Biex jitnaqqas it-tixrid tal-coronavirus u jiġu protetti s-saħħa u l-benesseri tal-Ewropej kollha, kienu meħtieġa xi restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Il-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel l-almu tagħha biex tippermetti lin-nies jiltaqgħu mal-ħbieb u l-familja u biex tiżgura l-moviment liberu taċ-ċittadini, l-oġġetti u s-servizzi – b’rispett sħiħ għall-miżuri tas-saħħa u tas-sikurezza.
Ivvjaġġar sikur
Re-open EU – punt uniku ta' servizz għal ivvjaġġar sikur fl-Ewropa
Fil-15 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni Ewropea nediet Re-open EU. Il-pjattaforma inizjalment ġiet stabbilita bħala waħda mill-miżuri mħabbra mill-Kummissjoni fil-pakkett tagħha dwar it-Turiżmu u t-Trasport biex tgħin sabiex l-ivvjaġġar u t-turiżmu jerġgħu jibdew mill-ġdid b’mod sikur fl-UE filwaqt li jiġu rrispettati l-prekawzjonijiet tas-saħħa meħtieġa.
Wara s-sitwazzjoni attwali tas-saħħa u ż-żieda mill-ġdid tal-coronavirus, l-enfasi mxiet aktar lejn l-għoti ta’ ħarsa ġenerali għal kull pajjiż dwar
- data epidemjoloġika, u
- miżuri nazzjonali ta’ sikurezza u vvjaġġar għall-coronavirus bħall-kwarantina u r-rekwiżiti tal-ittestjar
L-informazzjoni hija disponibbli għall-pajjiżi Ewropej kollha u l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera u tiġi aġġornata kuljum bl-użu ta’ data vverifikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u l-Istati Membri.
Il-pjattaforma, li hi disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE, hi faċilment aċċessibbli fuq id-desktop u l-mobile permezz tal-link ta’ Re-Open EU li tista’ toħloq bookmark għalih: https://reopen.europa.eu/. Mill-14 ta’ Diċembru, Re-open EU hu disponibbli wkoll bħala app tal-mobile bla ħlas fuq Android u iOS.
Applikazzjonijiet tal-mobile għat-traċċar tal-kuntatti
L-apps għat-traċċar tal-kuntatti u għat-twissija huma applikazzjonijiet li jistgħu jiġu installati u użati b’mod volontarju biex iwissu lill-utenti jekk kinux qrib persuna li ġiet irrappurtata li ttestjat pożittiva għall-coronavirus. F’każ ta’ twissija, l-app tista’ tipprovdi informazzjoni rilevanti mill-awtoritajiet tas-saħħa, bħal parir biex wieħed jittestja ruħu jew jagħmel awtoiżolament, u lil min jikkuntattja.
L-apps tal-mobile għat-traċċar tal-kuntatti jistgħu jgħinu biex iħaffu t-traċċar tal-kuntatti tradizzjonali u jiffrankaw sigħat prezzjużi ta’ xogħol għall-istaff tas-saħħa pubblika li jittraċċaw il-katina tal-infezzjoni.
Apps nazzjonali għat-traċċar tal-kuntatti
Approċċ komuni għall-miżuri tal-ivvjaġġar
Fit-13 ta’ Ottubru, l-Istati Membri tal-UE adottaw Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għal approċċ koordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19. Din ir-Rakkomandazzjoni hija bbażata fuq il-proposta tal-Kummissjoni adottata fl-4 ta’ Settembru.
