Dan huwa allinjat mad-dikjarazzjoni fl-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 li l-azzjoni dwar il-bijodiversità teħtieġ tal-anqas €20 biljun fis-sena minn “finanzjament privat u pubbliku fil-livell nazzjonali u tal-UE” li tiegħu l-baġit tal-UE se jkun faċilitatur ewlieni.

Għall-perjodu 2021-2027, il-baġit tal-UE, inkluż l-NGEU – hu pprojjetat li jiddedika €112-il biljun jew 6% għan-nefqa fuq il-bijodiversità.

Aktar informazzjoni dwar il-finanzjament tal-Bijodiversità

Integrazzjoni tal-bijodiversità

Kif il-baġit tal-UE jikkontribwixxi għall-indirizzar tat-telf tal-bijodiversità u għar-restawr tal-ekosistemi.

Ġeneru

Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur fundamentali tal-UE, dritt fundamentali u prinċipju ewlieni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Biex tirfed l-impenn tagħna, il-Kummissjoni ppubblikat l-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn is-Ġeneri 2020-2025 fil-bidu tal-2020.

F’konformità mal-Ftehim interistituzzjonali li jakkumpanja l-QFP 2021-2027, il-Kummissjoni qed taħdem fuq l-iżvilupp ta’ metodoloġija biex tkejjel il-kontribut tal-baġit tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Il-metodoloġija hi applikata fuq bażi pilota fil-programmi kollha fil-kuntest tal-Abbozz ta’ Baġit 2023.

Il-metodoloġija tivvaluta l-kontributi tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri filwaqt li tirrikonoxxi l-ispeċifitajiet tal-programmi individwali, inkluż fir-rigward tal-livell ta’ granularità li fih hu possibbli tiġi applikata l-metodoloġija. Titqies ukoll id-disponibbiltà tad-data rilevanti u tal-qafas leġiżlattiv.

L-iżvilupp tal-metodoloġija ġie infurmat mill-Indikaturi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC) tal-OECD. Din tipprovdi livell ta’ kumparabbiltà mat-traċċar tal-Kummissjoni tal-kontributi għall-klima u l-bijodiversità u tibni fuq l-għarfien espert eżistenti tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-partijiet ikkonċernati. Id-diskussjonijiet u l-ħidma li għaddejja bħalissa tal-EIGI dwar l-Għodda Nru 8 “Traċċar tal-allokazzjonijiet tar-riżorsi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-Fondi tal-UE” wkoll taw input fil-metodoloġija.

Dawn il-punteġġi huma attribwiti fl-aktar livell granulari ta’ intervent possibbli

  • 2 – Interventi li l-objettiv prinċipali tagħhom hu li jtejbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri It-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri hu l-objettiv prinċipali tal-intervent, mingħajru probabbilment l-intervent ma jsirx.
  • 1 – Interventi li għandhom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala objettiv importanti u intenzjonat iżda mhuwiex ir-raġuni prinċipali tal-intervent.
  • 0 – Interventi mhux immirati, li ma jikkontribwixxux b’mod sinifikanti għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
  • 0* – Interventi, li jista’ jkollhom impatt importanti fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri iżda fejn l-impatt attwali tagħhom għadu mhux ċar, minħabba pereżempju n-nuqqas ta’ valutazzjoni tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-fażi tat-tfassir, jew in-nuqqas ta’ data li tippermetti valutazzjoni aktar dettaljata tal-effetti tal-intervent.

Il-metodoloġija ma tinkludix koeffiċjenti biex jitkejjel il-kontribut tal-interventi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Għalhekk il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-pakketti finanzjarji sħaħ taħt kull punteġġ individwali.

Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli

Il-Kummissjoni hija impenjata li taħdem lejn il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Is-17-il SDG ikopru l-oqsma ta’ politika ewlenin kollha, għalhekk prattikament il-politiki kollha tal-UE u l-biċċa l-kbira tal-programmi ta’ nfiq jikkontribwixxu għal mill-inqas SDG wieħed.

Il-Kummissjoni tipprovdi eżempji konkreti tal-kontribut ta’ kull programm għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli korrispondenti fil-qafas tal-Abbozz ta’ Baġit.

Traċċar settorjali

Il-Kummissjoni diġà qed twettaq traċċar ta’ għadd ta’ għanijiet oħra:

  • COVID-19: minn Mejju 2020, il-Kummissjoni bdiet twettaq traċċar tan-nefqa għall-programmi li timmaniġġja direttament. L-informazzjoni mill-Istati Membri dwar il-programmi li jimmaniġġjaw se tiżdied ex post.
  • Arja nadifa: id-Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet (id-Direttiva NEC 2016/2284) toħloq obbligu għall-Kummissjoni li tirrapporta kull erba’ snin, mill-2020 ’il quddiem, dwar “l-użu tal-fondi tal-Unjoni għal arja nadifa”. Diġà ġiet żviluppata metodoloġija għall-QFP 2014-2020 u r-rappurtar isir fid-dikjarazzjonijiet tal-programmi mehmuża mal-abbozz annwali tal-baġit u r-rapport tad-Direttiva NEC.
  • Diġitali: fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni ta’ Settembru 2020, il-President von der Leyen impenjat ruħha għal infiq ta’ 20% tal-isforz ta’ rkupru fuq it-tranżizzjoni diġitali.
  • Migrazzjoni: minħabba ż-żieda qawwija fin-nefqa relatata mal-migrazzjoni mill-2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill talbu għal aktar trasparenza dwar in-nefqa fuq il-migrazzjoni fil-QFP attwali. L-indikaturi ta’ Rio huma assenjati għan-nefqa fi programmi rilevanti u kull sena jiġi ppubblikat rapport. Ara l-aktar riċenti Financial Report on the Migration and Refugee Crisis (2015-2020).

Filwaqt li jitkomplew dawn il-prattiki, l-iżvilupp ta’ sistema ta’ traċċar b’bażi wiesgħa kif deskritt hawn fuq jista’ jġib dawn il-miżuri aktar ad hoc f’sistema ta’ traċċar waħda.

DipartimentiSuġġetti