Wara t-tifqigħa tal-COVID-19 fl-UE kollha u l-ħtieġa li jiġi limitat l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-Unjoni Ewropea u fi ħdanha, ħafna Stati Membri imponew strateġiji ta’ konteniment u restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar bħall-għeluq tal-fruntieri, is-sospensjonijiet ta’ titjiriet u l-iskrinjar tas-saħħa. B’riżultat ta’ dan, miljuni ta’ konsumaturi issa huma pprojbiti milli jivvjaġġaw lejn id-destinazzjonijiet fejn huma bbukkjaw akkomodazzjoni. Ħafna jkollhom jikkanċellaw jew jimmodifikaw il-vjaġġ tagħhom għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u tas-sigurtà personali. Barra minn hekk, minħabba l-epidemija tal-coronavirus, ħafna avvenimenti kulturali u sportivi pubbliċi qed jiġu wkoll ikkanċellati jew posposti għal data aktar tard.

IL-KANĊELLAZZJONIJIET U L-BIDLIET TA’ VJAĠĠI

Ma nistax nivvjaġġa minħabba l-miżuri ta’ saħħa/tħassib dwar il-COVID-19.

X’inhuma drittijieti skont il-liġi tal-konsumatur tal-UE f’din is-sitwazzjoni, jekk ikolli nikkanċella r-riżervazzjoni tiegħi?

  • Il-liġi tal-UE dwar il-konsumatur ma tirregolax il-kundizzjonijiet għal kanċellazzjoni u l-konsegwenzi tagħha għal servizzi individwali bħal riżervazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni. Għalhekk, drittijietek bħala konsumatur jiddependu mil-liġi kuntrattwali nazzjonali, inklużi r-regoli dwar ċirkostanzi straordinarji, u t-tip u t-termini tal-kuntratt tiegħek, inkluża l-politika dikjarata ta’ kanċellazzjoni tal-fornitur tas-servizz (eż. il-booking rimborżabbli jew mhux rimborżabbli).
  • Skont il-liġi tal-konsumatur tal-UE, in-negozjanti huma marbuta li jaġixxu skont id-diliġenza professjonali u ma għandhomx iqarrqu bil-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom jew jagħmluha diffiċli għall-konsumaturi biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Għalhekk huwa mistenni li, b’mod partikolari mill-11 ta’ Marzu 2020, il-konsumaturi jiġu infurmati b’mod adegwat dwar il-konsegwenzi possibbli għall-booking tagħhom jekk ikollhom jikkanċellaw l-ivvjaġġar tagħhom jew jekk il-fornitur ikollu jħassar l-akkomodazzjoni.
  • Il-liġi nazzjonali tista’ tipprevedi li meta l-kanċellazzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet għall-provvista ta' servizzi jkunu minħabba ċirkostanza straordinarja bħall-epidemija tal-COVID-19, il-konsumaturi mhumiex marbuta li jħallsu għas-servizz, iżda lanqas ma għandhom id-dritt li jitolbu kumpens għal spejjeż addizzjonali jew danni li jistgħu jirriżultaw mis-sitwazzjoni. Il-liġi nazzjonali tista’ tipprovdi wkoll li, f’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-konsumaturi jistgħu jiġu offruti - u jistgħu saħansitra jkollhom jaċċettaw voucher, li jingħatalhom aktar tard, għas-servizz li kienu ħallsu għalih minn qabel (inklużi l-ħlasijiet bil-quddiem li saru biex jiggarantixxu r-riżervazzjoni). Iċċekkja s-sit web tal-Organizzazzjoni nazzjonali tal-konsumaturi jew tal-gvern tiegħek għal informazzjoni dwar ir-regoli rilevanti stabbiliti mil-liġi nazzjonali f’pajjiżek (tista’ tikkonsultahom hawnhekk).
  • Forza maġġuri jew klawżoli oħra ta’ kanċellazzjoni f’termini u kundizzjonijiet użati mill-kummerċjanti ma għandhomx joħolqu żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għad-detriment tal-konsumatur, filwaqt li titqies il-liġi kuntrattwali nazzjonali applikabbli.
  • Għalhekk, kwalunkwe kundizzjoni kuntrattwali li tobbliga lill-konsumaturi li ma jistgħux jivvjaġġaw u li jirċievu s-servizzi ta’ akkomodazzjoni bbukkjati minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, madankollu, tħallas il-prezz sħiħ lill-fornitur tal-akkomodazzjoni, tista’ titqies bħala inġusta skont id-Direttiva 93/13/KEE dwar it-Termini Inġusti tal-Kuntratti u għalhekk mhux vinkolanti fuq il-konsumaturi.

