Protective equipment

27 ta’ April 2021 - L-UE tgħaddi appoġġ kritiku lill-Indja permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili

Vjeġġ ta’ ossiġenu, mediċina u tagħmir meħtieġa b’mod urġenti se jitwassal lill-Indja matul il-jiem li ġejjin mill-Istati Membri tal-UE, wara t-talba tal-pajjiż għal appoġġ. L-Irlanda offriet 700 konċentratur tal-ossiġenu; ġeneratur tal-ossiġenu; 365 ventilatur; il-Belġju offra 9,000 doża ta’ mediċini antivirali Remdesivir; ir-Rumanija offriet 80 konċentratur tal-ossiġenu u 75 ċilindru tal-ossiġenu; il-Lussemburgu offra 58 ventilatur; il-Portugall offra 5,503 kunjett ta’ Remdesivir u 20,000 litru ta' ossiġenu fil-ġimgħa, u l-Iżvezja offriet 120 ventilatur. Aktar appoġġ tal-UE minn Stati Membri oħrajn hu mistenni li jingħata fil-jiem li ġejjin, inkluż minn Franza u l-Ġermanja.

Berlaymont

16 ta’ April 2021 - €562.5 miljun f’finanzjament ta’ investiment REACT-EU allokati lill-Bulgarija, lill-Finlandja, lil Franza u lil-Litwanja

L-investimenti ta’ REACT-EU ta’ madwar €562.5 miljun fil-Bulgarija, il-Finlandja, Franza u l-Litwanja se jestendu r-rispons għall-kriżi permezz tal-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus. REACT-EU, parti min-NextGenerationEU, jipprovdi total addizzjonali ta’ €47.5 biljun f’appoġġ għall-programmi tal-politika ta’ Koeżjoni fl-2021 u l-2022, b’enfasi fuq l-appoġġ għall-impjiegi, in-negozji, u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. L-investiment ġie allokat biex jappoġġja adattamenti infrastrutturali fit-tul u jsaħħaħ ir-reżiljenza tan-negozju fil-Bulgarija, jiżviluppa r-riċerka u l-innovazzjoni fil-Finlandja, jipprovdi kapital operatorju fi Franza u jespandi l-mudelli tan-negozju elettroniku, u jtejjeb l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda fil-Litwanja biex tiġi indirizzata l-pandemija.

President von der Leyen

14 ta’ April 2021 - 100 miljun tilqima kontra l-COVID-19 fl-UE

Il-President von der Leyen qalet: “It-tilqim qed jirranka fl-Ewropa kollha! Sal-bieraħ, l-Istati Membri rċevew aktar minn 126 miljun doża ta’ vaċċini. U ninsab kuntenta ngħid li llum ilħaqna 100 miljun tilqima fl-UE. Dan huwa pass importanti li nistgħu nkunu kburin bih.”

Picture of the Berlaymont facade

14 ta’ April 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea tlesti biex tiġbor sa €800 biljun taħt in-NextGenerationEU biex tiffinanzja l-irkupru

Il-Kummissjoni ħadet passi biex tiżgura li s-self taħt l-istrument temporanju ta’ rkupru tan-NextGenerationEU jiġi ffinanzjat bl-aktar termini vantaġġużi għall-pajjiżi tal-UE u ċ-ċittadini tagħhom. Il-Kummissjoni se tuża strateġija diversifikata ta’ finanzjament biex tiġbor sa madwar €800 biljun fi prezzijiet attwali sal-2026.

Humanitarian aid workers in a warehouse

8 ta’ April 2021 - Tim Ewropa jkompli jappoġġja lill-pajjiżi sħab b’aktar minn €26 biljun żborżati f’sena waħda

Sal-1 ta’ Jannar 2021, Tim Ewropa kien diġà appoġġja aktar minn 130 pajjiż sieħeb madwar id-dinja b’aktar minn €26 biljun. Intefqu €3.2 biljun biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet umanitarji. Intefqu €3.5 biljun fuq it-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa, tal-ilma u tas-sanità. Intefqu €19.5 biljun biex jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija. Tim Ewropa qed jaħdem ukoll biex jiżgura aċċess ekwu u globali għall-vaċċini kontra l-COVID-19 u jappoġġja t-tnedija ta’ kampanji ta’ tilqim, filwaqt li jesplora l-possibbiltajiet biex tingħata spinta lill-kapaċità ta’ manifattura lokali. L-UE kellha rwol ewlieni fit-twaqqif tal-Faċilità COVAX, fejn Tim Ewropa hu wieħed mid-donaturi ewlenin tagħha, b’aktar minn €2.2 biljun.

