Ċifri dwar it-tilqim
-
126 miljun doża mwassla fl-UE
-
100 miljun doża amministrati fl-UE
L-aħħar aġġornament: 14 ta’ April 2021. Sors: Il-produtturi tal-vaċċini u d-data tal-ECDC
Punti ewlenin

Naċċelleraw il-konsenji tal-vaċċini
Fl-14 ta’ April, il-Kummissjoni Ewropea laħqet ftehim mal-BioNTech-Pfizer biex tħaffef il-konsenja tal-vaċċini. Fit-tieni trimestru tal-2021 se ssir il-konsenja ta’ 50 miljun doża addizzjonali, inizjalment previsti għar-raba’ trimestru tas-sena. Bi tħejjija għall-futur, il-Kummissjoni ħabbret ukoll li kienet se tidħol f’negozjati mal-BioNTech-Pfizer għat-tielet kuntratt li jipprevedi l-għoti ta’ 1.8 biljun doża ta’ vaċċin matul il-perjodu mill-2021 sal-2023.
Informazzjoni dwar it-tilqim fl-UE
L-iżgurar tad-dożi tal-vaċċini futuri
Il-Kummissjoni Ewropea ilha tinnegozja b’mod intensiv biex tibni portafoll diversifikat ta’ vaċċini bi prezzijiet ġusti għaċ-ċittadini tal-UE. Ġew konklużi kuntratti ma’ 6 żviluppaturi tal-vaċċini promettenti, li jiżguraw portafoll ta’ aktar minn 2.6 biljun doża.
Il-konsenji tad-dożi tal-vaċċini lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea żdiedu b’mod kostanti minn Diċembru ’l hawn. Jiżdied ir-ritmu tat-tilqim fl-Unjoni Ewropea kollha.
S’issa, il-Kummissjoni tat 4 awtorizzazzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni kondizzjonali għall-vaċċini żviluppati mill- BioNTech u Pfizer, il-Moderna, l-AstraZeneca u l-Janssen Pharmaceutica NV wara l-valutazzjoni pożittiva tas-sikurezza u tal-effikaċja tagħhom mill-EMA. Diversi vaċċini oħra jinsabu fi stadji differenti ta’ valutazzjoni mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA).
Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-industrija biex iżżid il-kapaċità tal-manifattura tal-vaċċini fl-UE.
Fl-istess ħin, il-Kummissjoni bdiet taħdem biex tantiċipa u tindirizza varjanti ġodda tal-virus u biex tiżviluppa u tipproduċi malajr vaċċini fuq skala kbira li jkunu effettivi kontra dawk il-varjanti.
Għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea nediet l-Inkubatur HERA. Dan se jiġbor flimkien ix-xjenza, l-industrija u l-awtoritajiet pubbliċi, biex inħaffu x-xogħol u ningranaw ir-riżorsi kollha disponibbli biex l-Ewropa tkun kapaċi tirrispondi għal din it-theddida.
- 2.6 biljun doża
Kumpanija |
Tip ta’ vaċċin |
Għadd ta’ dożi (meħtieġa għal kull persuna) |
Għadd ta’ dożi (garantiti) |
Status |
---|---|---|---|---|
BioNTech u Pfizer | mRNA | 2 dożi | 600 miljun | Approvat |
Moderna | mRNA | 2 dożi | 460 miljun | Approvat |
CureVac | mRNA | 2 dożi | 405 miljun | Żvilupp għaddej |
AstraZeneca | adenovirus | 2 dożi | 400 miljun | Approvat |
Johnson & Johnson/Janssen Pharmaceuticals | adenovirus | 1 doża | 400 miljun | Approvat |
Sanofi-GSK | proteini | 2 dożi | 300 miljun | Żvilupp għaddej |
Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll taħditiet esploratorji ma’
- Novavax bil-ħsieb li jinxtraw sa 200 miljun doża, u
- Valneva bil-ħsieb li jinxtraw sa 60 miljun doża.
Rapporti dwar is-sikurezza
L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini tippubblika aġġornamenti dwar is-sikurezza għall-vaċċini kontra l-COVID-19 awtorizzati fl-UE. L-EMA tirrilaxxa aġġornament ta’ kull xahar għal kull vaċċin awtorizzat kontra l-COVID-19.
L-aġġornamenti tas-sikurezza jiġbru fil-qosor id-data li tkun saret disponibbli mill-awtorizzazzjoni tal-vaċċin. Huma jindikaw ukoll jekk xi informazzjoni dwar is-sikurezza teħtieġx aktar investigazzjoni.
Għal aktar informazzjoni żur is-sit web tal-EMA.
Iċċekkja l-fatti
Id-diżinformazzjoni dwar il-coronavirus qed tirnexxi. Huwa importanti li tikseb informazzjoni aġġornata minn sorsi awtorevoli biss. Nissuġġerixxu li ssegwi l-parir tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika tiegħek, u s-siti web ta’ organizzazzjonijiet rilevanti tal-UE u dawk internazzjonali: iċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).
Inti tista’ tagħmel il-parti tiegħek ukoll billi ma xxerridx mal-oħrajn informazzjoni mhux verifikata li tkun ġejja minn sorsi dubjużi.
L-istrateġija tal-UE għall-vaċċini
Bl-Istrateġija tal-UE għall-Vaċċini, l-UE qed tappoġġja l-isforzi u tħaffef l-iżvilupp u d-disponibbiltà ta’ vaċċini sikuri u effettivi f’medda ta’ bejn 12 u 18-il xahar, jekk mhux qabel. Biex jitwettaq dan il-kompitu kumpless jeħtieġ li jsiru provi kliniċi b’mod parallel mal-investiment fil-kapaċità tal-produzzjoni biex ikunu jistgħu jiġu prodotti miljuni, jew saħansitra biljuni, ta’ dożi ta’ vaċċin effettiv.
L-istrateġija tal-UE għall-vaċċini
Isma’ mingħand l-esperti
Peter Piot, virologu
|
Dr Frank Ulrich Montgomery,
|
Videos ta’ esperti dwar vaċċin kontra l-COVID-19
Isma’ mingħand in-nies
Borislava Ananieva, pazjenta ta’ trapjant |
Is-Summit dwar is-Saħħa Globali li jmiss
L-Italja, li għandha l-Presidenza tal-G20, u l-Kummissjoni Ewropea se jospitaw flimkien Summit dwar is-Saħħa Globali f’Ruma fil-21 ta’ Mejju 2021.
Il-Mexxejja tal-G20, il-kapijiet tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali u r-rappreżentanti tal-korpi tas-saħħa globali se jaqsmu t-tagħlimiet meħuda mill-pandemija u jiftiehmu dwar prinċipji li jappoġġjaw aktar kooperazzjoni u azzjoni konġunta biex jipprevjenu kriżijiet tas-saħħa globali futuri, irrispettivament mill-oriġini.