Kif insib informazzjoni dwar il-politika ta’ kanċellazzjoni li tapplika għall-booking tiegħi?

  • Irreferi għall-konferma tal-booking oriġinali tiegħek li għandha tiddeskrivi fil-qosor il-politika ta’ kanċellazzjoni li tapplika għall-booking tiegħek.
  • Jekk ibbukkjajt minn pjattaforma tal-ibbukkjar tal-akkomodazzjoni, żur il-paġna web tal-pjattaforma li permezz tagħha bbukkjajt l-akkomodazzjoni tiegħek. Għandha tipprovdi informazzjoni dwar kif tikkuntattja s-servizz tal-klijenti tagħha u għandha tispjega x’inhi l-politika u d-dettalji ta’ kuntatt tal-fornitur ta’ akkomodazzjoni tiegħek.
  • Jekk il-politika ta’ kanċellazzjoni meħtieġa mill-fornitur tal-akkomodazzjoni tiegħek hija differenti minn dik li tidher fuq il-pjattaforma, iġbed l-attenzjoni tal-pjattaforma u tinsisti li tasal mingħand il-fornitur tal-akkomodazzjoni dik oriġinarjament spjegata fil-mument li tkun ibbukkjajt l-akkomodazzjoni tiegħek.
  • Jekk ibbukkjajt l-akkomodazzjoni direttament mis-sit web tal-fornitur, iċċekkja s-sit web tal-fornitur, peress li għandu jkun fiha informazzjoni ċara dwar il-politiki tal-fornitur, inkluż kif jitħassru jew jiġu mmodifikati l-bookings tiegħek u kif jinkiseb rimedju (eż. rifużjoni jew vawċer). Politiki ta’ kanċellazzjoni li ma jkunux konsistenti mat-termini żvelati, jistgħu jikkostitwixxu prattika kummerċjali qarrieqa u ma għandhomx jiġu aċċettati sakemm dawk il-politiki “diverġenti” ma jirriżultawx mill-miżuri eċċezzjonali li jkunu ġew ippromulgati fil-pajjiż fejn tinsab l-akkomodazzjoni.

Ma nistax nikkuntattja lill-fornitur tal-akkomodazzjoni tiegħi. M’humiex iwieġbu l-mistoqsija tiegħi, x’għandi nagħmel?

  • Il-fornituri tal-akkomodazzjoni/pjattaformi tal-ibbukkjar qed jaħdmu taħt ħafna pressjoni minħabba l-għadd kbir ta’ mistoqsijiet u lmenti u huwa probabbli li l-komunikazzjoni tieħu aktar fit-tul milli mistenni. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li huma jagħtu wkoll prijorità lill-konsumaturi b’riżervazzjonijiet imminenti.
  • F’każ li l-fornitur tal-akkomodazzjoni jkun ibbażat f’pajjiż ieħor, tista’ tikkuntattja ċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur fil-pajjiż fejn tgħix (ECC Net) li jista’ jassistik u ssegwi l-każ tiegħek mal-fornitur tal-akkomodazzjoni jew il-pjattaforma tal-ibbukkjar, jekk ikun meħtieġ.
  • Jekk użajt karta ta’ kreditu biex tħallas għas-servizz tiegħek, ikkuntattja lill-kumpanija tal-karta ta’ kreditu tiegħek biex tiċċekkja jekk hix qed tapplika l-“politika ta’ ċaħda tad-debitu”.

Jien intitolat għal rimborż? Għandi naċċetta soluzzjonijiet alternattivi bħal vouchers?