Approċċ komuni għall-miżuri tal-ivvjaġġar fl-UE
Ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi erba’ oqsma ewlenin fejn l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-isforzi tagħhom
- sistema komuni ta’ mmappjar ibbażata fuq kodiċi tal-kulur (aħdar, oranġjo, aħmar, griż)
- kriterji komuni għall-Istati Membri biex jiġi deċiż jekk għandhomx jiddaħħlu restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar;
- aktar ċarezza dwar il-miżuri applikati għal vjaġġaturi minn żoni ta’ riskju ogħla (ittestjar u awtokwarantina)
- għoti ta’ informazzjoni ċara u f’waqtha lill-pubbliku
Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex jimplimentaw b’mod sħiħ ir-Rakkomandazzjoni
Fid-19 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-azzjonijiet meħtieġa biex tiġi evitata t-tielet mewġa. L-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu għandu jiġi skoraġġut bil-qawwa sakemm is-sitwazzjoni epidemjoloġika tkun tjiebet b’mod konsiderevoli. Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għandhom ikunu proporzjonati u mhux diskriminatorji, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill minn Ottubru 2020. Għandhom jinżammu restrizzjonijiet proporzjonati, inkluż l-ittestjar tal-vjaġġaturi.
Rakkomandazzjoni dwar approċċ koordinat għall-ivvjaġġar u t-trasport b’rispons għal varjant ġdid tal-coronavirus fir-Renju Unit
Wara ż-żieda rapida tal-każijiet tal-COVID-19 f’partijiet tal-Ingilterra, li proporzjon kbir minnhom jappartjeni għal varjant ġdid tal-virus, fit-22 ta’ Diċembru l-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar approċċ koordinat għall-miżuri tal-ivvjaġġar u t-trasport.
Fir-rigward tal-ivvjaġġar, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Istati Membri li:
- Fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, l-ivvjaġġar kollu mhux essenzjali lejn u mir-Renju Unit għandu jiġi skoraġġut sakemm jingħata avviż ieħor.
- Madankollu, iċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jivvjaġġaw lejn l-Istat Membru jew il-pajjiż ta’ residenza tagħhom kif ukoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu drittijiet ta’ moviment liberu tal-UE għandhom jiġu eżentati minn restrizzjonijiet temporanji ulterjuri dment li jgħaddu minn test jew kwarantina.
- Il-vjaġġaturi b’funzjoni essenzjali, pereżempju staff mediku, għandhom ikunu meħtieġa jagħmlu test (test RT-PCR jew test tal-antiġeni rapidu fi żmien 72 siegħa qabel it-tluq), iżda m’għandhomx ikunu meħtieġa jgħaddu minn kwarantina waqt li jkunu qed jeżerċitaw din il-funzjoni essenzjali.
- It-tranżitu tal-passiġġieri, speċjalment għall-ivvjaġġar essenzjali, għandu jiġi ffaċilitat mingħajr kwarantina. Jista’ jkun meħtieġ test, iżda l-awtoritajiet iridu jinfurmaw minn qabel dwar tali rekwiżit jew joffru ttestjar matul il-vjaġġ.
- Minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat l-ivvjaġġar essenzjali u t-tranżitu lejn id-dar kif deskritt fir-rakkomandazzjoni, kwalunkwe projbizzjoni tas-servizzi tat-trasport, bħal projbizzjonijiet fuq titjiriet jew ferroviji, għandha titwaqqaf.
Filwaqt li huwa importanti li tittieħed azzjoni prekawzjonarja temporanja rapida biex jiġi limitat it-tixrid ulterjuri tal-varjant il-ġdid tal-virus u l-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu lejn u mir-Renju Unit għandu jiġi skoraġġut, l-ivvjaġġar u t-tranżitu essenzjali tal-passiġġieri għandhom jiġu ffaċilitati. Il-projbizzjonijiet fuq it-titjiriet u l-ferroviji għandhom jitwaqqfu minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat l-ivvjaġġar essenzjali u li jiġu evitati interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista.
Restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar lejn l-UE
Fil-25 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex titneħħa r-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar għal pajjiżi maqbula mill-Istati Membri. Dan sar abbażi ta’ sett ta’ prinċipji u kriterji oġġettivi li jinkludu
- is-sitwazzjoni tas-saħħa
- il-kapaċità li jiġu applikati miżuri ta’ konteniment matul l-ivvjaġġar
- kunsiderazzjonijiet ta’ reċiproċità
- data minn sorsi rilevanti bħaċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
Fit-30 ta’ Ġunju, il-Kunsill Ewropew adotta Rakkomandazzjoni dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni. Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar tneħħew għall-pajjiżi elenkati fir-rakkomandazzjoni. Il-lista tiġi aġġoranta, fil-prinċipju, kull ġimagħtejn.