7 ta’ April - Summit Globali dwar is-Saħħa: Żomm ruħek aġġornat permezz tas-sit web il-ġdid

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat sit web ġdid b’informazzjoni ewlenija dwar is-Summit Globali dwar is-Saħħa li jmiss. Is-Summit, ospitat mill-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Taljana tal-G20, se jsir fil-21 ta’ Mejju 2021 f’Ruma. Dan se jkun opportunità għall-G20 u l-mexxejja, il-kapijiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, u r-rappreżentanti ta’ korpi tas-saħħa globali mistednin, biex jixxerjaw it-tagħlimiet meħudin mill-pandemija tal-COVID-19.

Image of the Berlaymont banner "Next Generation EU"

6 ta’ April 2021 – L-ewwel miżuri ta’ appoġġ REACT-UE għall-irkupru u t-tranżizzjoni approvati għan-Netherlands u l-Awstrija

Il-Kummissjoni approvat l-ewwel deċiżjonijiet taħt REACT-EU li jinvolvu modifiki ta’ 4 programmi operazzjonali għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fin-Netherlands u fl-Awstrija li se jżidu l-finanzjament disponibbli għall-investimenti bi kważi €262 miljun minn REACT-EU. In-Netherlands u l-Awstrija għalhekk saru l-ewwel pajjiżi tal-UE li bbenefikaw minn REACT-EU. Dawn ir-riżorsi – parti min-NextGenerationEU – ikomplu u jestendu r-rispons għall-kriżijiet u l-miżuri ta’ rimedju mwasslin permezz tal-Inizjattivi ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus, li jaġixxu bħala pont għall-pjan ta’ rkupru fit-tul.

worker in a shop

30 ta’ Marzu 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea tiżborża €13-il biljun oħra taħt SURE lil 6 Stati Membri biex tipproteġi l-ħaddiema u l-impjiegi

Il-Kummissjoni Ewropea żborżat €13-il biljun lil 6 Stati Membri tal-UE fis-6 pagament tal-appoġġ finanzjarju taħt l-istrument SURE biex tipproteġi l-impjiegi u l-ħaddiema. Dan hu t-3 żborż fl-2021. Bħala parti mill-operazzjonijiet tal-lum, iċ-Ċekja rċeviet €1 biljun, il-Belġju €2.2 biljun, Spanja €4.06 biljun, l-Irlanda €2.47 biljun, l-Italja €1.87 biljun u l-Polonja €1.4 biljun. Din hi l-ewwel darba li l-Irlanda rċeviet finanzjament taħt l-istrument. Il-5 pajjiżi l-oħra tal-UE diġà bbenefikaw minn self taħt SURE. S’issa, 17-il Stat Membru tal-UE rċevew total ta’ €75.5 biljun taħt l-istrument SURE f’self back-to-back. Ħarsa ġenerali lejn l-ammonti żborżati aġġornati u l-maturitajiet differenti tal-bonds hi disponibbli.

A nurse

26 ta’ Marzu 2021 – Jidħol fis-seħħ il-Programm l-UE għas-Saħħa ta’ €5.1 biljun

Il-Kummissjoni laqgħet id-dħul fis-seħħ tal-Programm l-UE għas-Saħħa. Il-Programm l-UE għas-Saħħa se jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-irkupru wara l-COVID-19 billi jtejjeb is-saħħa tal-popolazzjoni tal-UE, jappoġġja l-ġlieda kontra t-theddid transfruntier għas-saħħa u jagħti spinta lit-tħejjija u lill-kapaċità tal-UE li tirrispondi b’mod effettiv għal kriżijiet tas-saħħa futuri, bħala parti minn Unjoni Ewropea tas-Saħħa futura b’saħħitha. Il-Programm l-UE għas-Saħħa hu programm ta’ finanzjament ambizzjuż u ddedikat għall-2021-2027 biex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fil-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. Il-Programm l-UE għas-Saħħa hu l-akbar programm tas-saħħa tal-UE f’termini monetarji u se jipprovdi finanzjament lill-pajjiżi tal-UE, lill-organizzazzjonijiet tas-saħħa u lill-NGOs.