  • Bħala regola ġenerali, jekk l-akkomodazzjoni li tirriżerva mhijiex aċċessibbli għaliex, pereżempju, tpoġġiet taħt kwarantina, jew tinsab f’żona li tqiegħdet fi kwarantina, jew fi stat ta’ emerġenza jew taħt projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar, qis l-għażliet proposti mill-kummerċjant speċjalment il-vouchers jew it-tibdil fid-dati mingħajr ħlas. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li nota ta’ kreditu jew voucher jistgħu jkunu soluzzjoni li mhux biss tissalvagwardja d-drittijiet tiegħek bħala konsumatur, iżda tikkontribwixxi wkoll għas-sopravivenza ta’ fornituri żgħar fis-settur tat-turiżmu fl-Ewropa. Madankollu, għandek tkun tista’ titlob rimborż sħiħ jekk dan ikun aħjar. Innota li ċerti Stati Membri setgħu adottaw leġiżlazzjoni speċifika ta’ emerġenza dwar il-vouchers (tista’ tikkonsultahom hawnhekk).
  • Jekk l-akkomodazzjoni li tirriżerva hija aċċessibbli iżda tiddeċiedi li ma tivvjaġġax minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti fuqek jew minħabba parir dwar l-ivvjaġġar mill-Istat Membru tiegħek, il-kundizzjonijiet biex tikkanċella jew timmodifika r-riżerva tiegħek jiddependu fuq it-termini li qbilt dwarha mal-fornitur tal-akkomodazzjoni tiegħek. Madankollu, dawk it-termini għandhom jikkonformaw mal-liġi nazzjonali applikabbli għall-kuntratt (skont id-Direttiva 93/13/KEE dwar Termini Inġusti tal-Kuntratti) iżda qatt m’għandhom ikunu inġusti għalik.
  • Ikkomunika mal-fornitur tal-akkomodazzjoni jew il-pjattaforma tal-ibbukkjar - preferibbilment bil-miktub - u pprova sib soluzzjoni raġonevoli dwar il-kanċellazzjoni tar-riżervazzjoni tiegħek. Alternattivi jistgħu jinkludu, pereżempju, bidla tar-riżervazzjoni tiegħek għal dati aktar tard. Żomm kopja tal-komunikazzjoni kollha mal-fornitur jew mal-pjattaforma.
  • Iċċekkja l-polza tal-assigurazzjoni tiegħek (jekk xtrajt waħda għall-vjaġġ tiegħek), peress li tista’ tkopri avvenimenti ta’ forza maġġuri u tintitolak għal rimborż sħiħ/parzjali. Madankollu, iċċekkja jekk tifqigħa tal-pandemija hix ikkunsidrata bħala waħda mill-eċċezzjonijiet.
  • Fiż-żewġ każijiet, ftakar li s-sitwazzjoni hija eċċezzjonali u għandha impatt kbir fuq in-negozji, speċjalment fuq l-SMEs. Aġixxi in bona fide u kun lest li taċċetta soluzzjonijiet alternattivi jekk ikun diffiċli li jkun hemm rimborż sħiħ u immedjat. Fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali, kompromess jista’ jkun għażla aħjar minn tilwim twil possibbli.
  • Jekk tiddeċiedi li taċċetta voucher, iċċekkja t-termini u l-kundizzjonijiet biex tiżgura li se tibqa’ rimborżabbli mhux aktar tard minn tmiem il-validità tagħha u protetta kontra l-insolvenza tal-emittent.

Ma nistax nilħaq ftehim mal-fornitur ta’ akkomodazzjoni/il-pjattaforma tal-ibbukkjar tiegħi, x’għandi nagħmel?

  • F’każ li l-fornitur ta’ akkomodazzjoni jkun ibbażat f’pajjiż ieħor, tista’ tikkuntattja ċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumaturi fil-pajjiż fejn tgħix (ECC Net) li jista’ jipprovdi aktar gwida u għajnuna mingħajr ħlas.
  • Tista’ tipprova ssolvi t-tilwima permezz ta’ proċedura ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR). Proċeduri ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim huma pprovduti minn korpi newtrali barra mill-qorti li jistgħu jipproponu soluzzjoni jew saħansitra jimponu waħda. Il-proċedura normalment tkun irħisa u sempliċi, sabiex ma jkollokx għalfejn tieħu l-każ tiegħek quddiem il-qorti.
  • Jekk ibbukkjajt l-akkomodazzjoni tiegħek online, tista’ tuża l-Pjattaforma Ewropea għas-Soluzzjoni Online għat-Tilwim (il-pjattaforma tal-ODR ) biex tissottometti l-ilment tiegħek fi kwalunkwe lingwa u fi kwalunkwe pajjiż tal-UE. Jekk il-kummerċjant jaqbel fi żmien 30 jum, l-ilment tiegħek se jiġi ttrasferit lil korp tal-ADR. In-negozjant jista’ jikkuntattjak għal soluzzjoni amikevoli.
  • Bħala regola ġenerali, il-liġi li għandha tapplika għat-tilwima tiegħek mal-fornitur ta’ akkomodazzjoni hija l-liġi tal-pajjiż fejn is-servizz ta’ akkomodazzjoni huwa pprovdut.