Abbażi tal-kriterji u l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni, aġġornati mill-Kunsill fis-16 ta’ Diċembru, l-Istati Membri għandhom jibdew ineħħu gradwalment ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mal-fruntieri esterni għar-residenti tal-pajjiżi terzi li ġejjin:
- L-Awstralja
- Il-Ġappun
- New Zealand
- Ir-Rwanda
- Singapore
- Il-Korea t’Isfel
- It-Tajlandja
- Iċ-Ċina, inklużi r-Reġjuni Amministrattivi Speċjali ta’ Ħong Kong u l-Makao, soġġett għall-konferma tar-reċiproċità
Għall-fini tar-rakkomandazzjoni, ir-residenti ta’ Andorra, Monaco, San Marino u l-Vatikan għandhom jitqiesu bħala residenti tal-UE.
Filwaqt li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali u t-tneħħija tagħhom jiddependu fuq il-post ta’ residenza tal-vjaġġatur, il-ħtieġa tal-viża tkompli tiddependi fuq in-nazzjonalità. Jekk vjaġġatur jgħix f’pajjiż fejn ir-restrizzjonijiet tneħħew, iżda hu ċittadin ta’ pajjiż li jirrikjedi viża, għandu japplika fil-konsulat tal-Istat Membru li fih jixtieq jivvjaġġa, fil-pajjiż ta’ residenza tiegħu.
Għall-pajjiżi terzi l-oħrajn kollha li mhumiex f’din il-lista, l-Istati Membri u l-pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen qegħdin temporanjament jissospendu l-ivvjaġġar mhux essenzjali minn dawk il-pajjiżi terzi lejn iż-żona tal-UE+, li jfisser li ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi biss jistgħu jkunu awtorizzati biex jidħlu. Iż-“żona UE+” tinkludi 30 pajjiż: 26 mis-27 Stat Membru tal-UE kif ukoll l-erba’ Stati Assoċjati ma’ Schengen: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera. L-Irlanda bħalissa ma tapplikax ir-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar.
Hekk kif is-sitwazzjoni epidemjoloġika ġewwa u barra l-UE qed tevolvi u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mal-fruntieri esterni tal-UE bdew jitneħħew gradwalment, l-operazzjonijiet tal-viża ssoktaw ukoll b’mod gradwali. Fil-11 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni ppubblikat gwida għall-bidu mill-ġdid tal-operazzjonijiet tal-viża b’mod gradwali u kkoordinat.
Ir-regoli għall-applikazzjoni għal viża għal soġġorn qasir jibqgħu l-istess. Il-konsulati tal-Istati Membri u l-fornituri esterni tas-servizzi, madankollu, adattaw aspetti prattiċi ta’ mmaniġġjar tal-aċċess, miżuri ta’ iġjene, metodi ta’ ħlas, eċċ. L-applikanti għandhom jingħataw informazzjoni xierqa dwar il-proċedura li jridu jsegwu biex jippreżentaw applikazzjoni.
L-informazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għandha tkun disponibbli fuq is-siti web tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti (eż. Ministeri tal-Intern u Affarijiet Barranin). Sommarju ta’ kuljum ta’ restrizzjonijiet fuq it-titjiriet u l-passiġġieri hu disponibbli fuq is-sit web tal-Eurocontrol, bit-titlu “Sommarju Covid Notam (avviż lill-ekwipaġġ tal-ajru)”.
Hemm xi eżenzjonijiet biex jiżguraw il-moviment liberu taċ-ċittadini, tal-oġġetti u tas-servizzi – b’rispett sħiħ għall-miżuri tas-saħħa u tas-sikurezza.