Lot of vaccines doses

24 ta’ Marzu 2021 - Il-Kummissjoni ssaħħaħ it-trasparenza u l-mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet ta’ vaċċini kontra l-COVID-19

Il-Kummissjoni introduċiet prinċipji addizzjonali għall-kunsiderazzjoni qabel ma tawtorizza l-esportazzjonijiet tal-vaċċini: ir-reċiproċità u l-proporzjonalità. Dan ifisser li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jekk il-pajjiż tad-destinazzjoni għandux restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fis-seħħ u l-kundizzjonijiet prevalenti fil-pajjiż tad-destinazzjoni bħas-sitwazzjoni epidemjoloġika, ir-rati tat-tilqim u l-istokkijiet eżistenti tal-vaċċini. Il-President von der Leyen qalet: “L-UE hija kburija li hija d-dar tal-produtturi tal-vaċċini li jesportaw madwar id-dinja, għaliex aħna konvinti li aħna se nkunu sikuri biss meta kulħadd ikun sikur. Iżda l-UE hija l-uniku produttur ewlieni tal-OECD li qed ikompli jesporta l-vaċċini, inkluż lejn pajjiżi li għandhom kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħhom stess iżda sabu modi kif jirrestrinġu l-esportazzjonijiet. Barra minn hekk, l-esportazzjonijiet sejrin lejn pajjiżi li s-sitwazzjoni epidemjoloġika tagħhom hija anqas serja minn dik tal-UE u li huma avvanzati aktar fit-tilqim taċ-ċittadini tagħhom. Huwa għalhekk li jeħtieġ li nintroduċu r-reċiproċità u l-proporzjonalità fil-mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni tal-UE.”

A man supervising a young employer

22 ta’ Marzu 2021 – Ir-rapport jikkonferma s-suċċess ta’ SURE fil-protezzjoni tal-impjiegi

Il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel valutazzjoni preliminari tagħha ta’ SURE, l-istrument ta’ €100 biljun iddedikat għall-protezzjoni tal-impjiegi u l-ekonomiji mill-effetti tal-pandemija tal-COVID-19. Ir-rapport tal-Kummissjoni sab li l-istrument appoġġja bejn 25 u 30 miljun persuna fl-2020. Hu jistma wkoll li bejn 1.5 u 2.5 miljun ditta affettwati mill-pandemija tal-COVID-19 ibbenefikaw minn SURE, u b’hekk setgħu jżommu l-ħaddiema. Il-Kummissjoni s’issa pproponiet total ta’ €90.6 biljun f’appoġġ finanzjarju lil 19-il Stat Membru.

A girl waiting in line at the airport

17 ta’ Marzu 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi Ċertifikat Diġitali Aħdar b’informazzjoni dwar it-tilqim, it-testijiet u l-irkupru

Il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi qafas għall-UE kollha dwar Ċertifikat Diġitali Aħdar għall-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati tat-tilqim, tal-ittestjar u tal-irkupru. Biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni ta’ individwi li mhumiex imlaqqma, il-pussess ta’ ċertifikat tat-tilqim mhux se jkun prekundizzjoni biex jiġu eżerċitati d-drittijiet tal-moviment liberu u ma jistax jintuża bħala prekundizzjoni biex jintużaw servizzi tat-trasport transfruntieri tal-passiġġieri bħal linji tal-ajru, ferroviji, kowċis jew laneċ. Il-proposta għandha l-għan li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu fl-UE matul il-pandemija tal-COVID-19 billi tistabbilixxi ċertifikati sikuri u interoperabbli.

