Opportunitajiet ewlenin ta’ finanzjament

Madwar 80% tas-sorsi ta’ finanzjament tal-UE għall-NGOs huma mmaniġġjati mill-pajjiżi tal-UE nfushom. Kull pajjiż jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-finanzjament u l-proċeduri ta’ applikazzjoni fuq is-siti web tal-awtoritajiet tal-ġestjoni. Il-kumplament huma maniġġjati mill-Kummissjoni jew minn korpi oħra tal-UE.

Inklużjoni soċjali, ugwaljanza bejn is-sessi u opportunitajiet indaqs

NGOs li jaħdmu f’dawn l-oqsma jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Dawn il-fondi huma mmaniġġjati mill-l-awtoritajiet maniġerjali tar-reġjun jew pajjiż tal-UE.

Kultura u Midja

Il-programm Ewropa Kreattiva jappoġġja inizjattivi relatati mas-settur awdjoviżiv, kulturali u kreattiv Ewropew. Il-programm jikkonsisti f’żewġ sottoprogrammi: Culture u MEDIA.

L-opportunitajiet għal sottoprogrammi Kulturali ikopru firxa varjata ta’ skemi: proġetti ta' kooperazzjoni, traduzzjoni litterarja, netwerks u pjattaformi, filwaqt li s-sottoprogramm MEDIA jipprovdi appoġġ finanzjarju sabiex jgħin lill-industriji tal-films u dawk awdjoviżivi tal-UE jiżviluppaw, jiddistribwixxu u jippromwovu x-xogħol tagħhom. Il-programm jiffinanzja wkoll taħriġ u skemi ta’ żvilupp tal-films.

Il-programm Ewropa Kreattiva hu mmaniġġjat mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA).

Trawwim taċ-ċittadinanza u l-parteċipazzjoni ċivika

Il-programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini għandu żewġ għanijiet ewlenin: li jgħin lill-pubbliku jifhem l-UE, l-istorja u d-diversità tagħha, u li jrawwem ċittadinanza Ewropea u jtejjeb il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni demokratika u ċivika fil-livell tal-UE. Il-programm hu mmaniġġjat ukoll minn EACEA.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni

Sfidi Soċjetali, komponent tal-programm dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020, jipprovdi fondi għal proġetti li jkopru oqsma bħas-saħħa, it-tibdil demografiku, is-sigurtà tal-ikel, l-agrikoltura u l-forestrija sostenibbli, ir-riċerka tal-baħar, marittima u l-ilmijiet interni. Il-programm huwa mmaniġġjat mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME).

L-NGOs jistgħu japplikaw ukoll għal proġetti taħt ”Trasport intelliġenti, ekoloġiku u integrat” u ”Enerġija sikura, nadifa u effiċjenti”, żewġ komponenti oħra tal-programm H2020 li huma mmaniġġjati mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA).

Għajnuna għall-iżvilupp u dik umanitarja

L-NGOs jistgħu jiksbu finanzjament taħt il-maġġoranza tal-programmi tematiċi u reġjonali mmaniġġjati mid-dipartiment tal-Kummissjoni għall-kooperazzjoni internazzjonali u l-iżvilupp (DEVCO). 

L-NGOs huma wkoll eliġibbli għal finanzjament għal għajnuna umanitarja u protezzjoni ċivili permezz tad-dipartiment tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili (ECHO).

Trasport, Enerġija u ICT

Xi oqsma ta’ finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) huma miftuħin għall-NGOs. Il-Programm CEF huwa mmaniġġjat mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA).