Kontenut tal-paġna

Tweġiba

Jekk taħseb li d-drittijiet tiegħek ta' protezzjoni tad-data ġew miksura, inti għandek tliet għażliet:

  • tressaq ilment mal-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data (DPA) nazzjonali tiegħek
    L-awtorità tinvestiga u tinformak dwar il-progress jew ir-riżultat tal-ilment tiegħek fi żmien 3 xhur;
  • tieħu azzjoni legali kontra l-kumpanija jew l-organizzazzjoni
    Tibda azzjoni diretta fil-qorti kontra l-kumpanija jekk temmen li din kisret id-drittijiet tiegħek ta' protezzjoni tad-data. Dan ma jwaqqfekx milli tressaq ilment mad-DPA nazzjonali jekk inti tkun tixtieq;
  • tieħu azzjoni legali kontra d-DPA
    Jekk inti temmen li d-DPA ma ttrattatx l-ilment tiegħek b'mod korrett jew jekk m'intix sodisfatt bit-tweġiba tagħha jew jekk ma tinformakx fir-rigward tal-progress jew tar-riżultat fi żmien 3 xhur minn meta ressaqt l-ilment tiegħek, inti tista' tibda azzjoni direttament quddiem il-qorti kontra d-DPA.

Xi kultant, il-kumpanija li kontriha tressaq l-ilment tipproċessa d-data fi Stati Membri differenti tal-UE. F'dan il-każ partikolari, id-DPA kompetenti tittratta l-ilment billi tikopera mad-DPAs ibbażati fl-Istati Membri l-oħra tal-UE. Din is-sistema, imsejħa “l-mekkaniżmu ta' punt uniku ta' servizz”, tiżgura li l-ilmenti jiġu trattati b'mod aktar effiċjenti. Pereżempju, tista' tgħin biex tgħaqqad l-ilment tiegħek ma' lmenti simili mressqa fi Stati Membri oħra tal-UE. Id-DPA fejn inti ressaqt l-ilment tkun il-punt ta' kuntatt prinċipali tiegħek.

Eżempju

Inti tħobb il-ġiri. Xtrajt arloġġ li jikkalkula t-taħbit tal-qalb tiegħek u l-veloċità għal kull kilometru, jintraċċa r-rotta tiegħek u jiġbor data rilevanti oħra. Inti ttella' d-data kollha tiegħek fuq is-sit elettroniku. Inti tirrealizza li d-data tiegħek tħalltet ma' ta' xi ħadd ieħor. Inti tista' tressaq ilment quddiem id-DPA tiegħek kontra s-sit elettroniku.

Referenzi