Two people talking

16 ta’ Marzu 2021 - Il-Kummissjoni tiżborża €9 biljun oħra taħt SURE lil 7 Stati Membri tal-UE

Il-Kummissjoni żborżat €9 biljun lil 7 Stati Membri tal-UE fil-ħames pagament parzjali taħt l-istrument SURE. L-iżborż, it-tieni pagament parzjali fl-2021, ikopri lir-Repubblika Ċeka (€1 biljun) kif ukoll lil Spanja (€2.87 biljun), lill-Kroazja (€510 miljun), lill-Italja (€3.87 biljun), lil-Litwanja (€302 miljun), lil Malta (€123 miljun) u lis-Slovakkja (€330 miljun). Dan is-self se jgħin lill-Istati Membri jindirizzaw żidiet f’daqqa fin-nefqa pubblika biex jiġu ppreservati l-impjiegi. S’issa, 16-il Stat Membru rċevew total ta’ €62.5 biljun taħt l-istrument SURE f’self back-to-back. Matul l-2021, il-Kummissjoni se tfittex ukoll li tiġbor aktar minn €25 biljun permezz tal-ħruġ ta’ bonds SURE tal-UE.

vaccine vials

11 ta’ Marzu 2021 - Il-Kummissjoni Ewropea tawtorizza r-raba' vaċċin sikur u effettiv kontra l-COVID-19

Il-Kummissjoni tat awtorizzazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni kondizzjonali għall-vaċċin kontra l-COVID-19 żviluppat minn Johnson & Johnson, li tagħmlu r-raba’ vaċċin awtorizzat fl-UE. Din l-awtorizzazzjoni ssegwi rakkomandazzjoni xjentifika pożittiva bbażata fuq valutazzjoni bir-reqqa tas-sikurezza u l-effettività tal-vaċċin imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u hi approvata mill-Istati Membri. Il-President von der Leyen qalet: “Il-vaċċin ta’ Janssen huwa r-raba’ vaċċin awtorizzat fil-portafoll tal-UE u se jgħinna nsaħħu l-kampanja tat-tilqim fit-tieni kwart tal-2021. Dan jirrikjedi biss doża waħda, li jqarribna pass ieħor lejn li niksbu l-għan kollettiv tagħna li nlaqqmu 70% tal-popolazzjoni adulta sa tmiem is-sajf.”

A nurse

11 ta’ Marzu 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tuża €530 miljun taħt il-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE għall-ġlieda kontra l-pandemija tal-coronavirus

Il-Kummissjoni Ewropea qed tressaq pakkett ta’ kważi €530 miljun f’appoġġ finanzjarju taħt il-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE biex tappoġġja n-nefqa pubblika fuq tagħmir protettiv mediku u personali, appoġġ ta’ emerġenza għall-popolazzjoni, u miżuri għall-prevenzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll tat-tixrid tal-marda. Il-proposta se tikkontribwixxi għall-isforzi mwettqa minn 17-il Stat Membru u 3 pajjiżi ta’ adeżjoni ladarba jiġu approvati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-pakkett ta’ għajnuna jinkludi wkoll €132.7 miljun ta’ pagamenti bil-quddiem li diġà rċevew il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, il-Kroazja, l-Ungerija u l-Portugall.

Cargo freight on palettes branded with EU flag being loaded onto an airplane.

10 ta’ Marzu 2021 – Azzjoni ġdida għat-twassil tal-għajnuna globali tal-UE quddiem l-isfida tal-COVID-19

Il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar l-azzjoni umanitarja, li tistabbilixxi kif l-UE tista’ żżid u tilqa’ l-isfidi umanitarji li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19. Il-Komunikazzjoni tipproponi azzjonijiet ewlenin biex titħaffef il-provvista tal-għajnuna umanitarja, biex jiġi appoġġjat ambjent favorevoli għas-sħab umanitarji, u biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-kriżijiet permezz ta’ approċċ ta’ “Tim Ewropa”. Il-Komunikazzjoni tenfasizza wkoll fokus imġedded fuq id-dritt umanitarju internazzjonali u għandha l-għan ukoll li tindirizza l-impatt umanitarju drammatiku tat-tibdil fil-klima.

Two men working in a factory.

