L-opportunitajiet ewlenin ta’ finanzjament

Edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport (Erasmus+)

Erasmus+ huwa l-programm tal-UE li għandu l-għan li jtejjeb il-ħiliet u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, jippromwovi l-inklużjoni soċjali u l-benessri tagħhom, u jrawwem titjib fil-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ u l-politika dwar iż-żgħażagħ fil-livell lokali, nazzjonali u internazzjonali.

L-attivitajiet ta' finanzjament huma ġestiti ċentralment mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) jew mill-aġenziji nazzjonali f'kull pajjiż.

Niġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ 

L-Inizjattiva favur l-Impjiegi għaż-Żgħażagħ tappoġġja ż-żgħażagħ bla xogħol li mhumiex fl-edukazzjoni jew f’taħriġ f’reġjuni b’rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ogħla minn 25%. 

Il-Garanzija taż-Żgħażagħ hija garanzija għall-persuni bla xogħol taħt il-25 sena — kemm jekk irreġistrati ma’ servizzi li jfittxu x-xogħol kemm jekk le — li se jingħataw offerta speċifika ta’ xogħol ta’ kwalità tajba fi żmien erba’ xhur minn meta jitilqu l-edukazzjoni formali jew jispiċċaw bla xogħol. Dawn l-iskemi huma stabbiliti mill-awtoritajiet ta’ ġestjoni fil-pajjiżi tal-UE u appoġġati b'fondi tal-UE.

L-awtoritajiet ta’ ġestjoni f’kull pajjiż tal-UE jistgħu jipprovdu iktar dettalji kemm fuq l-Inizjattiva favur l-Impjiegi għaż-Żgħażagħ kif ukoll fuq il-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni

L-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie huma miftuħin għar-riċerkaturi fid-dixxiplini kollha, mill-kura tas-saħħa li ssalva l-ħajjiet sax-xjenza ‘blue-sky’. L-attivitajiet huma implimentati mill-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA).

Intraprendituri żgħażagħ 

Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ huwa programm ta’ skambju transfruntier li jippermetti li imprendituri żgħażagħ b’aspirazzjonijiet għoljin jitgħallmu mingħand imprendituri ta’ esperjenza. Jaqa' taħt il-programm COSME u huwa ġestit mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME).

L-agrikoltura

Bdiewa żgħażagħ jistgħu jkunu eliġibbli għal pagament top-up li jiswa daqs 25% tal-pagament dirett li jirċievu. Il-pagament top-up japplika għal bdiewa taħt l-40 sena u huwa pprovdut mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija.

Iż-żgħażagħ jistgħu jkunu wkoll eliġibbli għal finanzjament taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. Kull programm għall-iżvilupp rurali fih miżuri li għalihom il-fond jista’ jipprovdi assistenza liż-żgħażagħ, skont il-prijoritajiet ta’ kull pajjiż jew reġjun.