Laqgħat ta' kull ġimgħa tal-Kummissarji

Il-Kulleġġ tal-Kummissarji, magħmul minn 28 Kummissarju, hu meħtieġ mir-regoli interni tal-Kummissjoni li jiltaqa’ tal-anqas darba fil-ġimgħa. Din il-proċedura ta’ teħid tad-deċiżjonijiet hi msejħa l-proċedura orali.

Fil-prattika, il-Kummissarji jiltaqgħu kull nhar ta’ Erbgħa filgħodu fi Brussell. Madankollu, matul is-sessjonijiet plenarji tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, il-laqgħa ssir nhar ta’ Tlieta.

Barra mil-laqgħat ta’ kull ġimgħa, il-President tal-Kummissjoni jista’ jsejjaħ ukoll laqgħat straordinarji tal-Kummissjoni, meta meħtieġa miċ-ċirkostanzi. Dawn isiru biex tiġi diskussa tema partikulari, jew b’rispons għal avveniment speċifiku. 

Aġenda tal-laqgħat tal-Kummissjoni

L-aġenda ta’ kull laqgħa hi stabbilita mill-President tal-Kummissjoni u hi marbuta mill-qrib mal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni. Kull punt fuq l-aġenda hu ppreżentat mill-Kummissarju responsabbli għall-qasam ikkonċernat. Imbagħad tittieħed deċiżjoni kollettiva dwar il-punt diskuss mill-Kummissarji kollha preżenti.

L-aġenda tal-laqgħat tal-Kummissjoni
Il-punti previsti għal-laqgħat futuri tal-Kummissjoni

Teħid ta' deċiżjoni kollettiv

Il-Kummissjoni tiffunzjona fuq il-prinċipju ta’ kolleġjalità. Id-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod kollettiv mill-Kulleġġ tal-Kummissarji, li hu responsabbli għall-Parlament Ewropew għad-deċiżjonijiet meħudin. Kull wieħed mit-28 Kummissarju għandu l-istess piż fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u huma responsabbli ugwalment għad-deċiżjonijiet meħudin.

Il-kolleġjalità tiggarantixxi:

  • il-kwalità tat-deċiżjonijiet meħudin, billi kull Kummissarju għandu jiġi kkonsultat dwar kull proposta
  • l-indipendenza tal-istituzzjoni, għax id-deċiżjonijiet huma adottati mingħajr pressjoni partiġjana.
  • il-qsim tar-responsabbiltà politika bejn il-Kummissarji kollha, anki meta d-deċiżjonijiet jittieħdu b’deċiżjoni ta’ maġġoranza

Il-Kulleġġ jista’ jiddeċiedi wkoll dwar kwestjonijiet billi jivvota dwarhom. F’dan il-każ, maġġoranza ta’ membri tal-Kulleġġ (15 minn 28) jeħtiġilha tivvota favur id-deċiżjoni sabiex tiġi adottata. Kull membru tal-Kummissjoni għandu vot wieħed, u jista’ jitfa’ biss il-vot tiegħu hu stess.

Parteċipazzjoni fil-laqgħat

Il-Kummissarji huma meħtieġa li jipparteċipaw fil-laqgħat kollha tal-Kulleġġ. Jekk jittardjaw għal kwalunkwe raġuni, il-membri jeħtiġilhom jinfurmaw il-President minn qabel. Kwalunkwe assenza mil-laqgħat tal-Kulleġġ jeħtiġilha tkun limitata għal ċirkostanzi eċċezzjonali u ġustifikati. 

Rapporti tal-laqgħat ta’ kull ġimgħa

Rapport miktub ta’ kull laqgħa tal-Kulleġġ jiġi prodott u ppubblikat onlajn. 

Rapporti tal-laqgħat ta’ kull ġimgħa

Inizjattivi li dwarhom kien hemm qbil mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha d-dritt ta’ inizjattiva fi kwestjonijiet leġiżlattivi. Meta proposta leġiżlattiva tiġi deċiża b’mod kollettiv mill-Kulleġġ, tgħaddi għall-istadju li jmiss tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Fil-maġġoranza tal-każijiet, din tiġi trażmessa lill-Parlament Ewropew għall-eżaminazzjoni u l-adozzjoni (hi u ssegwi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, imsejħa wkoll il-kodeċiżjoni).

Fl-istess waqt, il-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi membri tal-UE huma mistiedna li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar il-proposta u biex jikkonfermaw li hi aktar effettiva biex tittratta mal-kwestjoni fil-livell tal-UE, milli dak lokali jew reġjonali.