4 ta’ Marzu 2021 – Żgurar ta’ rkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi: Pjan ta’ azzjoni dwar id-Drittijiet Soċjali Ewropej jistabbilixxi appoġġ effettiv għall-impjiegi

Bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Rakkomandazzjoni għall-Istati Membri biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni minn appoġġ għall-ħolqien ta’ impjiegi li jibqgħu validi fil-futur: Appoġġ Attiv Effettiv għall-Impjiegi (EASE). Ir-Rakkomandazzjoni tippromwovi l-ħolqien tal-impjiegi u t-tranżizzjonijiet minn impjieg għal impjieg minn setturi li sejrin lura lejn dawk li qed jespandu, notevolment fl-oqsma ekoloġiċi u diġitali. Il-miżuri l-ġodda jiddeskrivu tliet elementi ewlenin li l-Istati Membri għandhom jinkludu fil-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza: inċentivi għar-reklutaġġ u appoġġ intraprenditorjali; opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid; appoġġ imsaħħaħ mis-servizzi tal-impjiegi.

Picture of the press conference

3 ta’ Marzu 2021 – Sena mit-tifqigħa tal-COVID-19: rispons aġġornat tal-politika fiskali

Il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida wiesgħa dwar l-għamla tal-politika fiskali fil-perjodu li ġej u li tistabbilixxi l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward id-diżattivazzjoni jew l-attivazzjoni kontinwa tal-klawżola liberatorja ġenerali. Il-koordinazzjoni tal-politiki fiskali nazzjonali hi essenzjali biex jiġi appoġġjat l-irkupru ekonomiku. Il-Kummissjoni pproponiet l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali f’Marzu 2020 bħala parti mill-istrateġija tagħha biex tirrispondi malajr, b’mod qawwi u koordinat għall-pandemija tal-coronavirus. Hi ppermettiet lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jittrattaw il-kriżi b’mod adegwat, filwaqt li tbiegħdu mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw taħt il-qafas fiskali Ewropew.

President von der Leyen

24 ta’ Frar 2021 - il-President von der Leyen tkellmet waqt l-avveniment ta’ tnedija tal-Kampanja Globali taċ-Ċittadini “Pjan ta’ Rkupru għad-Dinja”

Anke fit-tnedija tal-Kampanja Globali taċ-Ċittadini, il-President von der Leyen qalet: Ejjew negħlbu l-pandemija permezz ta’ kampanja ta’ tilqim globali. Ejjew inwaqqfu l-kriżi tal-ġuħ. Inġibu t-tfal lura fil-klassijiet tagħhom. Niġġieldu l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu. U ninvolvu ruħna fi rkupru ekoloġiku, filwaqt li nittrattaw il-pjaneta tagħna b’attenzjoni u rispett.” Hi żiedet tgħid li: “L-ewwel ‘appuntament’ importanti tas-sena se jkun is-Summit dwar is-Saħħa Globali f’Mejju, li se nlaqqa’ mal-Prim Ministru Draghi f’Ruma.”

Vaccines

19 ta’ Frar 2021 ­ L-UE tirdoppja l-kontribuzzjoni għall-COVAX għal €1 biljun biex tiżgura vaċċini sikuri u effettivi

L-Unjoni Ewropea ħabbret €500 miljun addizzjonali għall-Faċilità COVAX, u rduppjat il-kontribuzzjoni attwali tagħha sal-lum għall-inizjattiva globali biex tiżgura aċċess ġust u ekwu għal vaċċini sikuri u effettivi tal-COVID-19. Il-kontribuzzjoni addizzjonali ġġib l-ammont totali għal €1 biljun. Waqt li ħabbret il-kontributzzjoni l-ġdida fis-summit virtwali tal-G7, il-President von der Leyen qalet: “Is-sena li għaddiet, bħala parti mir-Rispons Globali għall-Coronavirus tagħna, aħna impenjajna ruħna li niżguraw aċċess universali għall-vaċċini kullimkien fid-dinja, għal kull min ikollu bżonnhom. Il-COVAX jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex jgħinna nilħqu dan l-għan. Huwa għalhekk li ddeċidejna li nirduppjaw il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-COVAX, għal €1 biljun.”