Eżenzjonijiet għar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar tal-coronavirus
Drittijiet tal-passiġġieri u tal-vjaġġaturi
Fuq L-Ewropa Tiegħek, is-sit web għall-għajnuna u għall-pariri għaċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom, hemm disponibbli informazzjoni komprensiva dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tiegħek inklużi l-pakkett tal-ivvjaġġar.
Il-passiġġieri u l-vjaġġaturi jistgħu jserrħu rashom li d-drittijiet tagħhom huma protetti. Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat linji gwida interpretattivi dwar kif ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri għandhom jiġu applikati fil-kuntest tat-tifqigħa tal-coronavirus. Dan biex jiġu żgurati ċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali fl-applikazzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri.
Fl-istess ħin, il-linji gwida jiċċaraw li ċ-ċirkostanzi attwali huma “straordinarji”, eż. il-kumpens jista’ ma jitħallas f’każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira inqas minn ġimagħtejn qabel id-data tat-tluq. Jenħtieġ li l-persuni li jivvjaġġaw matul il-pandemija tal-COVID-19 ma jitqisux awtomatikament bħala riskju għoli għat-tixrid tal-infezzjoni sakemm ma jkunux f’kuntatt magħruf ma’ każ pożittiv ikkonfermat, skont linji gwida Ewropej ġodda għall-ivvjaġġar bl-ajru. Abbażi tal-aħħar xjenza, il-linji gwida ppubblikati fit-2 ta’ Diċembru miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jikkonkludu li l-għadd ta’ każijiet ġodda tal-coronavirus fost il-vjaġġaturi huwa stmat li huwa inqas milli hu l-każ għall-popolazzjoni ġenerali. Barra minn hekk, il-miżuri diġà stabbiliti għall-avjazzjoni jimminimizzaw il-probabbiltà ta’ trażmissjoni matul it-titjir.
Il-Kummissjoni ħarġet ukoll nota ta’ informazzjoni dwar id-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar b’rabta mal-coronavirus.
Skont ir-regoli tal-UE, il-passiġġieri u l-vjaġġaturi għandhom id-dritt jagħżlu bejn vouchers u rimborż fi flus kontanti għall-biljetti tat-trasport (bl-ajru, bil-ferrovija, bil-karozza tal-linja jew bil-kowċ u bil-vapur) jew għall-pakketti tal-ivvjaġġar li jkunu tħassru. Filwaqt li tafferma mill-ġdid dan id-dritt, ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Mejju 2020 għandha l-għan li tiżgura li l-vouchers isiru alternattiva vijabbli u iktar attraenti għar-rimborż fi flus kontanti fil-każ tal-vjaġġi li jkunu tħassru minħabba l-pandemija attwali, li ħolqot ukoll piż finanzjarju kbir għall-operaturi tal-ivvjaġġar.
Tista’ ssib lista tal-awtoritajiet nazzjonali kollha li joħorġu pariri dwar l-ivvjaġġar hawnhekk.
Pariri għall-konsumaturi fl-Ewropa
In-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi jipprovdi pariri u assistenza liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tal-konsumaturi dwar kwistjonijiet transkonfinali. Dan jinkludi bbukkjar tal-lukandi jew tal-ivvjaġġar affettwat mill-pandemija tal-coronavirus. Hi disponibbli wkoll informazzjoni dwar ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-konsumaturi hawnhekk.
Il-liġi tal-konsumatur tal-UE ma tirregolax il-kundizzjonijiet u l-konsegwenzi tal-kanċellazzjoni ta’ avvenimenti jew ta’ servizzi individwali (avvenimenti sportivi u kulturali, kiri ta’ karozzi, arranġamenti ta’ akkomodazzjoni, eċċ.). Għalhekk, id-drittijiet tiegħek bħala konsumatur jiddependu fuq il-liġi kuntrattwali nazzjonali rispettiva u fuq it-tip ta’ kuntratt tiegħek u l-klawżoli tiegħu, inkluż il-politika ta’ kanċellazzjoni ddikjarata mill-fornitur tas-servizz (eż. ibbukkjar li jista’ jiġi rimborżat jew li ma jistax jiġi rimborżat).