IL-KAROZZI TAL-KIRI

Krejt karozza għal vjaġġ li ġie kkanċellat minħabba l-pandemija tas-COVID-19. X’għandi tagħmel?

  • Il-prinċipji li japplikaw għal riżervazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni individwali japplikaw ukoll għar-riżervazzjonijiet tal-kiri tal-karozzi. Jekk jogħġbok ikkonsulta t-tweġibiet hawn fuq.

IL-KANĊELLAZZJONIJIET TA’ AVVENIMENTI

Xtrajt biljetti għal avveniment li ġie kkanċellat. Jien intitolat għal rimborż?

  • Il-liġi tal-UE dwar il-konsumatur ma tirregolax il-kundizzjonijiet għall-kanċellazzjoni u l-konsegwenzi tagħha ta’ avvenimenti sportivi u kulturali.
  • Għalhekk, id-drittijiet tiegħek f’każ ta’ kanċellazzjoni (jew posponiment) ta’ avveniment, inkluż fis-sitwazzjoni eċċezzjonali attwali, jiddependu fuq il-liġi kuntrattwali nazzjonali u t-tip u t-termini tal-kuntratt tiegħek, inkluża l-politika ta’ kanċellazzjoni tal-organizzatur tal-avveniment.
  • Skont id-Direttiva 93/13/KEE dwar il-Klawżoli Kuntrattwali Inġusti, il-klawżoli kuntrattwali standard li jużaw l-kummerċjanti jridu jkunu trasparenti u ma jistgħux jillimitaw b’mod inġust id-drittijiet tal-konsumaturi skont il-liġi kuntrattwali nazzjonali rilevanti jew joħolqu żbilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għad-detriment tal-konsumatur. Għalhekk, kwalunkwe terminu li jobbliga lill-konsumaturi jħallsu l-prezz tal-biljett għal avveniment li ma jistgħux jattendu - minħabba li ġie kkanċellat jew pospost minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 - jista’ jitqies bħala inġust skont id-Direttiva 93/13/KEE dwar il-Klawżoli Kuntrattwali Inġusti u għalhekk ma jorbtux lill-konsumaturi.
  • B’mod simili għall-akkomodazzjoni f’lukanda, tapplika l-liġi nazzjonali u l-Istati Membri jistgħu jkunu adottaw regoli speċifiċi għas-sitwazzjoni eċċezzjonali attwali.
  • Ikkomunika mal-bejjiegħ tal-biljetti jew l-organizzatur tal-avveniment (se ssib l-informazzjoni ta’ kuntatt tiegħu fuq il-paġna web li minnha xtrajt il-biljett) sabiex issib soluzzjoni raġonevoli. Kun lest li taċċetta alternattivi (bħal voucher) jekk ir-rimborż sħiħ u immedjat ma jkunx possibbli. Madankollu, iċċekkja l-kundizzjonijiet tal-validità tal-voucher u l-probabbiltà tiegħek li tużah jew ikun finalment rimborżat f’każ li ma jkunx hemm użu.
  • Jekk ma jirnexxilekx taqbad il-bejjiegħ tal-biljetti jew l-organizzatur tal-avveniment tiegħek jew ma tkunx tista’ taqbel dwar is-soluzzjonijiet proposti, dejjem tista’ tikkuntattja liċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur fil-pajjiż fejn tgħix (ECC Net ) li jista’ jipprovdi aktar gwida u għajnuna bla ħlas jew tista’ tipprova ssolvi t-tilwima billi tuża proċedura ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR). Jekk xtrajt il-biljett tiegħek online tista’ tuża wkoll il-Pjattaforma Ewropea għas-Soluzzjoni Online għat-Tilwim (il-pjattaforma tal-ODR) biex tissottometti l-ilment tiegħek fi kwalunkwe lingwa u fi kwalunkwe pajjiż tal-UE. Jekk il-kummerċjant jaqbel, l-ilment tiegħek jiġi ttrasferit lil korp tal-ADR. 
  • Ikkuntattja l-kumpanija tal-kard tal-kreditu biex tiċċekkja jekk tapplikax il-politika taċ-“ċaħda tad-debitu”.