Image of a researcher

17 ta’ Frar 2021 – il-Kummissjoni Ewropea tindirizza l-varjanti tal-COVID-19 filwaqt li żżid it-tħejjija

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi pjan ġdid ta’ bijodifiża msejjaħ Inkubatur HERA biex jindirizza theddid fuq terminu qasir sa medju u fl-istess ħin iħejji għall-futur billi jservi bħala pjan ta’ azzjoni għat-tħejjija fit-tul tal-UE għall-emerġenzi tas-saħħa. L-Inkubatur HERA se jlaqqa’ flimkien ir-riċerka, il-kumpaniji tal-bijoteknoloġija, il-manifatturi, ir-regolaturi u l-awtoritajiet pubbliċi biex jiffukaw fuq id-detezzjoni rapida u l-karatterizzazzjoni tal-varjanti, l-adattament rapidu tal-vaċċini, it-twaqqif ta’ Network Ewropew għall-Provi Kliniċi, u jippermetti ż-żieda tal-produzzjoni. Il-President von der Leyen qalet “Flimkien, se naħdmu biex nidentifikaw varjanti ġodda aktar malajr, nadattaw il-vaċċini eżistenti, norganizzaw provi kliniċi, nixxerjaw id-data, ngħaġġlu l-approvazzjoni regolatorja u nżidu l-produzzjoni tal-massa ta’ vaċċini ġodda.”

euro coin

11 ta’ Frar 2021 – Ippubblikat it-Tbassir Ekonomiku tax-Xitwa 2021: xitwa diffiċli, iżda dawl f’tarf il-mina

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat it-Tbassir Ekonomiku tax-Xitwa 2021 tagħha, li jipprojetta li l-ekonomija taż-żona tal-euro se tikber b’3.8% kemm fl-2021 kif ukoll fl-2022 filwaqt li l-ekonomija tal-UE se tikber b’3.7% fl-2021 u b’3.9% fl-2022. L-ekonomiji taż-żona tal-euro u tal-UE huma mistennija jilħqu l-livelli ta’ produzzjoni tagħhom ta’ qabel il-kriżi aktar kmieni milli kien antiċipat fit-Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2020. It-tkabbir ekonomiku mistenni jerġa’ jibda fir-rebbiegħa u jaqbad momentum fis-sajf hekk kif il-programmi tat-tilqim jagħmlu progress u l-miżuri ta’ konteniment jitnaqqsu gradwalment. L-impatt ekonomiku tal-pandemija għadu irregolari fost l-Istati Membri u l-veloċità tal-irkupru hija wkoll projettata li tvarja b’mod sinifikanti.

Image of the Berlaymont banner "Next Generation EU"

10 ta’ Frar 2021 – Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ta' €672.5 biljun biex tgħin lill-istati membri joħorġu aktar b’saħħithom mill-kriżi approvata mill-Parlament Ewropew

Il-Kummissjoni Ewropea tilqa’ l-vot tal-Parlament Ewropew li jikkonferma l-ftehim politiku li ntlaħaq dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ta’ Diċembru 2020. Dan huwa pass importanti biex €672.5 biljun f’self u għotjiet isiru disponibbli għall-Istati Membri sabiex jappoġġjaw ir-riformi u l-investimenti. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hi strument ewlieni li jinsab fil-qalba tan-NextGenerationEU, il-pjan tal-UE biex noħorġu aktar b'saħħitna mill-pandemija tal-COVID-19. Il-President Ursula von der Leyen qalet: “Huwa essenzjali li l-virus jingħeleb bis-saħħa tal-vaċċini. Iżda jeħtieġ ukoll li ngħinu liċ-ċittadini, lin-negozji u lill-komunitajiet joħorġu mill-kriżi ekonomika. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se twassal €672.5 biljun biex dan isir. Din se tinvesti biex l-Ewropa ssir aktar ekoloġika, aktar diġitali, aktar reżiljenti, għall-benefiċċju fit-tul ta’ kulħadd.”

