Stadji ta’ proċedura ta’ ksur

Il-Kummissjoni tidentifika ksur possibbli tal-liġi tal-UE abbażi tal-investigazzjonijiet tagħha stess jew wara lmenti minn ċittadini, negozji jew partijiet ikkonċernati oħra.

 

Proċedura formali

 

Jekk il-pajjiż tal-UE kkonċernat jonqos milli jikkomunika miżuri li jittrasponu bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-direttivi, jew ma jirrettifikax il-ksur suspettat tal-liġi tal-UE, il-Kummissjoni tista’ tniedi proċedura ta’ ksur formali. Il-proċedura ssegwi għadd ta’ passi stabbiliti fit-trattati tal-UE, u kull pass jispiċċa b’deċiżjoni formali:

  1. Il-Kummissjoni tibgħat avviż ta' tqegħid formali fejn titlob aktar tagħrif lill-pajjiż ikkonċernat. Dan għandu jibgħat tweġiba dettaljata fi żmien speċifikat, is-soltu ta’ xahrejn.
  2. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-pajjiż qed jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont il-liġi tal-UE, tista’ tibgħat opinjoni motivata: talba formali biex il-pajjiż jikkonforma mal-liġi tal-UE. Din tispjega għaliex il-Kummissjoni tqis li l-pajjiż qed jikser il-liġi tal-UE. Titlob ukoll li l-pajjiż tal-UE jgħarraf lill-Kummissjoni bil-miżuri li ttieħdu, fi żmien speċifikat, is-soltu ta’ xahrejn.
  3. Jekk il-pajjiż tal-UE xorta ma jikkonformax, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-parti l-kbira tal-każijiet jiġu solvuti qabel ma jitressqu quddiem il-Qorti.
  4. Jekk il-pajjiż tal-UE jonqos milli jikkomunika miżuri li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva fil-ħin stipulat, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Qorti biex timponi pieni.
  5. Jekk il-Qorti ssib li pajjiż ikun kiser il-liġi tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu azzjoni sabiex jikkonformaw mas-sentenza tal-Qorti.

Nuqqas ta’ konformità ma’ deċiżjoni tal-Qorti

Jekk, minkejja s-sentenza tal-Qorti, il-pajjiż tal-UE xorta ma jirranġax is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tirreferi l-pajjiż lura lill-Qorti.

Pieni finanzjarji

Meta l-Kummissjoni tirreferi pajjiż tal-UE lill-Qorti għat-tieni darba, hija tipproponi lill-Qorti timponi pieni finanzjarji, li jistgħu jkunu jew somma f’daqqa u/jew ħlas kuljum.

Dawn il-pieni għandhom jiġu kkalkulati billi jitqiesu:

  • l-importanza tar-regoli li ġew miksura u l-impatt tal-ksur fuq interessi ġenerali u partikolari
  • il-perjodu meta l-liġi tal-UE ma ġietx applikata
  • il-kapaċità tal-pajjiż li jħallas, fejn jiġi żgurat li l-multi jkollhom effett dissważiv

L-ammont propost mill-Kummissjoni jista' jiġi mibdul mill-Qorti fis-sentenza tagħha.

Aġġornamenti annwali fid-dejta li tuża l-Kummissjoni biex tikkalkola l-pieni finanzjarji 

Pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ksur

Informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar ksur tinsab onlajn. Tista’ tfittex din l-informazzjoni permezz tal-pajjiż tal-UE, tal-qasam ta’ politika jew tad-data.

Il-Kummissjoni tippubblika wkoll rapport annwali li jirrevedi aspetti ewlenin tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE u l-preżentazzjoni ta’ każijiet ta’ ksur, skont il-qasam ta’ politika u skont il-pajjiż.

Rapporti annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE