Minn fejn jiġu l-liġijiet u l-politiki tal-UE

Il-Kummissjoni tipproponi liġijiet u politiki fuq inizjattiva tagħha stess. Tista’ twieġeb ukoll biex tagħmel dan bi stediniet:

  • mill-Kunsill Ewropew (kapijiet tal-istat jew tal-gvern ta' kull pajjiż tal-UE)
  • mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (ministri tal-gvern minn kull pajjiż tal-UE)
  • mill-Parlament Ewropew (elett direttament miċ-ċittadini tal-UE)
  • miċ-ċittadini stess, wara Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li tkun irnexxiet

Il-Kummissjoni tipprepara l-liġijiet u l-politiki b’mod trasparenti, abbażi ta' evidenza, u bl-appoġġ tal-opinjonijiet taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati. Din hi magħrufa bħala regolamentazzjoni aħjar.

Regolamentazzjoni aħjar: għaliex u kif

Kif jiġu ppjanati

Fil-programm ta’ ħidma annwali tagħha, il-Kummissjoni timpenja lilha nfisha politikament li twassal ċertu numru ta' prijoritajiet matul sena kalendarja partikolari.

Programm ta' ħidma tal-Kummissjoni 2016

Lista aktar komprensiva li tkopri inizjattivi ewlenin ippjanati kollha hi wkoll ippubblikata u aġġornata regolarment.

Kif inhu ddefinit il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom

Il-Kummissjoni tuża pjan direzzjonali biex tiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni:

  • ta' liġi jew ta' politika ewlenija ġdida
  • ta' evalwazzjoni ta' liġi jew ta' politika eżistenti
  • ta' kontroll tal-idoneità ta’ ġabra ta’ liġijiet u/jew politiki eżistenti relatati

Il-pjanijiet direzzjonali jiddeskrivu l-problema li għandha tiġi ttrattata u l-objettivi li għandhom jintlaħqu, jispjegaw għaliex hi meħtieġa l-azzjoni tal-UE, jiddeskrivu l-għażliet tal-politika u jiddeskrivu l-karatteristiċi ewlenin tal-istrateġija ta’ konsultazzjoni.

Xi drabi l-impatt potenzjali ta’ liġi jew ta’ politika fuq l-ekonomija, l-ambjent jew is-soċjetà hu tant kbir li hi meħtieġa valutazzjoni tal-impatt. F’dan il-każ, il-pjan direzzjonali hu sostitwit b’valutazzjoni tal-impatt tal-bidu, li jidħol f’aktar dettall.

Għid tiegħek dwar pjanijiet direzzjonali u valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu ppubblikati reċentement

Kif jiġi vvalutat l-impatt tagħhom

Meta l-impatti mistennija ta' liġi jew politika tal-UE x'aktarx li jkunu sinifikanti, il-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt qabel ma tagħmel il-proposta tagħha.

L-għan ta’ din il-valutazzjoni hu li tanalizza f’aktar dettall il-kwistjoni li għandha tiġi indirizzata, jekk għandhiex tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE u l-effetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali potenzjali tas-soluzzjonijiet differenti deskritti.

Ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt jgħinu biex jinformaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Aktar dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt

Għid x'taħseb dwar aspetti tal-valutazzjonijiet tal-impatt

Min jista’ jikkontribwixxi

Il-persuni kollha li jistgħu jiġu affettwati minn xi liġi jew proposta jew politika eżistenti. Dan jinkludi: l-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-pubbliku.

Kif issir kontribuzzjoni

Hemm diversi opportunitajiet biex tikkontribwixxi għat-tfassil tal-liġijiet tal-UE hi u tevolvi – mill-fażi tal-preparazzjoni sal-proposti għal liġijiet ġodda u l-evalwazzjonijiet dwar kif il-liġijiet eżistenti qed jiffunzjonaw. Il-feedback jista’ jingħata permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa u għodda oħra onlajn.

Il-Kummissjoni tqis il-feedback fl-iżvilupp ulterjuri ta’ liġi jew politika, jew meta tivvaluta diversi liġijiet relatati jew ta' politiki f'qasam wieħed ta’ politika.

Ikkontribwixxi għat-tfassil tal-liġijiet

Forom oħra ta’ konsultazzjoni

Il-Kummissjoni tista’ tfittex ukoll l-għarfien espert f’qasam partikolari u timmira gruppi speċifiċi ta’ partijiet ikkonċernati permezz, pereżempju, ta':

  • konsultazzjonijiet immirati
  • laqgħat
  • sessjonijiet ta' ħidma
  • seminars
  • panels ta’ negozji żgħar
  • forums ta’ diskussjoni onlajn

Kif il-kwalità tagħhom hi żgurata

Il-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar u s-sett ta' għodda (2015) li jakkumpanjahom jipprovdu standards għal kwalità meta jsiru l-ippjanar u l-proposti tal-politiki u l-liġijiet.

Linji gwida u sett ta' għodda għal regolamentazzjoni aħjar

Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju indipendenti jiċċekkja l-kwalità tal-abbozzi tal-valutazzjonijiet tal-impatt, evalwazzjonijiet ewlenin u tal-kontrolli tal-idoneità kollha tal-Kummissjoni.

Fil-prinċipju, inizjattiva akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt tirrikjedi opinjoni pożittiva mingħand il-bord li jrid isir qbil dwarha mill-Kummissjoni.

Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju

Irċievi notifiki dwar pjanijiet direzzjonali u konsultazzjonijiet pubbliċi ġodda.