AstraZeneca

29 ta’ Jannar 2020 - Il-Kummissjoni Ewropea tawtorizza t-tielet vaċċin sikur u effettiv kontra l-COVID-19

Il-Kummissjoni tat awtorizzazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni kondizzjonali għall-vaċċin kontra l-COVID-19 żviluppat minn AstraZeneca, it-tielet vaċċin awtorizzat fl-UE. Din l-awtorizzazzjoni ssegwi rakkomandazzjoni xjentifika pożittiva bbażata fuq valutazzjoni bir-reqqa tas-sikurezza u l-effettività tal-vaċċin imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u hija approvata mill-Istati Membri. Il-President von der Leyen qalet: “L-iżgurar ta’ vaċċini sikuri għall-Ewropej huwa l-ogħla prijorità tagħna. Bil-vaċċin AstraZeneca issa awtorizzat, 400 miljun doża addizzjonali se jkunu disponibbli fl-Ewropa. Nistenna li l-kumpanija twassal dawn id-dożi kif miftiehem, sabiex l-Ewropej ikunu jistgħu jitlaqqmu malajr kemm jista’ jkun. Se nkomplu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex niżguraw aktar tilqim għall-Ewropej, il-ġirien tagħna u s-sħab tagħna madwar id-dinja.”

proof of COVID-19 vaccination

27 ta’ Jannar 2021 – l-Istati Membri tal-UE jadottaw linji gwida dwar il-prova tat-tilqim kontra l-COVID-19 għal skopijiet mediċi

L-Istati Membri tal-UE, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, adottaw linji gwida dwar il-prova tat-tilqim kontra l-COVID-19 għal skopijiet mediċi. Dawn il-linji gwida jgħinu biex iċ-ċertifikati tat-tilqim kontra l-COVID-19 isiru interoperabbli, u jistabbilixxu sett ta’ data minima, inkluż identifikatur uniku. Il-linji gwida jimmiraw għal skema li tista’ takkomoda kemm mezzi stampati kif ukoll diġitali u li tiżgura flessibbiltà u kompatibbiltà ma’ soluzzjonijiet nazzjonali eżistenti, u protezzjoni rigoruża tad-data personali. Il-linji gwida huma r-riżultat tad-diskussjonijiet u r-riflessjonijiet li joħorġu min-Network tas-Saħħa elettronika, kif ukoll il-konsultazzjonijiet mal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

 

People walking in an airport

25 ta’ Jannar 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li taġġorna l-approċċ ikkoordinat dwar il-moviment liberu fl-UE u l-ivvjaġġar minn pajjiżi mhux tal-UE lejn l-UE

Il-Kummissjoni qed tipproponi salvagwardji u rekwiżiti addizzjonali għall-vjaġġaturi internazzjonali lejn l-UE, u li taġġorna r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri kkoordinati li jaffettwaw il-moviment liberu fl-UE. Il-miżuri jinkludu ttestjar obbligatorju qabel it-tluq, miżuri aktar stretti għal dawk li ġejjin minn reġjuni b’riskju għoli, u Formola komuni Ewropea ta’ Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri. Il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi ż-żieda ta’ “aħmar skur” mal-mappa eżistenti kkodifikata bil-kulur ipprovduta miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Varjanti ġodda tal-coronavirus u s-sitwazzjoni tas-saħħa volatili mad-dinja kollha jitolbu aktar azzjoni biex jiġi żgurat li kwalunkwe vvjaġġar essenzjali lejn l-UE jseħħ b’mod sikur. Issa huwa f’idejn il-Kunsill li jikkunsidra din il-proposta u l-Istati Membri tal-UE li jaqblu magħha.

vaccines

21 ta’ Jannar 2021 - Il-mexxejja tal-UE qablu dwar it-tħaffif tat-tilqim u ddiskutew miżuri oħrajn fil-Kunsill Ewropew

Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il-mexxejja nnutaw is-serjetà tas-sitwazzjoni fid-dawl tal-varjanti l-ġodda. Il-mexxejja jridu jħaffu t-tilqim u qablu li jaħdmu fuq forma standardizzata u interoperabbli ta’ prova tat-tilqim għal skopijiet mediċi. Is-solidarjetà ma’ pajjiżi terzi ġiet affermata mill-ġdid ukoll. Barra minn hekk, il-fruntieri jeħtieġ li jibqgħu miftuħin biex jiżguraw il-funzjonament tas-Suq Uniku u hemm bżonn ta’ aktar ittestjar u aktar sekwenzjar tal-ġenomi. Madankollu, l-ivvjaġġar mhux essenzjali għandu jiġi skoraġġut bil-qawwa. Il-Kummissjoni pproponiet li żżid kulur ġdid, “aħmar skur”, fil-mappa ppubblikata kull ġimgħa miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Aqra l-istqarrija għall-istampa tal-President von der Leyen.

