Kontenut tal-paġna

Tweġiba

Għandek id-dritt:

  • għal informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħek;
  • li tikseb aċċess għad-data personali miżmuma dwarek;
  • li titlob għall-korrezzjoni ta' data personali żbaljata, mhux preċiża jew mhux kompluta;
  • li titlob li titħassar id-data personali meta ma tkunx meħtieġa aktar jew jekk l-ipproċessar tagħha jkun illegali;
  • li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek bi skop ta' kummerċjalizzazzjoni jew għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħek;
  • li titlob ir-restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek f'każijiet speċifiċi;
  • li tirċievi d-data personali tiegħek f'format li jinqara mill-magni u li tibagħtu lil kontrollur ieħor (“il-portabbiltà tad-data”);
  • li titlob li d-deċiżjonijiet ibbażati fuq l-ipproċessar awtomatizzat li jikkonċernaw lilek jew li jaffettwaw b'mod sinifikanti lilek u li huma bbażati fuq id-data personali tiegħek isiru minn persuni fiżiċi, u mhux biss mill-kompjuters. Għandek id-dritt ukoll f'dan il-każ li tesprimi l-fehma tiegħek u li tikkontesta d-deċiżjoni.

Biex teżerċita d-drittijiet tiegħek għandek tikkuntattja lill-kumpanija jew lill-organizzazzjoni li tipproċessa d-data personali tiegħek magħrufa wkoll bħala l-kontrollur. Jekk il-kumpanija/l-organizzazzjoni għandha Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data ('DPO') inti tista' tindirizza t-talba tiegħek lil dak id-DPO. Il-kumpanija/l-organizzazzjoni għandha twieġeb għat-talbiet tiegħek mingħajr dewmien żejjed u mill-inqas fi żmien xahar. Jekk il-kumpanija/l-organizzazzjoni ma jkollhiex il-ħsieb li tikkonforma mat-talba tiegħek għandha tagħti r-raġuni. Inti tista' tintalab tipprovdi informazzjoni biex tikkonferma l-identità tiegħek (bħal, billi tikklikkja link ta' verifika, iddaħħal username jew password) sabiex teżerċita d-drittijiet tiegħek.

Dawn id-drittijiet japplikaw madwar l-UE, irrispettivament minn fejn id-data qed tiġi pproċessata u mill-post ta' fejn tkun stabbilita l-kumpanija. Dawn id-drittijiet japplikaw ukoll meta tixtri oġġetti u servizzi mingħand kumpaniji mhux tal-UE li joperaw fl-UE.

Referenza