Il-klawżoli kuntrattwali standard li jużaw l-operaturi tas-suq iridu jkunu trasparenti u ma jistgħux jillimitaw b’mod inġust id-drittijiet tal-konsumaturi skont il-liġi kuntrattwali nazzjonali rilevanti.
Għad-drittijiet tiegħek rigward il-pakketti tal-ivvjaġġar, ara l-Informazzjoni dwar id-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar u dwar is-servizzi awtonomi tat-trasport bl-ajru, bil-ferrovija, bil-baħar u bix-xarabank/kowċ ara l-Linji gwida rilevanti.
Assistenza konsulari għaċ-ċittadini tal-UE barra minn pajjiżhom
Skont il-liġi tal-UE, iċ-ċittadini tal-UE huma intitolati li jfittxu l-għajnuna mill-ambaxxata jew mill-konsulat ta’ kwalunkwe pajjiż tal-UE li ma jkunx tagħhom jekk isibu ruħhom f’sitwazzjoni fejn ikollhom bżonn assistenza barra mill-UE, mingħajr ambaxxata jew konsulat dipsonibbli mill-Istat Membru tagħhom stess.
Il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jgħinu biex iċ-ċittadini tal-UE jinġiebu lura pajjiżhom mid-dinja kollha, filwaqt li l-Istati Membri joħorġu pariri dwar kif għandhom jiġu ttrattati r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Iċ-ċittadini tal-UE li jeħtieġu assistenza barra mill-UE huma mħeġġa jikkuntattjaw l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħhom.
Soġġorn eċċessiv b’riżultat tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar
Fil-kuntest tat-tifqigħa tal-coronavirus, it-titulari ta’ viża preżenti fiż-żona Schengen li ma setgħux jitilqu qabel ma tiskadi l-viża għal soġġorn qasir kellhom il-viża tagħhom estiża għal soġġorn massimu ta’ 90/180 jum mill-awtoritajiet maħturin tal-Istati Membri. Jekk it-titulari ta’ viża kellhom bilfors jibqgħu wara l-perjodu estiż ta’ 90/180 jum, viża nazzjonali għal żmien twil jew permess tar-residenza temporanju kellu jinħareġ mill-awtoritajiet nazzjonali.
L-Istati Membri huma mħeġġa jirrinunzjaw sanzjonijiet amministrattivi jew multi kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi li matul il-perjodu tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ma kinux f’sitwazzjoni li jitilqu mit-territorju tagħhom minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Is-soġġorni eċċessivi minħabba r-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar ma għandhomx jitqiesu fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet futuri għal viża.
Ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-viża li baqgħu fiż-żona Schengen lil hinn mis-soġġorn awtorizzat ta’ 90 jum
Għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-viża li jkunu mġiegħla joqogħdu lil hinn mit-terminu ta’ 90/180 jum, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jestendu l-validità tal-awtorizzazzjonijiet għal soġġorn legali, joħorġu waħda ġdida jew jieħdu miżuri xierqa oħrajn li jiżguraw li jibqa’ d-dritt ta’ soġġorn fit-territorju tagħhom. L-informazzjoni hi disponibbli fuq is-siti web tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri.
Dokumenti tal-ivvjaġġar skaduti minħabba soġġorn estiż mhux mistenni barra mill-pajjiż
Iċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom li ma għandhomx passaport validu u/jew viża għandhom jitħallew jidħlu fit-territorju tal-UE, jekk jistgħu juru b’mezzi oħrajn li huma ċittadini tal-UE jew membri tal-familja ta’ ċittadin tal-UE. Il-pussess ta’ passaport skadut għandu jitqies li jikkostitwixxi prova b’mezzi oħrajn fis-sitwazzjoni attwali. Il-membri tal-familja għandhom dejjem ikunu kapaċi jagħtu prova li huma membri tal-familja taċ-ċittadin tal-UE.