Kontenut tal-paġna

It-tranżazzjonijiet kollha li jirrigwardaw il-fondi tal-UE huma regolati skont ir-regoli tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE deskritti fir-Regolament Finanzjarju tal-UE u programmi oħra ta’ finanzjament. Din it-taqsima tenfasizza xi wħud minn dawn ir-regoli.

 

Il-kofinanzjament u r-rappurtar

Il-biċċa l-kbira tal-proġetti ffinanzjati mill-UE jkunu kofinanzjati mill-Kummissjoni u l-benefiċjarji. Dan jiżgura li l-finanzjament tal-UE qed jitqassam skont il-ħtiġijiet. Il-benefiċjarji jżommu r-responsabbiltajiet operattivi u finanzjarji tal-proġett.

 

L-għotjiet jitħallsu kompletament meta l-benefiċjarji juru b’mod ċar li jkunu temmew il-proġett b’suċċess. F’ħafna każijiet, il-benefiċjarji jkunu meħtieġa juru kif qed jintefqu l-flus. Hemm linji gwida u regolamenti dwar kif għandhom jippreżentaw l-ispejjeż eliġibbli.

 

Min imexxi?

Għalkemm il-Kummissjoni Ewropea għandha r-responsabbiltà aħħarija li tiżgura li l-flus tal-baġit tal-UE jintefqu b’mod korrett, madwar 80% tal-finanzjament tal-UE huwa ġestit fil-livell tal-pajjiżi.

Il-ġestjoni tal-fondi tal-UE

 

It-trasparenza u t-trattament ugwali

L-applikanti kollha jibbenefikaw mill-prinċipji ta' trasparenza u trattament ugwali kemm jekk ikunu qegħdin japplikaw għal għotja ġestita mill-Kummissjoni Ewropea, jew minn awtorità maniġerjali, kif ukoll jekk qegħdin jieħdu sehem f’sejħa għall-offerti.

 

It-trasparenza tiżgura li l-opportunitajiet ta’ finanzjament mill-UE huma aċċessibbli għal kulħadd. Is-sejħiet għal proposti u s-sejħiet għal offerti jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea u fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

 

L-informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-finanzjament mill-UE hija pubblika. L-ismijiet tal-benefiċjarji, l-għan u l-lokalità tal-fondi ġestiti mill-Kummissjoni Ewropea u l-ammonti li jirċievu jiġu ppubblikati kull sena fis-sit web tas-Sistema ta’ Trasparenza Finanzjarja (FTS).

 

Għall-finanzjament ġestit mill-pajjiżi tal-UE, l-ismijiet tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji involuti jinstabu wkoll fuq is-siti web nazzjonali. Dan jinkludi l-finanzjament ipprovdut taħt il-politika agrikola komuni, il-politika għall-affarijiet marittimi u s-sajd u l-fondi strutturali u ta’ investiment.

 

L-obbligu ta' rendikont

Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-Kummissjoni Ewropea li hija responsabbli biex tiggarantixxi li l-fondi tal-UE jintefqu kif suppost. Il-Parlament Ewropew japprova l-baġit tal-UE u l-mod kif il-Kummissjoni Ewropea timplimentah. Dan il-proċess hu msejjaħ “Kwittanza Baġitarja”. Ir-rapporti tal-attività annwali u d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni jiġu prodotti mid-dipartimenti tal-Kummissjoni Ewropea bħala dokumenti kontabbli. Madankollu, peress li aktar minn 80% tal-finanzjament huma ġestiti mill-pajjiżi tal-UE, il-pajjiżi tal-UE jkollhom is-sistemi ta’ kontroll interni tagħhom. Kull pajjiż hu meħtieġ jipprovdi wkoll il-kontijiet tiegħu, dikjarazzjoni ta’ ġestjoni, sommarju tal-awditi u l-verifiki biex jiżgura r-responsabbiltà.

 

Kontroll

L-istrumenti ta’ kontroll jiġu introdotti mill-Kummissjoni biex jikkontrollaw l-infiq tal-UE. Is-Sistema ta’ Individwazzjoni u ta’ Esklużjoni Bikrija, pereżempju, hija waħda mill-għodod li tuża l-Kummissjoni għall-prevenzjoni ta’ frodi u korruzzjoni. Il-bażi tad-dejta tiġbor fiha informazzjoni dwar persuni u organizzazzjonijiet ħatja ta' frodi, korruzzjoni jew involviment f’attivitajiet kriminali. Din l-għodda tgħin lill-UE teskludi tali persuni u organizzazzjonijiet, tiskopri frodi fi stadju bikri u timponi sanzjonijiet fejn meħtieġ.