Kontenut tal-paġna

Tweġiba

Tingħata protezzjoni addizzjonali għal din it-tip ta' data personali għaliex it-tfal  huma anqas konxji mir-riskji u l-konsegwenzi tal-kondiviżjoni tad-data u anqas konxji mid-drittijiet tagħhom. Kwalunkwe informazzjoni indirizzata speċifikament lejn it-tfal għandha tiġi adattata biex tkun aċċessibbli faċilment, u tuża lingwaġġ ċar u sempliċi.

Għal ħafna mis-servizzi onlajn huwa meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur jew tal-kustodju biex tiġi pproċessata d-data personali tat-tfal fuq il-bażi tal-kunsens sa ċertu età. Dan japplika fil-każ tas-siti tan-netwerking soċjali kif ukoll ta' pjattaformi għat-tniżżil ta' mużika u tax-xiri tal-logħob onlajn.

Il-limitu massimu tal-età biex jinkiseb il-kunsens tal-ġenituri huwa stabbilit minn kull Stat Membru tal-UE u jista' jvarja bejn 13 u 16. Ivverifika mal-Awtorità Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Data tiegħek.

Il-kumpaniji għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli, billi jqisu t-teknoloġija disponibbli, biex jivverifikaw li l-kunsens mogħti huwa verament konformi mal-liġi. Dan jista' jinvolvi l-implimentazzjoni ta' miżuri għall-verifika tal-età (pereżempju billi ssir mistoqsija li normalment t-tfal ma jkunux jistgħu jwieġbu jew il-minorenni jintalbu jipprovdu l-indirizz tal-posta elettronika tal-ġenituri tagħhom biex jintalab il-kunsens bil-miktub).

Is-servizzi preventivi jew ta' konsulenza offruti direttament lit-tfal huma eżentati mir-rekwiżit għall-kunsens tal-ġenituri għaliex ifittxu li jipproteġu l-aħjar interessi tat-tfal.

Eżempji

Il-kunsens tal-ġenituri huwa meħtieġ

Għandek tifla ta' 12-il sena. Tixtieq tissieħeb f'netwerk tal-midja soċjali popolari u tintalab għall-kunsens biex tiġi pproċessata informazzjoni dwar ir-reliġjon tagħha. Inti trid tagħti l-kunsens tiegħek fil-każ li tkun tridha  tissieħeb f'dak in-netwerk ta' midja soċjali.

Il-kunsens tal-ġenituri mhuwiex meħtieġ

It-tifel tiegħek ta' 17-il sena qed jaħseb biex jieħu sehem fi stħarriġ onlajn dwar it-tendenzi tiegħu fil-konsum tal-ħwejjeġ. Is-sit elettroniku jitlob il-kunsens biex jipproċessa d-data tiegħu. Billi huwa għandu aktar minn 16-il sena, jista' jagħti l-kunsens tiegħu mingħajr ma jitlob il-kunsens tiegħek.

Referenzi