Minn fejn jiġu l-liġijiet u l-politiki tal-UE
Il-Kummissjoni tipproponi liġijiet u politiki fuq inizjattiva tagħha stess. Tista’ twieġeb ukoll biex tagħmel dan bi stediniet mingħand:
- il-Kunsill Ewropew (il-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern ta’ kull pajjiż tal-UE)
- il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (ministri tal-gvern minn kull pajjiż tal-UE)
- il-Parlament Ewropew (elett direttament miċ-ċittadini tal-UE)
- miċ-ċittadini stess, wara Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li rnexxiet
Il-Kummissjoni tipprepara l-liġijiet u l-politiki b’mod trasparenti, abbażi ta' evidenza, u bl-appoġġ tal-opinjonijiet taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati. Dan jissejjaħ ir-Regolamentazzjoni Aħjar.
Regolamentazzjoni Aħjar: għaliex u kif
Kif jiġu ppjanati
Fil-programm ta’ ħidma annwali tagħha, il-Kummissjoni timpenja lilha nfisha politikament li twassal ċertu numru ta' prijoritajiet matul sena kalendarja partikolari.
Programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni
Kif inhu ddefinit il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom
Il-Kummissjoni tuża s-Sejħa għall-evidenza biex tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’:
- liġi jew politika ġdida politikament sensittiva u/jew importanti
- evalwazzjoni ta' liġi jew ta' politika eżistenti
- kontroll tal-idoneità ta’ ġabra ta’ liġijiet u/jew politiki eżistenti relatati
Sejħa għall-evidenza tiddeskrivi l-problema li għandha tiġi indirizzata u l-objettivi li għandhom jintlaħqu, tispjega għaliex hi meħtieġa azzjoni tal-UE, tiddeskrivi l-għażliet ta’ politika u tiddeskrivi l-karatteristiċi ewlenin tal-istrateġija ta’ konsultazzjoni, inkluż jekk hix meħtieġa konsultazzjoni pubblika bi kwestjonarju.
Is-sejħa għall-evidenza tikkombina żewġ passi li qabel kienu sekwenzjali: il-pjan direzzjonali/il-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu u l-kwestjonarju (fejn rilevanti).
Kif jiġi vvalutat l-impatt tagħhom
Meta l-impatti mistennija ta' liġi jew politika tal-UE x'aktarx li jkunu sinifikanti, il-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt qabel ma tagħmel il-proposta tagħha.
L-għan ta’ din il-valutazzjoni hu li tanalizza f’aktar dettall il-kwistjoni li għandha tiġi indirizzata, jekk għandhiex tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE u l-effetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali potenzjali tas-soluzzjonijiet differenti deskritti.
Ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt jgħinu biex jinformaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.
Aktar dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt
Għid tiegħek dwar aspetti tal-valutazzjonijiet tal-impatt
Min jista’ jikkontribwixxi
Kull min hu interessat jew li jista’ jiġi affettwat minn liġi jew politika eżistenti jew proposta jista’ jaqsam il-fehmiet tiegħu, jibgħat kummenti jew dokumenti ta’ pożizzjoni jew iwieġeb għal konsultazzjonijiet pubbliċi. Dawn jinkludu: awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, lokali u reġjonali, negozji, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u ċittadini individwali.
Kif tikkontribwixxi
Hemm diversi opportunitajiet biex tikkontribwixxi għat-tfassil tal-liġijiet tal-UE hi u tevolvi – mill-fażi tal-preparazzjoni sal-proposti għal-liġijiet ġodda u l-evalwazzjonijiet dwar kif il-liġijiet eżistenti tal-UE qed jiffunzjonaw.
Tista’ taqsam il-fehmiet u l-ideat tiegħek bl-24 lingwa tal-UE dwar l-inizjattivi tal-Kummissjoni fl-oqsma kollha ta’ politika fil-portal Semma’ Leħnek. Hu possibbli li wieħed jinkiteb għal notifiki dwar żviluppi ġodda hekk kif l-inizjattivi jieħdu forma, inkluż wara l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni.
Il-Kummissjoni tqis il-feedback fl-iżvilupp ulterjuri ta’ liġi jew politika, jew meta tivvaluta diversi liġijiet relatati jew ta' politiki f'qasam wieħed ta’ politika.
Ikkontribwixxi għat-tfassil tal-liġijiet fil-portal Semma’ Leħnek.
Forom ta’ konsultazzjoni oħrajn
Il-Kummissjoni tista’ tfittex ukoll l-għarfien espert f’qasam partikolari u timmira gruppi speċifiċi ta’ partijiet ikkonċernati permezz, pereżempju, ta':
- konsultazzjonijiet immirati
- laqgħat
- sessjonijiet ta' ħidma
- seminars
- panels ta’ negozji żgħar
- forums ta’ diskussjoni online
Kif il-kwalità tagħhom hi żgurata
Il-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar u s-sett ta’ għodod li jakkumpanjahom jipprovdu standards għall-kwalità meta jippjanaw u jipproponu politiki u liġijiet.
Linji gwida u sett ta' għodda għal regolamentazzjoni aħjar
Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju indipendenti jiċċekkja l-kwalità tal-abbozzi tal-valutazzjonijiet tal-impatt, evalwazzjonijiet ewlenin u tal-kontrolli tal-idoneità kollha tal-Kummissjoni.
Fil-prinċipju, inizjattiva akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt teħtieġ opinjoni pożittiva mill-bord li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni.
Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju
Irċievi notifiki dwar pjanijiet direzzjonali u konsultazzjonijiet pubbliċi ġodda.