Kontenut tal-paġna

Tweġiba

L-ipproċessar ikopri firxa wiesgħa ta' operazzjonijiet imwettqa fuq id-data personali, inkluż b'mezzi manwali jew awtomatizzati. Dan jinkludi l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b'xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda tad-data personali.

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) japplika għall-ipproċessar tad-data personali kompletament jew parzjalment permezz ta' mezzi awtomatizzati kif ukoll għall-ipproċessar mhux awtomatizzat, jekk ikun parti minn sistema ta' arkivjar strutturata.

Eżempji ta' pproċessar jinkludu:

  • il-ġestjoni tal-persunal u l-amministrazzjoni tal-pagi;
  • l-aċċess għal/il-konsultazzjoni ma' bażi ta' data ta' kuntatti li fiha data personali;
  • li tintbagħat posta elettronika promozzjonali*;
  • it-tqattigħ ta' dokumenti li fihom data personali;
  • it-tqegħid ta' ritratt ta' persuna fuq sit elettroniku;
  • il-ħażna ta' indirizzi tal-IP jew indirizzi MAC;
  • ir-reġistrazzjoni bil-vidjo (CCTV).

*Jekk jogħġbok ftakar li biex tibgħat posta elettronika li jkun fiha kummerċjalizzazzjoni diretta, trid tikkonforma wkoll mar-regoli dwar il-kummerċjalizzazzjoni stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika.

Referenzi