Kontenut tal-paġna

Tweġiba

Il-ħolqien ta' profili jsir meta l-aspetti personali tiegħek ikunu qed jiġu evalwati sabiex isiru previżjonijiet dwarek, anke jekk ma tittieħed l-ebda deċiżjoni. Pereżempju, jekk il-kumpanija jew l-organizzazzjoni tivvaluta l-karatteristiċi tiegħek (bħall-età, is-sess, it-tul) jew tikklassifikak f'kategorija, dan ifisser li qed toħloq il-profil tiegħek.

It-teħid ta' deċiżjonijiet imsejjes biss fuq mezzi awtomatizzati jseħħ meta d-deċiżjonijiet jittieħdu dwarek b'mezzi teknoloġiċi u mingħajr l-ebda involviment uman. Jistgħu jittieħdu anke mingħajr mingħajr ma jinħoloq  profil.

Il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data tistabbilixxi li inti għandek id-dritt li ma tkunx soġġett għal deċiżjoni msejsa biss fuq mezzi awtomatizzati, jekk id-deċiżjoni tipproduċi effetti legali li jikkonċernaw lilek jew sinjifikatament jaffettwawk b'mod simili. Id-deċiżjoni tipproduċi effetti legali meta jkollha impatt fuq id-drittijiet legali tiegħek (bħad-dritt tiegħek li tivvota). Barra minn hekk, l-ipproċessar jista' jaffettwak b'mod sinifikanti jekk jinfluwenza ċ-ċirkostanzi, l-imġiba jew l-għażliet tiegħek. Pereżempju l-ipproċessar awtomatiku jista' jwassal biex tinċaħad applikazzjoni tiegħek ta' talba għal kreditu onlajn.

Il-ħolqien ta' profili u t-teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet huma prattika komuni f'għadd ta' setturi, bħas-servizzi bankarji u finanzjarji, it-tassazzjoni u l-kura tas-saħħa. Jista' jkun li huma aktar effiċjenti, imma jistgħu jkunu anqas trasparenti u jistagħu jirrestrinġi l-għażliet tiegħek.

Minkejja li bħala regola ġenerali, inti ma tistax tkun is-suġġett ta' deċiżjoni bbażata biss fuq l-ipproċessar awtomatizzat, dan it-tip ta' teħid ta' deċiżjonijiet jista' eċċezzjonalment ikun permess jekk l-użu tal-algoritmi ikun permess mil-liġi u jiġu pprovduti salvagwardji xierqa.

Id-deċiżjonijiet unikament awtomatizzati huma permessi wkoll f'dawn iż-żewġ istanzi:

  • id-deċiżjoni hija meħtieġa (jiġifieri m'għandu jkun hemm l-ebda mod ieħor biex jinkiseb l-istess riżultat) biex isir kuntratt miegħek jew jiġi eżegwit kuntratt;
  • inti tkun tajt il-kunsens espliċitu tiegħek.

F'dawn iż-żewġ istanzi, id-deċiżjoni li tittieħed jeħtieġ li tħares id-drittijiet u l-libertajiet tiegħek, billi timplimenta salvagwardji xierqa. Il-kumpanija jew l-organizzazzjoni għandha, tal-anqas, tinfurmak dwar id-dritt tiegħek li jkun hemm intervent uman u tagħmel l-arranġamenti proċedurali meħtieġa. Brra minn hekk, il-kumpanija jew l-organizzazzjoni għandha tippermettilek li tesprimi l-fehma tiegħek u tinfurmak li inti tista' tikkontesta d-deċiżjoni.

Id-deċiżjonijiet ibbażati fuq algoritmu ma jistgħux jagħmlu użu minn kategoriji speċjali ta' data, sakemm ma tkunx tajt il-kunsens tiegħek jew l-ipproċessar huwa permess mil-liġi tal-UE jew dik nazzjonali (ara hawn fuq).

Eżempju

Inti tuża bank onlajn għal self. Inti tintalab iddaħħal id-data tiegħek u l-algoritmu tal-bank jgħidlek jekk il-bank hux se jagħtik is-self jew le u jagħtik ir-rata tal-imgħax issuġġerita. Inti għandek tkun infurmat li inti tista' tesprimi l-opinjoni tiegħek, tikkontesta d-deċiżjoni u titlob li d-deċiżjoni li ttieħdet permezz tal-algoritmu tiġi riveduta minn persuna.

Referenzi