person being vaccinated

19 ta’ Jannar 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi azzjonijiet ewlenin għal pożizzjoni magħquda biex jingħeleb il-COVID-19

Jumejn qabel il-videokonferenza tal-Mexxejja Ewropej dwar rispons ikkoordinat għall-coronavirus, il-Kummissjoni stabbilixxiet azzjonijiet f’Komunikazzjoni biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-pandemija u tħaffef it-tilqim. Sa Marzu 2021, għandhom jitlaqqmu mill-anqas 80% tal-persuni li għandhom ’il fuq minn 80 sena, u 80% tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa u tal-kura soċjali f’kull Stat Membru. Sas-sajf 2021, għandha titlaqqam minimu ta’ 70% tal-popolazzjoni adulta. Il-President Ursula von der Leyen qalet: “It-tilqim huwa essenzjali biex noħorġu minn din il-kriżi. Diġà żgurajna biżżejjed vaċċini għall-popolazzjoni kollha tal-Unjoni Ewropea. Issa jeħtieġ li naċċelleraw il-provvista u nħaffu t-tilqim.”

girl getting vaccinated

12 ta’ Jannar 2021 – il-Kummissjoni Ewropea tikkonkludi taħditiet esploratorji ma’ Valneva biex tiżgura vaċċin potenzjali ġdid

Il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet taħditiet esploratorji mal-kumpanija farmaċewtika Valneva bil-ħsieb li tixtri l-vaċċin potenzjali tagħha kontra l-COVID-19 ladarba jintwera li hu sikur u effettiv. Il-kuntratt previst sa jkun qed jipprovdi l-possibbiltà li l-Istati Membri kollha tal-UE jixtru 30 miljun doża, bl-għażla li jkunu jistgħu jinxtraw sa 30 miljun doża oħra. Il-President von der Leyen qalet: “Il-pass tal-lum biex jintlaħaq ftehim ma’ Valneva jkompli jikkomplementa wieħed mill-ikbar u l-usa’ portafolli ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 u juri l-impenn tal-Kummissjoni li tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-pandemija.”

pfizer vaccine

8 ta’ Jannar 2021 - Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tixtri sa 300 miljun doża addizzjonali tal-vaċċin ta’ BioNTech-Pfizer

Il-Kummissjoni pproponiet lill-Istati Membri tal-UE biex jixtru 200 miljun doża addizzjonali tal-vaċċin kontra l-COVID-19 ta’ BioNTech & Pfizer, bil-possibbiltà li jakkwistaw 100 miljun doża oħra. Id-dożi addizzjonali se jibdew jitwasslu mit-tieni kwart tal-2021. Dan se jippermetti lill-UE tixtri sa 600 miljun doża u b’hekk tirdoppja l-ammont ta’ dożi ta’ dan il-vaċċin diġà użat. Il-President von der Leyen qalet: “Biż-żewġ vaċċini awtorizzati, diġà żgurajna ammont ta’ dożi biex inlaqqmu 380 miljun Ewropew. Dan huwa aktar minn 80% tal-popolazzjoni Ewropea. U vaċċini oħrajn se jsegwu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.”

vaccination medical student

6 ta’ Jannar 2020 - Il-Kummissjoni Ewropea tawtorizza t-tieni vaċċin sikur u effettiv kontra l-COVID-19

Il-Kummissjoni tat awtorizzazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni kondizzjonali għall-vaċċin kontra l-COVID-19 żviluppat minn Moderna, it-tieni vaċċin awtorizzat fl-UE. Din l-awtorizzazzjoni ssegwi rakkomandazzjoni xjentifika pożittiva bbażata fuq valutazzjoni bir-reqqa tas-sikurezza u l-effettività tal-vaċċin imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u hija approvata mill-Istati Membri. Il-President von der Leyen qalet: “Bil-vaċċin żviluppat minn Moderna, it-tieni wieħed li ġie awtorizzat fl-UE, se jkollna 160 miljun doża oħra. U se jaslu iktar vaċċini. L-Ewropa żgurat sa żewġ biljun doża ta’ vaċċini potenzjali kontra l-COVID-19.